Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi diffikultajiet sabiex Ġnien Sir Paul Boffa f'Raħal Ġdid jgħaddi f'idejn il-kunsill lokali, Paola peress li issa għadda ħafna żmien minn meta l-kunsill lokali, għamel talba lill-Gvern Ċentrali għad-devoluzzjoni tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi, peress li l-Kunsill Lokali Paola wera x-xewqa illi dan il-ġnien jgħaddi f`idejh fi stat tajjeb, id-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta` qiegħed f`konsultazzjoni mad-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni fi ħdan il-Ministeru ta` l-Ambjent, biex jara x`jista jsir mix-xogħlijiet li skond il-Kunsill huma meqjusa neċessarji. Infakkar, iżda, lill-Onor. Interpellant li kull talba ta` devoluzzjoni trid tiġi approvata mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid meta se ttieħed azzjoni diretta mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex jitneħħew l-istrutturi llegali ma' l-istabbiliment Puschka / Pescatore? X'qed iżomm lill-Awtorita' milli tieħu l-passi meħtieġa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi jirriżulta li fil-fatt l-Awtorita` ta` l-Ippjanar kienet ħadet il-passi u tneħħew stutturi ta` l-'aluminium' u ħġieġ fil-'front garden' mill-applikant innifsu. Rigward strutturi oħra llegali li għadhom fil-post, l-Awtorita` qiegħda tistenna l-eżitu ta` applikazzjoni sanatorja b`referenza PA 3948/00.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar f'Jannar u Frar 2001 dwar żvilupp illegali fin-naħa ta' quddiem ta' l-istabbiliment Puschka / Pescatore f'San Pawl il-Baħar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fid-19 ta` Jannar 2001, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ħarġet Avviż biex Tieqaf u ta` Twettieq b`referenza ECF 76/01, dwar tinda li qegħda ssir mingħajr permess u li tikkonsisti f`pilastri tal-'bricks' u travi ta` l-injam. Wara l-ħruġ ta` l-imsemmi Avviż, is-sid kompla jsaqqaf parti minn din it-tinda billi poġġa 'frames' tal-ħadid u ħġieġ. Għaldaqstant l-Awtorita` għamlet diversi spezzjonijiet permezz ta` Spetturi tas-sezzjoni ta` l-Infurzar (u anke bil-preżenza tal-Pulizija) u wissiet lis-sid biex fi żmien 15-il ġurnata jneħħi dak ix-xogħol li sar wara l-ħruġ ta` l-imsemmi Avviż. Fin-nuqqas ta` dan, jittieħdu aktar passi skond in-neċessita`. Jirriżulta wkoll li saret applikazzjoni sanatorja b`referenza PA 598/01.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex infurmat li qed isir bini illegali fi Triq Kanonku Bonnici, Santa Venera? Jaf li fost l-oħrajn hemm stalel ta' l-annimali? X'passi se jieħu biex jara li din l-illegalita' u abbuż jieqaf?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma jirriżultaliex li qed isir xi bini llegali fit-triq li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant. Rigward l-allegazzjoni dwar stalel t`annimali, ninsab infurmat illi fit-triq imsemmija hemm garaxx fejn qed jinżamm żiemel u karrozzin minn persuna li hi liċenzjata mill-Pulizija sabiex topera ta` kuċċier bil-karrozzin minn dan il-post.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-għasses tal-pulizija li se ssir manutenzjoni fuqhom matul din is-sena?
