Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qawra — Proġett ta' aquarium

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'rispons kien hemm għall-proġett ta' aquarium fil-Qawra, inkluż l-ismijiet ta' dawk li wrew interess? F'liema stadju wasal il-proċess ta' dan il-proġett?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li konsorzjum wieħed, Oceanaria, irreġistra formalment l-interess tiegħu skond kif indikat fid-dokument "Qawra Coast Development Brief Registration of Interest", maħrug għall-pubbliku mill-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura f'Diċembru 2003. It-talba ta' ditta barranija biex titħalla tissottometti id-dokumenti mitluba ma ġietx milquha għax il-perjodu indikat fil-Processing Schedule kien skada. Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, fuq rakkomandazzjoni tas-Selection Committe mqabbad mill-istess Ministeru, qiegħed issa iħejji d-dokument biex jitlob lill-konsorzjum Oceanaria jissottometti informazzjoni dettaljata. Wara, tittieħed deċiżjoni finali jekk il-Gvern għandux jipproċedi biex jiffirma kuntratt ma' dan il-konsorzjum jew le.

Beach concessions

Question

Jista' il-Ministru jassigura li dawk li għandhom beach concessions fil-bajjiet biex jarmaw id-deck chairs u l-umbrelel iżommu l-ispazju mikri lilhom u xejn aktar? Jista' f'kull każ jiġi mmarkat b'mod ċar liema jkun l-ispazju mikri lilhom għal dan l-iskop?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onor Membru jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #5636 Sitting 144 2004-06-28 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Sħubija ta' Malta fl-UE — Ċelebrazzjonijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4993, jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk l-attivitajiet li l-ispejjeż għalihom se jsiru mill-privat? Jista' jgħid ukoll min hu dan il-privat u kemm huma dawn l-ispejjeż?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninforma lill-Onor interpellant li kien hemm numru estensiv ta' attivitajiet biex ifakkru s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea b'inizzjattiva tas-settur privat. Ma kienx kompitu tal-Gvern li jżomm id-dettalji ta' kull min b'xi mod iċċelebra dan l-avveniment. Għalhekk la mhux organizzati minn fondi pubbliċi, il-Gvern m'għandux il-jedd jitlob lill-privat jinfurmaħ x'intefaq f'dan ir-rigward.
Leg 10 PQ #5757 Sitting 144 2004-06-28 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Sħubija ta' Malta fl-UE — Flus minfuqa fuq attivitajiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm nefaq flus il-gvern għal attivitajiet li ġew organizzati għal dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea? Kemm minn dawn intnefqu fuq billboards, mingħand min ġew mikrija u għal kemm?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi lill-Onor Membru għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 4993. Il-Gvern ma kellu l-ebda billboard imtella'.
Leg 10 PQ #6178 Sitting 143 2004-06-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Turisti li żaru Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm żaru Malta turisti f'Mejju li għadda b'paragun ma' l-istess xahar tas-sena ta' qabel?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-istatistika uffiċċjali għal Mejju għadha ma kienitx ippublikata mill-Uffiċċju Nazzjonali għall-Istatistika. Minn indikazzjonijiet mis-suq jidher li Mejju ta' din is-sena ser ikun ftit aħjar minn Mejju tas-sena l-oħra.

Kampanja ta' reklamar fuq il-buses — Ingilterra

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-kampanja ta' reklamar fuq il-buses fl-Ingilterra? Jista' jgħid kemm ġranet din damet sejra u kemm-il bus saru reklami fuqhom? Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pagamenti li saru lil din il-kampanja?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

MTA — Uffiċċji li joperaw barra Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il uffiċċju tal-MTA hemm jopera barra minn Malta? Jista' jgħid kemm ilu jopera u kull sena, separatament, f'dawn l-aħħar 4 snin kemm laħqet l-ispiża biex kull uffiċċju jopera? Jista' jgħid għall-istess perjodu kemm kien hemm u kemm hemm impjegati illum f'kull uffiċċju u kemm minnhom huma Maltin u kemm minnhom huma barranin? Jista' f'kull każ jgħid kemm huwa s-salarju li dawn irċevew u qed jirċievu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

MTA — Uffiċjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-Uffiċjali kollha tal-MTA u x'pożizzjoni qed jokkupaw? Jista' jgħid ukoll min huma l-impjegati kollha tal-MTA? Fiż-żewġ każi, jista' jgħid meta dawn ġew impjegati u x'salarju qed jirċievu anwalment?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba qed tingabar.

