B'riferenza għal 250 persuna ta' ċittadinanza barranija jirreġistraw għax-xogħol f'pajjiżna, jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' impjieg dawn qed jirreġistraw għalih?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li rigward il-205 persuna ta’ ċittadinanza barranija li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol sa’ l-aħħar ta’ Lulju 2006 fuq l-Ewwel u t-Tieni Parti tar-Reġistru, hawn taħt issib x’tip ta’ impjieg dawn kienu qed jirregistraw għalih:
ISCO-88 MAJOR GROUPS
Total
Legislators, Senior Officials and Managers
9
Professionals
9
Technicians and Associate Professionals
32
Clerks
30
Service Workers and shop and market sales workers
31
Skilled agriculture and fishery workers
3
Crafts and related trade workers
38
Plant and machinery operators and assemblers
28
Elementary Occupations
25
Total
205
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21425 u jgħid kemm kien hawn studenti barranin jistudjaw fl-Univerista' ta' Malta fl-2004, fl-2005 u fl-2006 (sal-lum)? X'kien id-dħul ta' l-Universita' ta' Malta minn dawn l-istudenti? Liema kienu l-aktar tliet nazzjonalitajiet li ġew jistudjaw fl-Universita' ta' Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti barranin f'dawn l-aħħar tlett snin huwa :
Sena Numru ta' Studenti
2004/5 567
2005/6 582
2006/7 618
Informat ukoll li t-3 nazzjonalitajiet minn fejn ġew l-iktar studenti huma r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Bulgaria u r-Russia.
Jista' il-Ministru jgħid kemm persuni nqatgħu minn fuq l-ewwel parti tar-reġistru għax-xogħol kull xahar din is-sena u għaliex inqatgħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella ta' kemm persuni nqatgħu minn fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru tal-qgħad kull xahar din is-sena (2006) u għaliex inqatgħu.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni jattendu l-ischool girls mothers unit illum u kemm kien kull sena f'dawn l-aħħar ħames snin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' persuni jattendu l-iSchool Girls' Mothers Unit f'dawn l-aħħar ħames snin huwa hekk:
Minn Jannar sa Diċembru:
2001 - 116
2002 - 131
2003 - 140
2004 - 153
2005 - 156
2006 - 147 tfajla tqal sa Ottubru
30 tfajla jattendu l-Mother and Baby Support Group
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li nqatgħu mill-ewwel parti tar-reġistru minħabba li kellhom ċertifikat mediku din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' persuni li nqatgħu mill-ewwel parti tar-reġistru għax ma ġewx jirreġistraw minn jeddhom (lapses) u li tħallew jerġgħu jirreġistraw minħabba li kienu koperti b'ċertifikat mediku kien ta' 2,418 għal perjodu ta' bejn Jannar u Awissu 2006.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi annex li qed jintuża ġewwa l-Imsida u li jagħmel parti mill-istitut tal-hairdressing li jinsab f'Tas-Sliema? Jekk fl-affermattiv, fejn jinsab dan u jfissirx ukoll li l-istudenti jkollhom joqogħdu jmorru minn post għall-ieħor matul il-ġurnata? Jikkonferma l-Ministru li minħabba nuqqas ta' spazju ġewwa Tas-Sliema, xi lezzjonijiet qed isiru fit-toilet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-blokk ta' l-Imsida jsiru l-lezzjonijiet għal studenti tal-Community Services, fosthom dawk li qed jagħmlu l-kors tal-Hairdressing. Fil-blokk ta' tas-Sliema isiru wkoll lezzjonijiet u aktar prattika għal studenti li qed jagħmlu l-korsijiet tal-Hairdressing u Beauty Therapy.
L-ebda student ma jmur minn post għall-ieħor matul il-ġurnata, l-istudenti għandhom ġranet fejn imorru l-Imsida u ġranet fejn imorru tas-Sliema.