X'xogħol se jsir? Kemm se jiswa? Ix-xogħol isir mill-pulizija jew jingħata lill-kuntrattur? Jekk jingħata lill-kuntrattur, jista' jgħid x'kienu jiswew il-kuntratti is-sena li għaddiet? Kemm ingħata din is-sena s'issa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħalissa qiegħed isir survey ta` l-għasses kollha tal-Pulizija sabiex ikun magħruf eżatt x`xogħol huwa meħtieġ li jsir f`kull Għassa. Meta dan ikun lest ikun jista` jiġi ppjanat ix-xogħol li għandu jsir. Infurmat ukoll illi matul is-sena li għaddiet u din is-sena ma` sar ebda xogħol f`dan ir-rigward minn kuntratturi.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2000 u 2001, kemm ir-rapport sar lill-għassa tal-Pulizija tal-Qawra mill-ġirien ta' l-istabbiliment Puschka / Pescatore minħabba storbju waqt discos illegali kull nhar ta' Ħadd filgħaxija sa kmieni filgħodu t-Tnejn? X'passi ttieħdu mill-pulizija? Fl-istess għassa kemm saru rapporti minn ġirien dwar storbju, ħmieġ u vandaliżmu li jagħmlu persuni li jkunu f'dan l-istabbiliment u joħorġu fis-1.30am wara li jattendu discos illegali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mir-records disponibbli jirriżulta li matul is-sena 2000, il-Pulizija kellha 16-il rapport li jikkonċerna lill-istabbiliment imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, filwaqt li matul din is-sena kien hemm 2 rapporti. Dawn ir-rapporti kollha kienu prinċipalment dwar daqq ta` mużika b`volum għoli wara l-11.00pm u inkonvenjent lill-ġirien. Infurmat ukoll illi dawn ir-rapporti kollha ġew investigati mill-Pulizija u meta rriżulta li kien hemm ksur ta` liġi, ittieħdu passi kemm kontra s-sid kif ukoll kontra d-disc jockey. Barra minn hekk, ninsab infurmat ukoll illi l-Pulizija qegħdha tagħmel spezzjonijiet f`dan l-istabbiliment regolarment u mhux biss meta jkun hemm xi rapporti.
Minħabba li s-servizz tad-dipartiment tal-protezzjoni ċivili qiegħed dejjem jitwessa' u d-domanda għalih qed tiżdied, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiddaħħlu aktar nies ma' dan id-dipartiment?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-mument in-numru ta` uffiċjali impjegati fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili huwa adekwat għall-ħtiġijiet tas-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ħarġitx permess għal roundabout fil-ħruġ miż-Żejtun għat-Triq il-Barrani.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li kienet saret applikazzjoni mid-Direttur tad-Dipartiment tat-Toroq (PA 1764/00) għall-"immaniġjar tat-traffiku" fil-post li rrefera għalih l-Onor. Interpellant. Din l-applikazzjoni ġiet approvata mill-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp (DCC) fit-23 ta` Ottubru 2000 u l-permess ġie maħruġ fit-13 ta` Novembru 2000.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li jindika n-numru ta' applikazzjonijiet fil-planning authority li kien hemm, sena b'sena, għal change of use minn fond residenzjali għal fondi kummerċjali matul dawn l-aħħar sitt snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` applikazzjonijiet li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar irċeviet biex ikun hemm tibdil minn użu residenzjali għal użu kummerċjali kienu kif ġej:-
Sena Numru
1995 910
1996 836
1997 717
1998 752
1999 792
2000 704
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma mpjegati nies fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Kemm huma tekniċi? Kemm minn dawn ta' l-aħħar huma marbuta li ma jistgħux jaħdmu privatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fl-Awtorita` ta` l-Ippjanar hemm 318 impjegat, li minnhom 233 huma tekniċi.
Skond il-ftehim kollettiv kurrenti, ħadd m`għandu liberta` kontrattwali li jagħmel xogħol privat sakemm ma jġibx permess mingħand ic-chairman jew id-delegat tiegħu u dan il-permess jista` jingħata fejn ma jkunx jeżisti konflitt ta` interess.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal bini ogħla minn erba' sulari, sena b'sena mit-twaqqif tagħha?
Kemm ġew approvati u fejn?
Kemm ġew refused u fejn?