MTA — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu jammontaw l-impjegati fl-MTA f'Diċembru 2002 u kemm jammontaw illum?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-ammont ta' mpjegati fl-Awtorita` Maltija għat-Turiżmu f'Diċembru 2002 kien ta' 198 filwaqt li n-numru ta' mpjegati ma' l-istess Awtorita` sa Ġunju 2004 huwa ta' 197.
Leg 10 PQ #6130 Sitting 141 2004-06-21 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Heritage Malta — Ittra li ntbagħtet lil Katidral ta' Għawdex

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5946, b'riferenza għall-ittra li nkitbet minn Heritage Malta lill-Katidral ta' Għawdex dwar il-kanuni li hemm quddiem il-faċċata ta' l-istess Katidral, jista' il-Ministru jgħid jekk ittri bħal din inkitbux ukoll lill-katidral ta' l-Imdina u lill-Konkatidral ta' San Ġwann kif ukoll rigward il-kanuni li hemm quddiem il-Berġa ta' Kastilja u quddiem il-Main Guard fil-Belt Valletta? Jekk it-tweġiba hi fin-negattiv, jista' jgħid għal liema raġuni saret din id-diskriminazzjoni u jekk il-gvern hux lest biex jikkundanna din id-diskriminazzjoni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-istess ittra preċiża ntbagħtet għar-rigward il-kanuni indikati mill-Onor Interpellant ħlief għal "dawk tal-Main Guard" għax dawn ma jeżiżtux u għal "dawk ta' quddiem Kastilja" għax l-arranġamenti f'dan il-każ se jsiru aktar tard.
Leg 10 PQ #6031 Sitting 139 2004-06-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Ministeru għat-Turiżmu — Safar

Question

Jista' il-Ministru jagħti breakdown tas-safar li sar mill-ministeru tiegħu, mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu għall-ewwel ħames xhur tas-sena? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Waqt li ma jkolli l-ebda diffikulta sabiex nipprovdi lill-Onorevoli Membru bl-informazzjoni mitluba għal din is-sena u għas-sena li għaddiet, ma nara l-ebda bżonn li tingħata l-informazzjoni mitluba għal ħames snin wara xulxin. Il-ħin li jkun hemm bżonn sabiex tinġabar din l-informazzjoni jista` jintuża aħjar.
Leg 10 PQ #6095 Sitting 139 2004-06-15 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Ministru għat-Turiżmu u Kultura — Żjarat barra minn Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il żjara għamel barra l-pajjiż fix-xahar ta' Mejju u x'kien l-iskop ta' kull żjara?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li fil-perjodu msemmi kont Berlin bejn il-5 u s-7 ta' Mejju għal-konferenza "The Cultural Year of the Accession Countries"li għaliha attendew il-Ministri tal-Kultura mill-għaxar pajjiżi ġodda fl-UE, u bejn is-17 u t-22 ta' Mejju fi Franza u l-Italja. Fl-ewwel każ għal-laqgħa tal-Ministri tal-Kultura tal-pajjiżi membri fl-UE fil-kuntest tal-"Cannes Film Festival", u fit-tieni każ għal għadd ta' avvenimenti li jippromwovu lil Malta mil-lat kulturali u turistiku f'Cervia.
Leg 10 PQ #5344 Sitting 138 2004-06-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Postijiet storiċi — Viżitaturi

Question

Jista’ il-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar erbgħa xhur, minn Jannar sa April, kemm kien hemm viżitaturi li żaru l-mużewijiet f'Malta u Għawdex? Kemm minnhom kienu minn gruppi organizzati mill-iskejjel?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li in-numru ta' viżitaturi li żaru l-mużewijiet f'Malta u Għawdex minn Jannar sa April ta' din is-sena kien ta' 137,861 li minnhom 27,825 kienu studenti. Ma tinżamx statistika li turi kemm minnhom kienu gruppi organizzati mill-iskejjel.
Leg 10 PQ #5345 Sitting 138 2004-06-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Skejjel — Żjarat f'postijiet storiċi

Question

Jista’ il-Ministru jgħid liema kienu dawk l-iskejjel ta’ l-Istat, indipendenti u tal-Knisja li ħadu gruppi organizzati biex iżuru mużewijiet u kemm kien hemm studenti minn kull skola?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li ma tinżamx statistika mqassma kif mitluba mill-Onor Membru. Nista, madankollu, ngħid li matul l-2003 kien hemm 46,741 studenti taħt it-12-il sena li żaru il-mużewijiet ta' Heritage Malta. Ma hemmx statistika li turi kemm kien hemm studenti bejn it-13 u it-18-il sena.
Leg 10 PQ #5346 Sitting 138 2004-06-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Heritage Malta — Turiżmu reliġjuż

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk Heritage Malta għandhiex pjani konkreti biex tħajjar it-turiżmu reliġjuż? Japprezza l-Ministru li pajjiżna għandu patrimonju rikk ħafna f'dan il-qasam?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Kemm l-Awtorita` tat-Turiżmu ta' Malta kif ukoll Heritage Malta jqisu l-patrimonju reliġjuż bħala komponent importanti ta' l-istrateġija promozzjonali u dan bil-għan aħħari li jitkattru r-raġunijiet li għalihom it-turisti jżuru il-gżejjer tagħna. Ninsab infurmat li bdew taħdidiet ma' awtoritajiet u organizzazzjonijiet konċernati biex jitfassal pjan ta' ħidma msejjes propju fuq it-turiżmu reliġjuż.
Leg 10 PQ #5347 Sitting 138 2004-06-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