Għalkemm hemm nuqqas ta' spazju ġewwa tas-Sliema, qatt ma saru lezzjonijiet fit-toilet.
Tajjeb ukoll ngħid li bħalissa qed jinbena blokk fil-Campus ta' l-MCAST ta' Raħal Ġdid biex jakkomoda aħjar l-istudenti u l-korsijiet ta' dan l-Istitut. Dan qed isir bl-għajnuna ta' l-U.E.
Jista' il-Ministru jgħid x'qed jagħmlu l-awtoritajiet edukattivi sabiex isolvu l-problema ta' nuqqas ta' għalliema/lecturers fl-iskola marittima jew nawtika li tinsab fil-Kalkara u li taqa' taħt ir-responsabbilta' ta' l-MCAST? Jista' jgħid ukoll jekk l-istudenti kollha li qed jattendu f'din l-iskola għandhomx stipendju jew le? Jista' jgħid x'inhuma l-entry requirements preżenti u kif kienu tliet snin ilu? Liema huma l-eżamijiet u/jew iċ-ċertifikazzjoni li jingħataw fl-aħħar tal-kors? Kemm idum kors f'din l-iskola? Meta jsiru l-eżamijiet ta' l-aħħar tal-kors u min huma l-eżaminaturi? X'inhuma l-pjani ta' l-MCAST għal din l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa, l-Istitut Marittimu għandu l-għalliema meħtieġa għall-korsijiet kollha li qed isiru full-time u li fil-fatt iddaħħal full-time lecturer ieħor u zewġ part-timers biex jgħallmu fuq il-korsijiet ewlenin.
L-istudenti kollha li huma intitolati li jirċievu l-istipendju qegħdin jirċievuħ jew qegħdin fil-proċess li jirċievuħ, speċjalment jekk huma studenti li daħlu mat-tieni sejħa ta' applikazzjonijiet riċentement.
Il-kwalifiki meħtieġa għad-dħul f'kull kors huma stipulati fil-Prospectus tal-Kulleġġ. Dettalji ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Informat ukoll li l-MCAST se jkompli joffri l-korsijiet ezistenti kif ukoll oħrajn skond il-ħtieġa u se jkompli jinvesti fir-rizorsi biex jitwettqu dawn il-korsijiet.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kellu karozzi mikrija matul din is-sena l-ministeru, id-dipartimenti u l-enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, maqsuma skond kull dipartiment jew enti u r-rati relattivi għal kull kirja?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tagħrif dwar l-Universita' ta' Malta għadu ma wasallix fl-uffiċju.
Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefqu flus bħala hospitality mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006 maqsuma skond dipartimenti jew enti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat hekk:
Tagħrif dwar l-Universita' ta' Malta għadu qed jinġabar.
Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent kemm huwa n-numru ta' għalliema fl-iskejjel sekondarji/primarji u oħrajn ta' l-Istat, separatament? X'suġġetti jkopru dawn l-għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat hekk :
Skejjel Numru ta' għalliema (approx.) fl-iskejjel ta' l-Istat
Primarji 862
Sekondarji 2,197
Skejjel Speċjali
u Servizzi Peripatetiċi 90
Total 3,149.
Jista' il-Ministru jindaga u jispjega kif tiraturi Maltin li m'għandhomx dritt jisparaw arma tan-nar hawn Malta għax huma taħt l-eta', intgħażlu mill-Malta shooting federation biex jirrappreżentaw lil pajjiżna f'kompetizzjonijiet internazzjonali barra minn Malta? X'għajnuna tingħata lil din l-għaqda mill-gvern Malti? X'persentaġġ intuża mill-federation biex dawn it-tfal jittellgħu barra minn Malta meta Maltin oħra m'għandhomx dritt jipparteċipaw f'dan l-isport għax għad m'għandhomx eta'?
