Jista' l-Ministru jispjega fejn se jwasslu l-istorm water culverts li nbnew f'Valletta Road, Mosta? Dawn diġa ġew imqabbda mas-sistema? Jekk fin-negattiv, meta se jitqabbdu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-culverts li nbnew f'Valletta Road, Mosta jiffurmaw parti minn proġett sabiex ikun hemm kontroll fuq l-ilma tax-xita li jibqa' għaddej minn Birkirkara sa l-Imsida. L-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onor. Interpellant ingħatat fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari Nru. 26188.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal ix-xogħol għall-attrezzar ta' laboratorju mid-dipartiemnt tat-toroq?
Fejn se jsir dan il-laboratorju?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-laboratorju li qed jitwaqqaf fid-Direttorat għat-Toroq ser ikun fil-bini ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta, f'Sa Maison. Fil-preżent l-apparat qed jiġi nstallat.
B'referenza għall-petizzjoni miġbura mill-Kunsill Lokali Pembroke dwar il-periklu eżistenti li hemm fid-dħul u ħruġ li hemm minn Triq Suffolk fl-Akwati tal-Qasam tad-Djar San Patrizju għall Triq Sant Andrija, tista' tieħu passi biex ix-xogħol meħtieġ isir b'ċertu sens ta' urġenza biex jiġi evitat il-periklu eżistenti għar-residenti tal-lokal?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed jaħdem biex isir titjib fit-triq arterjali li mill-junction ta' Paceville twassal sa Baħar iċ-Cagħaq. Il-pjanti ta' l-ewwel fażi li tkopri iż-żona minn ħdejn id-daħla ta' Pembroke sa ħdejn l-iskola tlestew u l-pjanti tat-tieni fażi li tinkludi l-lokalita' msemmija ser jinbdew jinħadmu.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu isir biex ma ssirx traġedja fit-triq li tagħti mix-Xemxija għall-Mellieħa, eżatt fuq il-Mina tal-Mistra meta hemm visibilment qedha dejjem tinżel it-triq bil-biża li tisfronda f'daqqa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq qed jibda jintroduċi sistemi biex il-pontijiet kollha tal-pajjiż ikunu mmoniterjati biex ikunu jistgħu jinżammu fi stat tajjeb.
Id-Direttorat bħalissa qiegħed jipprepara sejħa għal offerti sabiex erba' pontijiet primarji jiġu spezzjonati u jsiru rakkomandazzjonijiet għax-xogħol ta' manutenzjoni li jinħtieġu, u dan il-pont huwa wieħed minn dawk li ser ikunu f'din it-tender.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tinfetaħ it-triq li tagħti għal Misraħ il-Vittmi tal-Gwerra, s-Siġġiewi, liema triq bħalissa tinsab magħluqa bi ġnien tal-privat?
Response (GALEA, ĊENSU)
Wara rappreżentazzjoni mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi tajt struzzjonijiet lid-Direttorat għat-Toroq biex jiġbor informazzjoni dwar il-każ.
Jista' l-Ministru jispjega fejn se jwasslu l-istorm water culverts li nbnews fi Psaila Str, Santa Venera/B'Kara? Dawn ġew imqabbda mas-sistema? Jekk fin-negattiv, meta se jitqabbdu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-sistema ta' l-istorm water culverts fi Psaila Street hi maqsuma fi tlett sezzjonijiet.
L-ewwel sezzjoni (tul ta' madwar 200 metru) għad trid tiġi estiża sal-wied ta' l-Imsida/Birkirkara, inkonnessjoni ma' pjan ta' storm water management li qed jitfassal sal-wied. Sakemm dan isir, il-catchments kollha ġew magħluqa u mhux qed jiffunzjonaw. Dan bil-għan li jiġi evitat kull inkonvenjent li jista' jinħoloq.
It-tieni sezzjoni (madwar 700 metru) bħalissa qed tiffunzjona u l-ilma li jinġabar minn Triq Psaila qed imur lejn il-Wied minn ħdejn it-taraġ ta' Triq il-Parilja.
Rigward it-tielet sezzjoni (madwar 700 metru) il-culverts ser jiġu estiżi sal-Wied. Ix-xogħol fuq din il-parti tal-proġett għadu għaddej u s-sistema kollha għandha tibda taħdem hekk kif jitlesta' dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid possibli jsiru xi traffic lights fil-By pass ta' Wied il-Għajn eżattament fejn din il-By pass taqsam Triq San Ġużepp, Żabbar għax minn din il-parti jaqsmu ħafna niex, fosthom tfal għall-iskola u jista' faċilment jiġu xi inċident?
