B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 4249, 5005, 6257, 762, 14278 u 16059, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda u jispiċċa x-xogħol ta' għoti ta' tarmak fi Triq Ħal Far, limiti taż-Żurrieq peress li din hi triq rurali u tintuża minn bosta bdiewa li għandhom ir-raba' tagħhom f’dawn l-akkwati? X'inhi r-raġuni li għalkemm din t-triq tinsab fi stat diżastruż, baqgħet ma saritx mill-Gvern?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif indika hu stess, din it-triq hija waħda rurali u għaldaqstant ma taqax taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta. Madanakollu, bħalma diġà ġie spejgat, Transport Malta ġibdet l-attenzjoni ta’ dawk ikkonċernati.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17261 fejn ‘il fuq minn 60 triq rurali sarilhom wiċċ permezz ta’ Fondi Ewropej, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għalkemm Triq Ħal Far limiti taż-Żurrieq hija wkoll triq rurali u tinsab fi stat diżastruż, din t-triq ma ngħatalhiex wiċċ bit-tarmak?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi il-lista ta’ toroq li saru mill-fondi Ewropej taħt miżura 125 fi ħdan il-Programm għall-Iżvilupp Rurali nġabret wara koordinazzjoni mal-entitajiet ikkonċernati. Din it-triq imsemmija ma ġietx proposta u għaldaqstant Transport Malta ma setgħetx tikkunsidraha bħala parti minn dawn ix-xogħlijiet.
Transport Malta – uffiċini ġodda – Health and Safety Assessments
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux xi Health and Safety Assessments minn Transport Malta fuq l-uffiċini l-ġodda ġewwa A3 Towers f’Raħal Ġdid, qabel ma ġew irrelokati l-ħaddiema ta’ Transport Malta ġewwa l-istess uffiċini? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Health and Safety Assessments li saru?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta kienet għamlet rapport ta’ Risk Assessment fuq l-uffiċini l-ġodda tal-A3 Towers qabel ma bdew jiġu rilokati l-ħaddiema. Minn dan ir-rapport jirriżulta li l-uffiċini setgħu jibdew jintużaw għax kienu konformi mal-parametri meħtieġa hekk kif stipulat fil-liġi. L-istes rapport għamel ukoll referenza għal numru ta’ affarijiet żgħar li rrakkomonda li jiġu ndirizzati.
Sussengwentament sar rapport ieħor fejn ġie stabbilit li l-affarijiet li ġew indikati fl-ewwel rapport jew ġew indirizzati għal kollox, jew inkella huma fil-fażi li jiġu ndirizzati.
Nixtieq nenfasizza li din ir-rilokazzjoni saret minħabba l-ħtieġa ta’ uffiċini iktar spazjużi, adekwati, kif ukoll aktar komdi, u għaldaqstant jibbenefikaw l-istess ħaddiema.
Transport Malta – toroq li se jsir xogħlijiet fuqhom
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24183, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma r-raġunijiet li għalihom it-toroq imsemmija fl-istess risposta parlamentari fil-fatt saru minn Transport Malta? Jista' jiġi assigurat li lokalitajiet oħra wkoll igawdu minn din l-istess sistema?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bħalma ġara fi snin preċedenti, l-għażla kienet ibbażata fuq ċirkostanzi partikolari ta’ dawn it-toroq. Ma teżisti l-ebda skema ta’ benefiċċji abbażi ta’ lokalità.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ġietx introdotta, x'imkien f'Malta, is-sistema tidal shift, fejn triq tintuża b'modi differenti, f'direzzjonijiet differenti, f'ħinijiet differenti tal-ġurnata u skont it-traffiku li jkun għaddej mill-istess triq? Liema xogħol kien meħtieġ li jsir, biex din is-sistema tkun tista’ tiġi mplimentata?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa għadha ma ġiet introdotta l-ebda tidal lane. Bħalissa għadu għaddej ix-xogħol fuq it-tidal lane ġdida fi Vjal Sir Paul Boffa ġewwa Raħal Ġdid. Ix-xogħol meħtieġ jinvolvi:
· Xoghol ta’ livellar tat-triq
· Xoghol t’asfalt
· Installazzjoni ta’
bollards
mekkaniċi
· Installazzjoni ta’
cats eyes
li jixgħelu
· Installazzjoni ta’
traffic lights
· Installazzjoni ta’ tabelli u sinjali
· Żebgħa tat-triq
· Installazzjoni ta’
high impact bollards
Tarmak u xogħlijiet fit-triq bejn il-Birdpark u l-Coast Road
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jsiru xi xogħlijiet partikulari ta' għoti ta' wiċċ bit-tarmak, bejn il-Birdpark u l-Coast Road (ħdejn Kennedy Drive/Grove), f'San Pawl il-Baħar, biex jiġi assigurat li din il-parti tat-triq, l-uniku parti li għada ma ngħatatx tarmak wara x-xogħol li sar fuq il-Coast Road, fil-fatt tkun tista' tingħata wiċċ ġdid?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parti tat-triq imsemmija qatt ma kienet tifforma parti mill-programm ta’ xogħlijiet tal-proġett ta’ Triq il-Kosta. Madanakollu Transport Malta qed tevalwa s-sitwazzjoni ta’ din it-triq u tintervjeni fejn hu possibli.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux, u meta se jinbeda x-xogħol neċessarju fuq it-triq li twassal mix-Xemxija sal-Mellieħa? Billi xhur ilu kien ingħadd li qed isiru konsultazzjonijiet ma’ entitajiet pubbliċi oħra ħalli jiġi stabbilit liema xogħol neċessarju jkollu jsir qabel jingħata l-wiċċ tal-istess triq, jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt il-konsultazzjonijiet spiċċawx, u x'ħareġ mill-istess konsultazzjonijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsultazzjonijiet mal-entitajiet ġew konklużi. L-ewwel fażi tax-xogħlijiet se tikkonsisti f’xogħlijiet ta’ resurfacing fuq l-‘s’ bend minn naħa tal-Mellieħa. Ix-xogħlijiet mistennija jsiru fit-tieni nofs ta’ din is-sena. Fix-xhur li ġejjin Transport Malta ser tkun qegħda taħdem fuq il-pjanijiet tax-xogħlijiet għal fażijiet segwenti.
Jista' l-Ministru jgħid meta, u fejn hu mistenni li jiżdiedu l-cameras biex jiġi evitat twaddib ta' skart bl-addoċċ, min-nies irresponsabbli u bosta drabi b'motivi ulterjuri?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ftit tal-ġimgħat ilu twaħħlu cameras fis-subways tal-Bombi kif ukoll Furjana – Triq Sant’ Anna.
Matul dawn il-ġranet ser jitwaħħlu cameras fiż-żona ta’ Sliema – The Strand, kif ukoll Sliema- Qui Si Sana.
Immedjatament wara, ser jitwaħħlu cameras oħra f’dawn iż-żoni.
San Pawl il-Baħar – Triq il-Port Ruman
Bormla – San Ġwann t’Għuxa
Żebbuġ – Siġġiewi bypass
B’Kara – Subway fi Triq Dun Karm
Belt Valletta — Xogħlijiet fil-Palazz tal-President
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru mill-Grand Harbour Regeneration Corporation fil-Palazz tal-President, il-Belt, min ikkummissjonah u x’qed isir bħala xogħol, u x’inhu l-iskop ta’ dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Grand Harbour Regeneration Corporation ġiet imqabbda mill-MEAIM biex tieħu ħsieb il-‘project management’ ta’ xogħolijiet neċessarji fil-Palazz tal-President il-Belt al fini tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropeja li tibda minn Jannar 2017. Għalhekk diġa’ sar xogħol ta’ restawr mal-ħitan ta’ Triq l-Arċisqof u fil-btieħi ta’ Nettuno u Prince Alfred, ġie msewwi wkoll id-dawl fil-bitħa ta’ Nettuno. Beda xogħol ta’ tiswija fl-uffiċini li qabel kienu jintużaw mid-deputati peres li dawn ser jintużaw mill-impjegati tal-MEAIM u għal skopijiet tal- Presidenza 2017. Qed jinbidel u jissewwa l-irħam ta’ ma’ l-art u xogħolijiet oħrajn. Ħarġu numru ta’ tenders u fadal oħrajn rigward iż-żarmar tal-Parlament l-antik, l-armar ta’ sala prinċipali u spazju ieħor għal media u bżonnijiet relatati mal-Presidenza 2017. Qed ikun ukoll ppreparat xogħolijiet relatat mal-IT u sigurta’. Kemm Heritage Malta kif ukoll ir-Restoration Unit huma involuti fil-konsultazzjoni tax-xogħolijiet li qed isiru.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi żviluppi dwar il-proġett ta’ Schreiber ġewwa Raħal Ġdid? Għadu intenzjonat li jinbnew flats kif kien ġie propost snin ilu taħt l-amministrazzjoni preċedenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett ta’ Schrieber, li GHRC qegħda taħdem fuqu, jikkonsisti fi tlett proġetti prinċipali, l-Health Hub ġdid li għalih diġa’ ġew sottometti l-permessi għall-iżvilupp, huwa proġett tal-Minsteru tal-Enerġija u Saħħa, proġett ieħor mill-Ministeru tal-Familja u Għajnuna Soċjali rigward ċentru ta’ riżorsi għall-għajnuna soċjali u proġett li jikkonsisti f’parkeġġ, ġnien u parti kummerċjali. Hu maħsub li l-proġett tal-Health Hub ser ikun l-ewwel li jibda x-xogħol fuqu.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li issa wara li tlesta x-xogħol fuq in-naħa ta’ fuq ta’ Sant’Iermu, isir ukoll xogħol fil-parti ta’ isfel fejn hemm telqa kbira, żdingar u anki periklu li jaqa’ xi bini?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Grand Harbour Regeneration Corporation ħarġet sejħa għall- proposti f’Ottubru ta’ 2015 u għalqet fl-14 ta’ Jannar 2016. Ġiet sottomessa proposta waħda minn Sohum Wellness Consortium, ibbażati Dubai u bħalissa qegħda issir l-evalwazzjoni. Il-ħsieb huwa li jsir ir-restawr li hemm bżonn u b’hekk Sant’Iermu, li illum huwa żdinkat u perikoluż, jerġa jingħata l-ħajja.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li fil-parti ta’ quddiem tal-foss ta’ taħt Bieb il-Belt isir ġnien pubbliku kif kien ippropona l-arkitett Renzo Piano? Jista’ jgħid ukoll jekk il-parti tat-tunnel tal-mina magħrufa bħala Yellow Garage hijiex parti mil-proġett tal-Parlament il-Ġdid jew hemm xi pjanijiet oħra?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Foss ser jiġi mibdul fi ġnien fuq il-kunċett li kien ħareg bih Renzo Piano u l-bridges ta’ ġo fih ser jiġu wkoll rrestawrati. It- tunnel tal-ferrovija l-antika jagħmel parti mill-proġett tal-Parlament.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġett ta’ parkeġġ ġewwa Santa Margherita f’Bormla għadux se jsir? Jista’ jgħid jekk hemmx xi problemi partikulari, u jekk hemmx jew kienx hemm interess mis-settur privat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta ħarget ir-rikjesta għall-proposti, daħħlu żewġ offerti, sar l-evalwazzjoni u beda n-negozjar mal-bidder preferut. In-negozjati jinsabu fi stat avvanzat.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrasruttura – impjegati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul din il-leġiżlatura (mid-9 ta’ Marzu 2013 sad-data illi fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari) kienx hemm jew jekk hemmx persuni illi kienu/huma impjegati fil-Ministeru jew f’xi awtorità, dipartiment jew entità illi taqa’ fid-dekasteru tiegħu, illi kienu/huma wkoll membru fuq xi bord ta’ xi awtorità jew entità illi taqa’ fid-dekasteru tiegħu? Jekk iva, jista’ jgħid min huma u jgħid jekk tali persuna, apparti l-impjieg tagħha mal-Gvern, tqabbditx tagħmel xi xogħol ieħor ta’ konsulenza jew ta’ servizz (kemm fil-vesti tagħha personali, kemm jekk tramite xi kumpanija illi hi azzjonista fiha) mill-istess awtorità jew entità?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif ġej:
Ex-Membru fuq il-Bord ta’ Transport Malta u issa jokkupa l-kariga ta’ Chief Officer ICT fi Transport Malta
Ex-Membru fuq il-Bord ta’ Transport Malta u issa jokkupa l-kariga ta’ Deputy DG Civil Aviation
Advisor Strategic Priorities Unit (SPU) fil-Ministeru u Deputy Chairman Transport Malta
Ex-Deputy Chairman Transport Malta u issa nħatar bħala advisor ma’ Transport Malta / il-Ministeru
Advisor Strategic Priorities Unit (SPU) fil-Ministeru u membru fil-bord tal-GHRC
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-iskop tal-aħħar żjara ta’ delegazzjoni ta’ Transport Malta f’Singapore? Jista’ jgħid kemm kien hemm parteċipanti fid-delegazzjoni, min kienu u kemm ġiet tiswa din iż-żjara? Jista’ jgħid ma’ min saru l-laqgħat u jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti li ttieħdu? Jista’ jikkonferma wkoll illi hu kellu jkun inkluż f’din id-delegazzjoni u jgħid għaliex ħassar iż-żjara tiegħu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din iż-żjara ġewwa Singapore saret wara stedina mill-Ministru tat-Trasport ta’ Singapore lill-Gvern Malti, waqt laqgħa bejn iż-żewġ partijiet matul l-IMO lejn l-aħħar tas-sena 2015. L-għan ta’ din iż-żjara kien li jiġu esplorati prattiċi u teknoloġiji ġodda għal dak li jirrigwarda trasport fuq l-art, fosthom proġetti infrastrutturali, sistemi ta’ immanniġġjar tat-traffiku u mezzi alternattivi ta’ trasport. Saru wkoll numru ta’ laqgħat sabiex tiġi diskussa il-possiblilta’ ta’ kooperazzjoni iktar fil-qrib bejn iż-żewġ pajjiżi f’dak li jirrigwarda s-settur marittimu kif ukoll dak tal-avjazzjoni.
F’dak li jirrigwarda trasport fuq l-art u proġetti infrastrutturali, din iż-żjara kienet strumentali sabiex jiġu stabbiliti relazzjonijiet bejn Transport Malta u l-Awtorita’ għat-Trasport fuq l-Art ta’ Singapore. Dan il-pajjiż huwa meqjus bħala wieħed mill-iktar avvanzati fejn jidħlu sistemi effiċjenti ta’ trasport, u minħabba d-daqs u d-densita’ ta’ popolazzjoni tal-pajjiż jikkumpara tajjeb ma’ Malta f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, pajjiżna jista’ jitgħallem ħafna mill-operat kurrenti u l-esperjenza li jista’ joffri Singapore f’dan il-qasam. B’mod speċifiku saru diversi laqgħat tekniċi li servew biex Transport Malta tikseb tagħrif dwar l-aħjar prattiċi u teknoloġija f’dak li għandu x’ jaqsam ma’ proġetti infrastrutturali, sistemi ta’ GIS għall-użu fuq toroq, sistemi ta’ mmaniġġjar tat-traffiku fosthom Intelligent Traffic System u koordinament ta’ xogħlijiet, kif ukoll standards tekniċi għal moniteraġġ ta’ xogħlijiet fit-toroq.
Fil-qasam marittimu kif ukoll dak tal-avjazzjoni saru diversi laqgħat bilaterali kemm fuq livell governattiv kif ukoll mas-settur privat ġewwa Singapore. Waqt dawn il-laqgħat kienu diskussi diversi temi ta’ interess komuni fosthom t-tniġġis fl-arja mill-vapuri, l-iżvilupp ta’ regolamenti internazzjonali li jirregolaw is-settur tal-LNG, possibilitajiet għal taħriġ tekniku kemm f’dak li jikkonċerna l-immaniġġjar tal-port kif ukoll f’oqsma bħal ma’ huma l-iżvilupp ta’ politika marittima. Saru wkoll taħdidiet sabiex tiġi esplorata l-possibilta’ li jkun hemm air link bejn Malta u l-kontinent Asjatiku.
Din id-delegazzjoni kienet magħmula minn seba’ uffiċċjali minn direttorati varji ta’ Transport Malta.
Nikkonferma li kont mistieden sabiex immexxi din id-delegazzjoni ministerjali madanakollu ma stajtx nattendi minħabba li ġejt imsejjaħ fuq xogħol urġenti tal-Gvern.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kirjiet u l-leasing ta’ vetturi illi għandha llum Transport Malta (jiġifieri fid-data illi fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari) hux kollha ħarġu b’sejħa pubblika? Jekk hemm minnhom illi ma ħarġux fuq sejħa pubblika, jista’ jgħid mingħand min qed jinkrew, b’kemm qed jinkrew kuljum u minn min qed jintużaw?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-maġġor parti ta’ vetturi tal-kiri li għandha Transport Malta ġew mikrija minn żmien l-amministrazzjonijiet preċedenti, u fi żmien meta l-Awtorita’ kienet għadha ma ġietx amalgamata f’entita’ waħda. Għaldaqstant ħafna mill-informazzjoni dwar liema kuntratti ngħataw b’sejħa pubblika jew b’direct order m’għadhiex disponnibli. Inżid ukoll li fil-preżent Transport Malta qegħda fil-proċess li toħroġ sejħa pubblika għall-kiri ta’ vetturi, liema tender mistenni li jinħareġ fil-ġimgħat li ġejjin.
Dawn l-aħħar ġranet bdew jiġu introdotti numru ta’ rotot ġodda, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Jista’ l-Ministru jgħid kif ġew imfassla dawn ir-rotot u kemm swiet din il-konsultazzjoni, jekk kien hemm? Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet ġiet tiswa l-konsultazzjoni fuq ir-rotot qabel bdiet topera l-kumpanija Arriva f’pajjiżna ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2013 kienet tnehdiet konsultazzjoni wiesgħa kemm mal-Kunsilli Lokali kollha kif ukoll mal-pubbliku in ġenerali. Wara li smajna is-suġġerimenti kollha li wasluna, team ta’ uffiċċjali minn Transport Malta analizza dawn is-suġġerimenti u, sa fejn kien possibbli, fassal in-network il-ġdid tat-trasport pubbliku sabiex dan ikun jista’ jilħaq l-esiġenzi tal-poplu li jużah.
It-tfassil tan-network sar kompletament minn uffiċċjali li jaħdmu ġewwa l-Ministeru tat-Trasport u Infrastruttura u Transport Malta u għaldaqstant, ma' saru l-ebda spejjeż f'dak li jirrigwarda konsulenzi. Mill-banda l-oħra, fit-tfassil tan-network li kien daħal fis-seħħ f’ Lulju tal-2011, jiġifieri meta bdiet topera il-kumpanija Arriva, kienu ntefqu madwar miljun Ewro fi spejjeż relatati ma’ konsulenzi.
Jista’ l-Ministru jispjega x’inhi r-raġuni li tliet lifts barra l-bini tal-Parlament il-ġdid għadhom mhumiex funzjonabbli? Min se jkun jista’ juża dawn il-lifts?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellent li wara li kien hemm xi problemi tekniċi fuq xogħolijiet mekaniċi u li issa ġew kjarifikati, x-xogħol reġa’ tkompla.
Il-lift fuq in-naħa ta’ San Ġakbu ser ikun immexxi mill-Parlament u ser ikun jista’ jintuża kemm mill-Membri Parlamentari kif ukoll minn persuni bi bżonnijiet speċjali.
Kemm il-lift tan- naħa ta’ St. John’s kif ukoll il-lift li jagħti fid- ditch (inclined lift) ser jintużaw mill- pubbliku in ġenerali.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-ħsieb wara l-proġett ġewwa Ta’ Liesse, x’finanzjament qed tagħmel il-Grand Harbour Regeneration Corporation għal dan il-proġett, u jekk il-Kurja hijiex se tikkontribwixxi xi forma ta’ għajnuna? Kemm hu proġettat li jiswa x-xogħol ta’ modernizzar ta’ dan il-post? Meta ħa jitlesta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett ta’ Liesse jikkonsisti fir-rinovazzjoni tal-post, alterazzjonijiet interni, xogħol ġdid ta’ dawl u ilma, introduzzjoni ta’ lift u xogħol ġdid ta’ madum, kisi u żebgħa. Dan kollhu ser isir fil-binja li tmiss mal-knisja u mhux ġewwa l-knisja. Il-GHRC ser tiffinanzja dan ix-xogħol għal spiża ta’ madwar € 300,000 eskluż il- VAT. Ix-xogħolijiet bdew wara sejħa ghall-offerti u mistennija jitlestew lejn l-aħħar nofs ta’ din is-sena. L-International Transport Workers Federation ser tiffinanzja parti mill-għamara u fixtures oħra. Dan il-post ser ikun iċ-Ċentru għall-Baħħara.