5-star hotels

Question

Jista’ il-Ministru jgħid liema huma dawk il-lukandi li huma magħrufa bħala ta' ħames stilel? X'inhu n-numru totali ta' sodod fihom? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm lukandi ta' din il-klassi li tnaqqsitilhom xi stilla?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-lukandi ta' ħames stilel huma dawn: Lukanda Sodod Corinthia Palace 316 Corinthia San Ġorġ 500 Corinthia Marina 400 Crowne Plaza 364 Hilton International 588 Intercontinental 902 Kempinski San Lawrenz 214 L-Imġarr 158 Le Meridien Phoenica 270 Radisson Bay Point 504 Ta’ Ċenċ 166 Westin Dragonara 624 Xara Palace 34 Total 5040 Ma kien hemm l-ebda lukanda ta' din il-klassi li tnaqsitilha stilla dawn l-ahhar snin.
Leg 10 PQ #5348 Sitting 138 2004-06-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Lukandi

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm lukandi ta' erba’ stilel, tliet stilel, żewg stilel u stilla waħda? Kemm hemm sodod f'kull klassi? F'dawn l-aħħar ħames snin kemm hemm li tnaqsitilhom il-klassi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-pożizzjoni hija kif murija hawn taħt: Klassi ta’ Hotel u Aparthotel Numru Sodod 4 Stilel 55 17,848 3 Stilel 63 13,716 2 Stilel 33 3,581 Lukandi ta' stilla waħda m'għadhomx aktar jagħmlu parti mis-sistema ta' klassifikazzjoni tal-lukandi. Ma jirriżultax li f'dawn l-aħħar ħames snin kien hemm xi lukanda li tnaqqsitilha stilla.
Leg 10 PQ #6021 Sitting 138 2004-06-14 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Malta Heritage — Allokazzjoni ta' fondi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' fondi allokati lil Malta Heritage għal din is-sena?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-investiment tal-Gvern f'Heritage Malta għas-sena 2004 huwa ta' Lm 430,000 bħala fondi kapitali. Dan jinkludi Lm 100,000 għat-tieni parti ta' l-infrastruttura ta' sistema ta' ticketing ġdida u sistemi ta' sigurta`. Wara diskussjonijiet bejn Heritage Malta u d-Dipartiment tal-Finanzi fi tmiem is-sena l-oħra fuq il-fondi rikorrenti ta' Heritage Malta kien hemm qbil dwar l-ammont ta' Lm 600,000. Meta għaddew il-ħaddiema Għawdxin mill-Ministeru ta' Għawdex għal Heritage Malta, għaddew ukoll il-pagi basiċi allokati għalihom li ammontaw għal Lm 273,000. Għalhekk il-fondi rikorrenti allokati lil Heritage Malta huma ta' Lm 873,000. Minn din is-sena Heritage Malta hija responsabbli għad-dħul fil-mużewijiet u s-siti u tamministra l-flus tad-dħul li din is-sena huma stmati li jilħqu total ta' Lm 800,000.
Leg 10 PQ #6115 Sitting 138 2004-06-14 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Ħal Tarxien

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex għall-awtorita' Maltija tat-Turiżmu, Ħal Tarxien mhux ikkonsidrat bħala post turistiku ġaladarba hemm it-Tempji Neolotiċi, u dan peress li meta dan l-aħħar l-awtorita' qassmet xi siġar tal-palm lil diversi lokalitajiet turistiċi, Ħal Tarxien ġie maqbuż għax (sic) mhux destinazzjoni turistika?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor Interpellant għar-risposta li tajt fl-1 ta' Marzu għal-Mistoqsija Parlamentari 4613 dwar tourist areas. Kif għidt dak inhar, qed issir rikonsiderazzjoni ta' areas li għandhom jitqiesu li huma main tourist areas , jew secondary tourist areas, jew non-tourist areas. Dan l-eserċizzju li għandu jindika triq triq f'kull belt u raħal ta' Malta u Għawdex, għandu jitlesta sa Novembru ta' din is-sena biex jibda jkun effettiv mill-1 ta' Jannar 2005.
Leg 10 PQ #5309 Sitting 135 2004-05-31 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Xogħol ta' restawr u konservazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefqu flus għal xogħlijiet ta' restawr u konservazzjoni u xogħol ieħor relatat minn Jannar 2002 sal-lum? Min għamel dan ix-xogħol? Kemm minn dan ix-xogħol sar b'offerta ta' tender u lil min ġie mogħti? Kemm minn dawn ix-xogħlijiet saru b'direct order u lil min ġew mogħtija? Xi kriterji ntużaw biex ġew magħżula dawk li ngħataw direct order?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-mejda tal- kamra informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant