Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Malta racing club għandux xi kontijiet pendenti? Jekk iva, x'inhuma u kull wieħed kemm huwa l-bilanċ dovut u lil min? X'inhi r-raġuni li dawn għadhom ma tħallsux?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħal kull ażjenda oħra l-Malta Racing Club Committee għandu kemm debituri kif ukoll kredituri. Madanakollu ta' min jgħid li matul is-sentejn li ilu jiffunzjona l-Kumitat tat-Tmexxija l-ammonti dovuti lill-kredituri niżlu minn Lm90,000 għal Lm40,000.
Il-Kumitat tat-Tmexxija qed jimxi bi prudenza kemm f'dawk li huma ħlasijiet u wkoll fil-mod li jesiġi li jinġabru flus dovuti lejh u b'għaqal kbir irnexxielu jamminsitra b'mod pożittiv is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Malta Racing Club.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 36097 fuq il-Weapons Advisory Board u cioe', jgħid kemm-il darba ltaqa' il-WAB board matul din is-sena? Jista' jgħid kemm hemm talbiet pendenti quddiem il-board u kemm-il talba ġiet approvata f'dan l-istess perjodu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul din is-sena l-Weapons Advisory Board iltaqa' darbtejn.
Il-Bord ittratta għoxrin talba - ħdax ġew approvati u disgħa ġew irrifjutati.
Il-Board għandu ħamsa u tletin talba pendenti.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 36019, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim bejn iċ-ċentru Malti tar-restawr u ċ-ċentru tar-restawr Taljan? Kemm kienet l-għotja tal-Gvern Taljan lil MRC u kif intefqu dawn il-flus? Kemm għandu rappreżentanti l-Gvern Taljan fuq il-bord tad-diretturi u bħalissa min huma dawn il-persuni?
Response (GALEA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-ftehim iffirmat bejn iċ-Ċentru Malti għar-Restawr u l-Istituto Centrale per il Restauro ta' Ruma nhar it-3 ta' Mejju 2000.
L-għotja tal-Gvern Taljan prevista fil-proġett Tlettax tar-Raba' Protocol Finanzjarju Italo-Malti u li kellha tintuża għaċ-Ġentru tar-Restawr kienet ta' 4 biljun lira Taljana. Minn dawn iċ-Ċentru ingħata biss Lit1,961,158,250. Il-fondi intużaw sabiex jinxtara l-apparat neċessarju sabiex iċ-Ċentru seta' jiffunzjona.
Il-Gvern Taljan m'għandu ebda rappreżentanti fuq il-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru Malti għar-Restawr.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 36053, jista' jara kemm-il darba siefret fuq xogħol taċ-ċentru Malti għar-restawr il-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament, mill-1 ta' Jannar 2001 sal-lum? Kemm kienu l-ispejjeż, inkluż air-fares, ta' kull safra li saret?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul l-2001, Dr Joe Cannataci siefer darba waħda biss fuq xogħol taċ-Ċentru malti għar-Restawr. Din kient għal Brussel biex jinnegozja b'suċċess il-kuntratt tal-Proġett IKONOS mal-Kummissjoni Ewropeja. Permezz ta' dan il-kuntratt iċ-Ċentru Malti għar-Restawr sar il-"Contracting Authority" għall-Proġett IKONOS li jiswa mat-tlett miljun EURO. Hu u jirritorna Malta minn Brussell, Dr Cannataci ingħaqad ma' delegazzjoni Maltija ta' kapijet ta' Istituzzjonijiet li joffru taħriġ vokazzjonali liema delegazzjoni żaret Toulon Franza fuq inizjattiva tal-EUPU. Minn din iż-żjara iffukata fuq Proġetti Leonardo twieldet l-ewwel inizjattiva Leonardo taċ-Ċentru tar-Restawr li saret b'suċċess f'Settembru li għadda, meta 10 studenti u 4 għalliema irrestawraw mitħna fi Sqallija bil-maġġor parti ta' l-ispejjeż imħallsa mill-programm Leonardo.
Matul l-2002, Dr Joe Cannataci inħatar ukoll id-Direttur tal-proġett IKONOS u għalhekk, minbarra safar ieħor fil-kariga tieħgu bħala Chairman taċ-Ċentru tar-Restawr, kien impenjat ukoll f'numru ta' safriet previsti u mħallsa mill-fondi tal-Proġett IKONOS.