Response (BORG, TONIO)
Is-sistema ta` informazzjoni ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma takkomadax din it-tip ta` informazzjoni u għalhekk huwa diffiċli sabiex tiġi pprovduta l-informazzjoni rikjesta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal żvillupp taħt l-art sena b'sena mit-twaqqif tagħha? Kemm ġew approvati u fejn? Kemm ġew refused u fejn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ta` min jinnota iżda, li l-informazzjoni pprovduta tinkludi dawk l-applikazzjonijiet li l-iżvilupp taħt l-art huwa ndikat fid-deskrizzjoni ta` l-iżvilupp fl-applikazzjoni. Jista` jagħti l-każ li hemm applikazzjonijiet li għalkemm din il-parti ta` l-iżvilupp mhix indikata fid-deskrizzjoni, tkun indikata fil-pjanti sottomessi ma` l-applikazzjoni. Minħabba dan il-fatt, l-informazzjoni ma tkunx irreġistrata fis-sistema ta` informazzjoni ta` l-Awtorita` u għaldaqstant mhux possibli li tiġi nkluża fir-risposta pprovduta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal stalazzjoni ta' satellite dish lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar sena b'sena mit-twaqqif tagħha?
Kemm ġew approvati?
Kemm ġew refused?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` applikazzjonijiet għall-permess ta` żvilupp u notifiki taħt l-Ordni Ġenerali għall-Iżvilupp (GDO) għall-Installazzjoni ta` Satellite Dishes li saru lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar kien kif ġej:-
Sena
Riċevuti
Approvati
Rifjutati
1993
36
24
12
1994
114
78
28
1995
139
109
23
1996
147
128
10
1997
212
175
28
1998
1,241
1,061
153
1999
1,827
1,658
165
2000
2,956
2,710
178
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal change of use lill-awtorita' tal-ippjanar, sena b'sena mit-twaqqif tagħha?
Kemm ġew approvati?
Kemm ġew refused?
Kemm kienu change of use minn housing (residenzjali) għal kummerċjali sena b'sena?
Kemm ġew approvati u fejn?
Kemm ġew refused u fejn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tabella A turi n-numru ta` applikazzjonijiet li rċeviet l-Awtorita` ta` l-Ippjanar għal bdil fl-użu mit-twaqqif tagħha sal-lum, kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew aċċettati u kemm minnhom ġew rifjutati.
Tabella B turi kemm kien hemm applikazzjonijiet li talbu bdil fl-użu minn wieħed residenzjali għal wieħed kummerċjali, kemm minnhom ġew aċċettati u fejn, u kemm ġew irrifjutati u fejn.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm petshops liċenzjati f'Malta?
F'liema lokalitajiet jinstabu dawn il-ħwienet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi f`Malta hawn 131 ħanut liċenzjat mal-Pulizija li b`xi mod jinkwadra taħt il-kategorija ta` pet shop. Dawn jinstabu f`dawn il-lokalitajiet:
Valletta
Cospicua
Birżebbugia
Msida
Dingli
Mosta
Floriana
Vittoriosa
Għaxaq
San Ġiljan
St. Venera
Burmarrad
Qormi
Kalkara
Żurrieq
Ibraġġ
Rabat
Mellieħa
Siġġiewi
Marsascala
Gudja
San Ġwann
Birkirkara
San Pawl il-Baħar
Żebbuġ
Senglea
Safi
Swieqi
Balzan
Paola
Żabbar
Mqabba
Ħamrun
Attard
Fgura
Żejtun
Sliema
Marsa
Naxxar
Tarxien
Marsaxlokk
Gżira
Mtarfa
Għargħur
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-pulizija dwar id-disturb regolari li qed isofru il-ġirien tar-ristorant it-Terrazza fi Spinola Road f'San Ġiljan li jibqa' bil-ħsejjes ta' xogħol sas-sigħat bikrin ta' filgħodu bl-iskariġġ ta' kaxxi u ħruġ ta' basktijiet ta' skart?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija qatt ma rċeviet ilmenti dwar dan l-allegat inkonvenjent. Għaddejt l-ilment sollevat mill-Onor. Interpellant lill-Awtoritajiet tal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 23589 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u li ġiet riferuta lilu u cioe': Jista' l-Ministru jara li jinġabru l-madwar sitt iklieb kbar li hemm jiġġerrew mat-toroq ta' l-industrial estate fir-Ricasoli, Kalkara?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għalkemm il-Pulizija ma kelliex rapporti ta` klieb li jkunu jiġġerrew barra f`din il-lokalita`, ser jittieħdu passi sabiex jekk hemm xi klieb bħal dawn jiġu miġbura mill-S.P.C.A.