Response (GALEA, LOUIS)
L-ewwelnett nirreferi l-Onor. Membru għall-provvedimenti l-ġodda ta' l-Att dwar l-Armi li daħal fis-seħħ fil-15 ta' Awissu 2006, b'mod partikolari artikolu 26 li jippermetti l-prattika ta' l-isparar bil-mira b'armi lil persuni li jkunu għalqu l-14 il-sena taħt kondizzjonijiet speċjali.
Informat li b'arranġament mall-Kumitat Olimpiku Malti, kull materja ta' natura teknika li tinvolvi għażliet t'atleti u finanzjament ta' programmi ta' taħriġ u kompetizzjonijiet hija kompetenza tal-Kumitat Olimpiku Malti.
Universita' — Studenti li qed isegwu full-time course
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti fl-Universita' ta' Malta li bħalissa qed isegwu full-time course? Kemm huma l-istudenti li bdew full-time course minn din is-sena akkademika? Jista' jgħid ukoll kemm huma l-istudenti Għawdxin, inkluż dawk li bdew din is-sena, li qed isegwu kors full-time fl-Universita'?
Jista' jgħid ukoll kemm kienu l-istudenti li f'din is-sena 2006/2007 applikaw biex jibdew kors ta':-
Bachelor of Science (Business & Computing);
Bachelor of Science (Hons) Information Technology;
Bachelor of Science (Hons) - Biology, Chemistry, Mathematics, Physics, Statistics & Operations Research, Computer Science;
Informatics Bachelor of Engineering (Hons);
Bachelor of Education/PGCE - Biology, Chemistry, Physics, Mathematics, Computer?
Jista' jgħid ukoll kemm ibbenefikaw studenti fl-2005/06 mit-test tal-mezzi u kemm f'din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li qed jattendu kors full-time fl-Universita' huwa 7,558, li minnhom hemm 2,292 daħlu din is-sena. In-numru ta' studenti Għawdxin li bdew xi kors full-time din is-sena huwa 212.
Informazzjoni dwar kemm applikaw studenti fil-korsijiet ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet l-ispiża totali ta' l-Universita' għax-xiri ta' kotba/periodicals matul is-sena 2005 u 2006 separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-nefqa rikorrenti ta' l-Universita' għax-xiri ta' kotba/periodicals matul is-sena 2005 kienet ta' Lm371,163, filwaqt li n-nefqa għas-sena 2006 sa 10 ta' Ottubru ta' l-istess sena, kienet ta' Lm531,055.
Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu studenti fil-Higher Secondary u minn liema lokalita' ġejjin? Kemm jinsabu fl-ewwel sena u kemm fit-tieni sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li daħlu fil-Higher Secondary huwa hekk :-
L-ewwel sena :1,184 It-tieni sena :565 Total : 1,749 student
Informazzjoni dwar minn liema lokalita' ġejjin dawn l-istudenti ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Nirriferi lill-Ministru għat-tweġiba li tani għall-mistoqsija parlamentari 17306 li kont għamiltlu fis-17 ta' Frar 2006 dwar impjiegi fis-settur industrijali f'Għawdex u li għaliha wieġeb permezz ta' mistoqsija parlamentari 19297. Peress li fit-tweġiba tiegħu ma tanix it-tagħrif li tlabtu, jista' jekk jogħġbu issa jagħtini t-tagħrif kollu mitlub?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija numru 21163 f'Seduta 438 fejn poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub.
Jista' il-Ministru jgħid liema kwalifiki jonqsu jikseb ma' dak li diġa' għandu biex il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, ikun jista' jibda l-kors tal-Mediċina fl-Universita' ta' Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-applikant jonqsu ċ-ċertifikat tal-Matrikola li juri li għadda f'livell Avvanzat bi grad B fil-kimika u l-bijolġija u f'livell Intermedju bi grad B f'suġġett ieħor mill-lista li tidher fir-Regolamenti. Jonqsu ukoll ċertifikati li għadda bi grad 5 jew aħjar fil-livell SEC fil-Malti, Ingliż u Matematika.