Billi f'mistoqsijiet parlamentari preċedenti intqal li se jittieħdu passi biex dan il-periklu jiġi indirizzat, possibli jittieħdu passi fl-aqsar żmien possibli?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li diġa twaħħlet traffic lights fil-lokalita' u ftit aktar 'il fuq minnha hemm ukoll zebra crossing, għalhekk mhux possibbli li jsiru aktar postijiet fejn jaqsmu n-nies f'din il-parti tat-triq.
Jista' l-Ministru jgħid x'kuntratt ta' xogħol għandu ic-Chief Executive tal-Malta Maritime Authority u jekk dan hux wieħed definittiv jew indefinittiv għal wieħed indefenittiv u min ta' din l-ordni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-kuntratt li għandu ċ-Chief Executive ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta sar wieħed indefinit b'seħħ minn Marzu 1996 wara li skada l-kuntratt definit ta' tlett snin li kien sar f'Marzu 1993.
Trasport PubblikuJista' l-Ministru jgħid meta l-Awtorita tat-Trasport Pubbliku se testendi s-servizzi tat-trasport pubbliku fl-area f'Ħal Qormi fejn jinsabu fost oħrajn dawn it-Toroq: Triq l-Aħwa Żammit, Sqaq tal-Armal, Triq tal-Bajjada, Triq Ġdida f'Tal-Bajjada, Triq Pawlu Farruġia jew Trejqa tal-Wied, Triq il-Kaċċatur, Triq il-Kanun, Triq in-Nassab, Triq A.M. Vassalli, Valletta Road, Triq il-Furnar u oħrajn fl-akwata, bil-għan li tiġi mgħeluba t-tbatija tan-numru kbira ta' Residenti li joqgħodu hemm hekk?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li għaddejjin diskussjonijiet bejn l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta, l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku u l-Kunsill Lokali Qormi biex tiġi devjata r-rotta minn Triq il-Belt Valletta, sabiex din l-akwata tkun moqdija aħjar. Hemm indikazzjoni li dawn l-arranġamenti jidħlu fis-seħħ dalwaqt.
Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir għall-ewwel darba it-Trejqa tal-Wied jew Triq Pawlu Farruġia f'Ħal Qormi li llum hija kollha mibnija bil-għan li kemm ir-residenti kif woll l-industrija li topera minn din l-area ma jiqgħux isofru ħsarat u konsegwenzi oħra minħabba t-tħarbit li hemm?
Response (GALEA, ĊENSU)
M'għandi xejn x'inżid mar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru W 265/01.
Jista' l-Ministru jikkonferma it-test tal-VRT validu għal sentejn? Jista' jispjega kif min għamel il-VRT Test fi Frar 2001 qed jiġi kostrett li fi Frar 2002 jagħmel test tal-VRT mill-ġdid?
Response (GALEA, ĊENSU)
Il-Frekwenza tat-test hi regolata b'notifiki uffiċjali. Jekk hemm xi każ partikolari li l-Onor. Interpellant jixtieq jara nvestigat nitolbu jgħaddili d-dettalji tal-vettura biex inkun nista' nivverifika l-każ.
Jista' l-Ministru jispjega fejn se jwaslu li storm water culverts li nbnew fir-Ring road tal-Mosta (in-naħa ta' Main Street)?
Dawn ġew imqabbda mas-sistema?
Jekk fin-negattiv, meta se jitqabbdu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li hu ppjanat li l-culverts imsemmija jwasslu l-ilma tax-xita sa Wied il-Għasel. Ovvjament, ix-xogħol fuq il-proġett għadu għaddej u hu ppjanat li s-sistema kollha tibda taħdem hekk kif jitlesta' x-xogħol li d-Direttorat għat-Toroq qed iwettaq bħalissa fl-inħawi msemmija.
Jista' l-Ministru jara li l-crash barrier li twaħħlet fil-bypass li minn Ħaż-Żabbar tagħti għal Wied il-Għajn u li qegħda fil-parti ta' qabel il-housing estate tal-Plier - titressaq lura għal maċ-ċint, kif qegħdin il-crash barriers fil-kumplament tat-triq, għax peress li qegħda 'l barra ħafna, qed tkun ta' periklu għal dawk in-nies li jgħaddu minn hemm bil-mixi u bir-roti li qed jispiċċaw ikollhom jgħaddu minn kważi nofs it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li għalkemm mhux possibbli li l-crash barrier tersaq 'il barra għaliex tiġi fit-triq, qed isir xogħol wara l-barrier u fit-truf tagħha biex in-nies ikunu jistgħu jgħaddu minn warajha.