Matul l-2002, Dr Joe Cannataci siefer:
a) darba biex jirrapreżenta ċ-Ċentru Malti għar-Restawr fl-akbar Konferenza Internazzjonali li ssir fil-kamp tar-Restawr darba kull tlett snin,
b) darba biex jippreżenta riċerka avvanzata li għamel b'suċċess iċ-Ċentru Malti għar-Restawr u b'riżultat li ċ-Ċentru Malti rċieva bosta proposti konkreti ta' kollaborazzjoni u proġetti ġodda,
c) darbtejn biex intlaħqu b'suċċess ftehim ta' kollaborazzjoni ma' istituzzjonijiet fl-Olanda u l-Italja,
d) darbtejn għal-prospetti ta' proġetti ġodda, kull darba fuq stedina uffiċċjali ta' aġenzija governattiva, darba fil-Ġermanja u darba fil-Libya,
e) darba biex jirrappreżenta ċ-Ċentru Malti għar-Restawr fil-konferneza EVA fuq l-użu ta' l-elettronika u s-software fil-kamp tal-wirt kulturali,
f) tmien darbiet fuq żjarat tekniċi tal-Proġett iKONOS.
Id-dettalji ta' spejjeż ta' safar jidhru fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Is-seba safriet li saru fuq xogħol ġenerali u rappreżentazzjoni taċ-Ċentru ġew imħallsa mill-fondi taċ-Ċentru. It-tmien safriet li saru għall-iskopijet tal-Proġett IKONOS tħallsu mill-fondi tal-Proġett IKONOS.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju waslet il-librerija ġewwa l-iskola primarja tal-Fgura? Kemm kotba ġodda se jingħataw lilha? F'liema lingwi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-librerija tal-Fgura issa għandha lok ġdid u aktar addattat minn fejn kienet, b'aċċess dirett għall-pubbliku minn barra u aċċess ieħor mill-iskola għall-istudenti. Ix-xogħol fuq il-post il-ġdid mexa ġmielu u hu ttamat li din il-Librerija ma ddumx ma terġa' tibda tiffunzjona b'aktar kotba ġodda u attrezzament aħjar.
Għas-sena 2002 minbarra l-fondi allokati lil-Librerija min-naħa tad-Dipartiment li jammontaw għal Lm100, il-Kunsill Lokali ħaseb biex għal-Librerija f'post ġdid jixtri b'kemm jiswew Lm1,600 kotba. Dan wara li nġabret informazzjoni dwar it-tip u l-istat tal-kotba li kien hemm fil-Librerija sabiex jiġu mixtrija kotba li għalihom hemm talba mill-pubbliku u li huma neċessarji ġo librerija fergħa bħal din tal-Fgura. Il-kotba li nxtraw huma b'dawn il-lingwi:- Malti, Ingliż, Taljan, Franċiż, Ġermaniż u Spanjol.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ġew Malta biex jistudjaw l-Ingliż din is-sena u fl-aħħar ħames snin? Minn liema pajjiżi ġew?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' persuni li ġew Malta biex jistudjaw l-Ingliż fl-aħħar ħames snin huwa kif se nsemmi:
Sena Numru ta' studenti
1997 - 30,059
1998 - 27,995
1999 - 35,451
2000 - 40,673
2001 - 47,464
2002 - L-istatistika għad trid tinġabar
Dawn l-istudenti jiġu minn dawn il-Pajjiżi:-
Germanja
Italja
Franza
Awstrija
Żvizzra
Zvezja
Spanja
Norway
Russja
Czech Rep
Slovenia
Finlandja
Netherlands
Korea
Libya
Belgium
Turkija
Danimarka
Polonja
Ungerija u oħrajn
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni dwar tqassim ta' pitazzi fl-iskejjel governattivi? Dawn huma mħallsin minn fondi pubbliċi? Jixtruhom l-istudenti stess?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-parti l-kbira ta' l-istudenti li jattendu fl-iskejjel primarji tal-gvern jingħataw numru ta' pitazzi b'xejn matul is-sena skolastika. Din hija prerogattiva tal-kap ta' l-iskola u l-ispiża ta' dawn il-pitazzi titħallas mill-vot tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni msejjaħ 'materials and supplies' li tingħata kull sena lil kull kap ta' l-iskola. L-istudenti qatt ma jħallsu għal dawn il-pitazzi.
Jista' il-Ministru jgħid liema oġġetti konnessi mal-Gran Mastru Wignacourt intbagħtu għall-restawr barra minn Malta fl-aħħar sentejn? Fejn intbagħtu? Kemm sewa x-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-uniku oġġett mill-Armerija tal-Palazz konness mal-Gran Mastru Wignacourt li ntbagħtet għar-restawr barra minn Malta fl-aħħar sentejn kien plakka żgħira dekorattiva tal-ħadid meħuda mill-armatura ċerimonjali ta' l-istess Gran Mastru. Din il-plakka intbagħtet fil-'Conservation Department' tar-'Royal Armouries', ġewwa Leeds f'Ingilterra biex isiru provi preliminari għall-proġett ta' restawr fuq din l-istess armatura li sar hawn Malta.
Ix-xogħol ta' restawr fuq din il-plakka ma sewa xejn għalix l-istess restawr kien sponsorjat mir-"Royal Armouries'.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu fil-junior lyceum subien tal-Ħamrun biex l-istudenti ma jibqgħux iġorru basktijiet tqal esaġerati b'dannu għal saħħithom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti kollha ġew mogħtija t-Time Table biex jimxu fuqha u jevitaw li jġorru affarijiet żejda. L-istudenti jiġu mfakkra regolarment li m'għandhomx iġibu affarijiet żejda l-iskola. F'każijiet eċċezzjonali l-istudenti jiġu mogħtija permess biex ma jġibux xi kotba. L-iskola għandha wkoll numru ta' lockers, iżda mhux biżżejjed għal kull student.
Jista' il-Ministru jgħid x'għalliema nieqsa hemm fl-iskejjel sekondarji ġenerali u fil-junior lyceum? F'liema suġġetti? Kemm hemm tfal fil-klassijiet milquta? X'passi qed jittieħdu biex f'kull każ jinstabu l-għalliema meħtieġa għax irrapurtawli li hemm każi fejn mill-bidu tas-sena skolastika hemm studenti li m'għandhomx għalliema f'ċerti suġġetti?
Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu mill-awtoritajiet għall-ħarsien tal-wirt storiku biex jiġi żgurat li l-kurituri tal-palazz presidenzjali ma jintużawx bħala kċina f'ikliet statali biex jiġu evitati li ssir ħsara lill-wirt storiku ta' dan il-bini?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li l-Uffiċċju tal-President jara li jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew iffirmati kuntratti ma' għaqdiet sportivi li bbenefikaw mill-aħħar riżoluzzjoni parlamentari fejn ingħataw art pubblika? Jista' jgħid ukoll meta ġew iffirmati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li 16-il għaqda sportiva iffirmaw kuntratti (10 ta' ċens u 6 ta' kera) biex jingħataw art pubblika wara li għaddiet l-aħħar riżoluzzjoni parlamentari. Id-dettalji huma kif se nsemmi:
Għaqda Data tal-Kuntratt
Kera:
Floriana Basketball Club Awissu 2002
Floriana Boċċi Club Awissu 2002
Floriana Football Club Awissu 2002
Young Stars Hockey Club Awissu 2002
Assoċjazzjoni Sport Floriana Awissu 2002
Buġibba Boċċi Club Awissu 2002
Ċens:
Malta Amateur Athletic Association Awissu 2002
Għaqda Sajjieda u Dilettanti Buġibba Awissu 2002
Marsa Sports and Country Club Awissu 2002
Pieta` Boċċi Club Settembru 2002
Qrendi Boċċi Club Settembru 2002
Malta Young Sailors Club Settembru 2002
Malta Playing Fields Association Settembru 2002
Sta Lucia Boċċi Club Ottubru 2002
Melliaħa Sports Club Ottubru 2002
Żejtun Red Stars S.F.C. Ottubru 2002
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-proġett ta' l-entratura tal-Malta racing club? Min ser iħallas? Jista' jgħid ukoll jekk inħarġux tenders? Jekk iva, min kienu u kemm kienet il-kwotazzjoni tagħhom? Xi kriterju ntuża sabiex saret l-għażla?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tiġi verifikata u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36056, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ngħata l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, miċ-ċentru Malti għar-restawr??