Jista' l-Ministru jgħid x' oġġezzjonijiet hemm biex jagħmel progress l-applikazzjoni 2501/94 biex il- Costa del Sol jiżviluppa stabbiliment turistiku fl-inħawi kif żviluppaw għadd ta' lukandi oħrajn fil-bajja ta' l-Għadira?
X'qed iwassal biex Costa del Sol tiġi trattata b'mod diskriminatorju meta ħaddieħor fl-istess inħawi tħalla jiżviluppa lukandi u stabbilimenti oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni PA 2551/94 (mhux PA 2501/94) ġiet rifjutata mill-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp fl-4 ta` Diċembru 1997. Wara din id-deċiżjoni, saret talba għar-rikonsiderazzjoni li ġiet rifjutata mill-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp fis-26 ta` Awissu 1998. Sar appell quddiem il-Bord ta` l-Appell dwar l-Ippjanar li fit-23 ta` Frar, 2000, iddeċieda li din l-applikazzjoni terġa` tinbagħat quddiem l-Awtorita` ta` l-Ippjanar biex terġa` tiġi pproċessata. Ir-raġuni li ta l-Bord ta` l-Appell kienet li "l-file relattiv ma ġiex proċessat sewwa, mhux li ma ġiex proċessat mill-lat proċedurali, iżda li hemm xi elementi li (ċertament bi żvista) ma ġewx indirizzati, per eżempju EIA`s etc." Wara diskussjonijiet riċenti, id-Direttorat ta` l-Ippjanar ta parir lill-applikant biex jiddiskuti l-proposta ma` l-Awtorita` tat-Turiżmu, sabiex il-proposta tkun tista` titressaq quddiem il-Kumitat konġunt bejn id-Direttorat ta` l-Ippjanar u d-Direttorat ta` l-Awtorita` tat-Turiżmu.
Jista' l-Ministru jgħid x'permessi ħarġu fis-snin 1973 u 1974 għall-beach establishments? B'liema kundizzjonijiet ħarġu dawn il-permessi? Hemm min għalqilhom iż-żmien ta' dan il-permess? X'ġara fil-każ ta' dawk li għalqilhom il-permess? Tbiddlulhom il-kundizzjonijiet? Kif?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1973 u l-1974 kien hemm tlett każijiet fejn id-Dipartiment ta` l-Artijiet kien ta permessi ta` beach establishment, kif muri hawn taħt:
Armier Bay Lido fil-bajja tal-Armier, l-Mellieħa mogħti b`ċens temporanju ta` 25 sena b`effett mit-8 ta` Marzu, 1974, b`ċens ta` Lm250.00 fis-sena. Dan iċ-ċens skada fis-7 ta` Marzu, 1999, u bħalissa mhux qed jiġi aċċettat ċens.
Ray`s Lido bil-bajja ta` Little Armier, l-Mellieħa mogħti b`ċens temporanju ta` 25 sena b`effett mis-17 ta` Mejju, 1974, b`ċens ta` Lm501.00 fis-sena. Dan iċ-ċens skada fis-16 ta` Mejju, 1999, u bħalissa mhux qed jiġi aċċettat ċens.
Costa del Sol Lido bil-bajja tal-Għadira, l-Mellieħa mogħti b`ċens temporanju ta` 25 sena b`effett mill-10 ta` April, 1974, b`ċens ta` Lm250.00 fis-sena. Dan iċ-ċens skada fid-9 ta` April, 1999, u bħalissa mhux qed jiġi aċċettat ċens.
It-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern bħalissa qed tfassal policy ġdida li, fost affarijiet oħra tkun tirregola każijiet ta` ċens li jkun skada, bħal fil-każ tal-beach establishments hawn fuq imsemmija. Hekk kif titlesta din il-policy u tingħata l-approvazzjoni meħtieġa, din tingħata l-pubbliċita` xierqa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw permessi ġodda għan-negozji fl-1996, 1997, 1998, 1999 u 2000?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-1996 sas-sena 2000 in-numru ta` permessi għal negozji ġodda li nħarġu mill-Pulizija hu kif jidher hawn taħt:-
1996 1997 1998 1999 2000
542 418 388 522 536