Jista' l-Ministru jinforma l-kamra kemm flejjes intefqu u huma previsti li jintefqu fuq l-parti l-ġdida tat-Triq Alfonso de Wignacourt fix-Xgħajra sabiex din tiġi asfaltata?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol li għaddej bħalissa fi Triq Alfonso de Wignacourt jikkonsisti f'livellar u formazzjoni tat-triq li ser jammontaw għal Lm17,500. Meta jsir ix-xogħol fuq l-estensjoni tad-dranaġġ issir sejħa għall-offerti għall-asfaltar tat-triq u dan hu maħsub li jammonta għal madwar Lm20,000.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kundizzjonijiet il-ġodda li jridu jiġu osservati taħt il-VRT matul din is-sena l-ġdida?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li mill-ewwel ta' Jannar 2002 daħlet fis-seħħ it-tieni fażi tal-VRT. Dan ifisser li sabiex vettura tikkwalifika għal ċertifikat tal-VRT, irid ikollha wkoll l-affarijiet hawn taħt imsemmija ċċertifikati tajba għat-triq:
Tyres, roti u hubs
Windscreen, wipers u l-washers tal-windscreen
Horn
Is-sistema u l-ħruġ ta' exhaust
Ħsejjes.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li matul dawn l-aħħar tlett snin parti mit-Triq il-San Mikiel il-Mellieħa tħalliet abbadunata?
Jista' l-Ministru jara li jsiru l-proċeduri meħtieġa fil-ġimgħat li ġejjien sabiex din it-triq fil-Mellieħa tiġi asfaltata jew mgħotija t-tarmac immedjatament?
Jekk fl-afftermattiv meta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari Nru. 30721.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li matul dawn l-aħħar tlett snin Triq il-Bebuma l-Mellieħa tħalliet abbadunata?
Jista' l-Ministru jara li jsiru l-proċeduri meħtieġa fil-ġimgħat li ġejjien sabiex din it-triq fil-Mellieħa tiġi asfaltata jew mgħotija t-tarmac immedjatament?
Jekk fl-afftermattiv meta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari Nru. 30721.
Jista' l-Ministru jgħid matul l-1999, is-sena 2000 u 2001 saru xi sforzi biex l-ITF tiffinanzja instituzzjonijiet edukattivi lokali fil-qasam marittimu? Xi frott taw dawn l-isforzi? F'hiex kien jikkonsistu dawn l-isforzi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fis-sena 1998 il-Ministru tat-Trasport u Portijiet ta' dak iż-żmien, kien beda t-taħdiet ma' l-ITF sabiex din ta' l-aħħar tiffinanzja istituzzjonijiet edukattivi lokali fil-qasam marittimu. Iżda, għalkemm l-ITF kienet offriet għajnuna finanzjarja sostanzjali, taħt ċerti kundizzjonijiet, in-negozjati ma setgħux iwasslu għal ftehim aħħari peress li l-Maritime Institute kien għadu ma ġiex imwaqqaf.
Wara li f'Ġunju tas-sena 2001 ġie mwaqqaf il-Maritime Institute, l-Awtorita' Marittima flimkien mal-istess Maritime Institute u r-rappreżentant lokali ta' l-ITF, kompliet bl-isforzi tagħha sabiex l-ITF toffri għajnuna finanzjarja kif ukoll teknika lill-Maritime Institue. Dawn it-taħdidiet s'issa għadhom ma ġewx finaliżżati.
Dawn l-isforzi kienu jikkonsistu f'diversi laqgħat u korrispondenza bejn l-Awtorita' Marittima, l-MCAST u r-rappreżentanti ta' l-ITF.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li ser jintefqu flus fuq l-estensjonijiet tal-mollijiet sew dawk fiċ-Ċirkewwa kif wkoll dawk fl-Mġarr, Għawdex? Kemm intefqu s'issa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ammont li hu stmat li ser jintefaq fuq il-proġett taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr hu bejn Lm12,000,000 u Lm13,000,000. L-ammont li ntefaq s'issa fuq dan l-istess proġett hu kif ġej:
Xogħol ta' kostruzzjoni minn Ġunju 2000 sa llum - Lm2,600,000
Spejjeż oħra minn mindu beda l-proġett sa llum li
jinkludi dredging, drittijiet professjonali, fenders etc. - Lm1,100,000
TOTAL - Lm3,700,000