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persuna li d-dettalji tagħha intbagħtu separatament ma ngħatat ebda kuntratt miċ-Ċentru Malti għar-Restawr.
Informat ukoll li Dr J. Cannataci (li ilu numru ta' snin appuntat Lecturer ma' l-Univeritsa`) jaqdi tlett rwooli fiċ-Ċentru Malti għar-Restawr:
1. Minn Mejju 1999 bħala Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi, appuntat mill-Kunsill ta' l-Universita`, u għal-liema dmirijiet, s'issa qatt m'għadu rċieva ebda ħlas,
2. Minn Ottubru 2002 jagħti lectures fuq bażi part-time fil-Liġi tal-Wirt Kulturali u l-użu ta' l-informatika fil-Wirt Kulturali, għal-liema servizzi ma jirċievi ebda ħlas,
3. Minn Jannar 2002, bħala Direttur tal-Proġett IKONOS ta' l-Unjoni Ewropeja. Dan il-proġett kien idejat u ddiżinjat minn Dr Cannataci nnifsu u bis-saħħa tiegħu intrebaħ kuntratt sustanzjali mill-Unjoni Ewropeja. Minn Jannar ta' din is-sena, dawn il-fondi Ewropej jintużaw ukoll biex jiġu rimborsati numru tas-siegħat li Dr Cannataci jagħti lil dan il-proġett. Ir-rimbors isir lill-Malta University Services Ltd. Id-dettalji finanzjarji ta' dan l-arranġament diġa' ingħataw fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 17573 fis-Seduta Nurmu 341.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 36055, jista' jgħid x'kienet l-ispiża tax-xogħol li sar sabiex jiġi rranġat il-post f'Bighi għaċ-ċentru Malti għar-restawr? Ix-xogħlijiet li saru mingħajr permess mill-awtorita' ta' l-ippjanar kienu tneħħew?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ispiża tax-xogħlijiet li saru s'issa sabiex jiġi rranġat il-post f'Bigħi għaċ-Ċentru Malti għar-Restawr huma dawn li ġejjin:
Lm
1999 35,637
2000 145,622
2001 174,634
2002 55,525 (sal-lum)
Ix-xogħlijiet li għalihom intalab il-permess mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar fl-1996, meta kien previst li ċ-Ċentru kellu jsir ġewwa Villa Bighi, u li saru bejn l-1996 u l-1998 qabel ma ntlaħaq ħareġ il-permess, ma tneħħewx u llum Villa Bighi qiegħda tintuża bħala s-sede tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija.
Ix-xogħlijiet li għalihom intalab il-permess ta' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar fl-1999 u li saru bejn Diċembru 1999 u Lulju 2000 qabel ma ntlaħaq ħareġ il-permess, la tkomplew u lanqas tneħħew peress li mistennija deċiżjoni ta' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar fuq talba li x-xogħlijiet li saru skond l-applikazzjonijiet kif riveduti jiġu approvati mill-istess Awtorita`.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 36054, jista' jgħid kemm hu n-numru ta' studenti fiċ-ċentru Malti għar-restawr, kull sena separatament??
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti fil-korsijiet universitarji huma:
B.Cons. (Hons)
1 sena - 13-il student
2 sena - 16-il student
3 sena - 4 studenti
4 sena - 13-il student
In-numru ta' studenti fil-korsijiet vokazzjonali huma:
Heritage Craftsmen (Stone)
Riffied - 9 studenti
Sewwej - 10 studenti
Mastru - 10 studenti
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 36052, jista' jgħid kemm kien ir-revenue taċ-ċentru Malti tar-restawr fis-sena 2001 u fis-sena 2002 sal-lum? Kemm għandu jiġbor flus iċ-ċentru għas-servizzi li pprovda lil terzi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-'revenue' taċ-Ċentru Malti tar-Restawr għas-sena 2001 u 2002 sal-lum, huwa kif ġej:
Lm
2001 498,801
2002 540,423 (sal-lum)
Kien hemm 'revenue' ieħor, li huwa parti mill-proġett ta' l-E.U (IKONOS) li kien jammonta għal 921,997 Euros, liema 'revenue' huwa amministrat bħala kont separat, peress li jkopri wkoll spejjeż ta' entijiet oħra barra minn Malta.
Sal-lum, iċ-Ċentru għad fadallu jiġbor is-somma ta' Lm980 għas-servizzi li pprovda lil terzi.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 36024, jista' jgħid kemm hemm impjegati full-time u part-time fil-MRC u x'inhu r-rwol ta' dawn l-impjegati? Kemm minn dawn l-impjegati huma barranin? Kemm jiġu visiting lecturers barranin matul is-sena? Kemm tħallsu l-impjegati barranin taċ-ċentru? Kif ġew impjegati l-ħaddiema Maltin fiċ-ċentru peress li darba waħda biss deher avviż għall-ingaġġ ta' ħaddiema fil-MRC? X'inhuma l-kwalifiki ta' l-impjegati akkademiċi taċ-ċentru?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-impjegati huma mqassmin kif ġej:
Full Time: 44 (MCR Staff 23 (8 Barranin) - Educ. Div. Staff 21)
Part Time: 42
L-impjegati barranin tħallsu hekk:
1999 Lm 23,819
2000 Lm 96,157
2001 Lm 95,110
2002 Lm115,935 (sal-lum)
Ir-rwol ta' l-impjegati jvarja, imma huwa mqassam bejn wieħed u ieħor hekk:
Amministraturi, lecturers, librar, skrivani, I.T. officer, xogħol ta' l-injam, technicians, security, cleaners, xogħol ta' dokumentazzjoni, restorers u conservators.
Ninsab informat ukoll li n-numru ta' visiting lecturers barranin kien kif ġej:
2000 - 3
2001 - 16
2002 - 6 (sal-lum)
Il-ħaddiema Maltin fiċ-Ċentru ġew impjegati b'wieħed mit-tlett metodi li se nsemmi:
1) permezz ta' avviżi fil-gazzetta tal-Gvern, ġurnali lokali u barranin
2) permezz ta' self ta' ħaddiema minn Dipartiment tal-Gvern,
3) permezz ta' talbiet għal ħaddiema lill-Korporazzjoni għat-Taħriġ u Żvilupp
Informat li mhux korrett dak li ntqas fil-Mistoqsija Parlamentari jiġifieri "peress li darba waħda biss deher avviż għall-ingaġġ ta' ħaddiema fiċ-Ċentru Malti għar-Restawr". Saru diversi avviżi għal diversi tipi ta' ħaddiema mill-1999 sal-lum.
Il-kwalifiċi ta' l-impjegati akkademiċi taċ-Ċentru jiddependu fuq il-kamp ta' speċjalizzazzjoni ta' l-impjegat. Jekk l-impjegat ikun 'conservator-restorer" il-kwalifika minima normali hi dik imħabbru f'avviżi li deheru, jiġifieri t-titlu maħruġ mill-Istituto Centrale per il Restaruro ta' Ruma, jew l-Opificio delle Pietre Dure ta' Firenze, jew ekwivalenti. Jekk l-impjegat ikun lecturer f'kamp ieħor jew xjenzat jiġu applikati l-kriterji wżati mill-Universita` ta' Malta jiġifieri BA jew MA għal Assistant Lecturer, Dottorat għal Lecturer etc. Minbarra dawn il-kwalifiċi minimi, bosta impjegati għandhom kwalifiċi oħra li jinkludu titli akkademiċi, esperjenza, pubblikazzjonijiet etc.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 36022, jista' jgħid kemm hemm laboratorji fil-MRC? Għal-liema skop jintużaw dawn il-laboratorji? Dawn il-laboratorji kollha qegħdin jintużaw u jekk fin-negattiv, għaliex m'humiex qegħdin jintużaw?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35537, jista' jgħid kemm hemm studenti li għandhom minn 14-il sena 'il fuq jattendu skejjel regolari u li għandhom:
a) diżabilita' fiżika
b) nuqqas ta' smigħ
c) nuqqas ta' vista
d) nuqqas mentali
e) aktar minn diżabilita' waħda?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti bi bżonnijiet speċjali li għandhom minn 14-il sena 'l fuq li jattendu regolari fl-iskejjel ta' l-Istat, jitqassmu hekk:
16 b'diżabilita` fiżika
9 b'nuqqas ta' smigħ
8 b'nuqqas ta' vista
23 b'nuqqas mentali
8 b'aktar minn diżabilita` waħda.