Qorti — Persuni akkużati li attakkaw membri tal-Korp tal-Pulizija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti minn Marzu 2013 sal-ġurnata li tkun imwieġba din il-mistoqsija, akkużati li ħebbew u attakkaw membri tal-Korp tal-Pulizija waqt il-qadi ta' dmirijiethom, sena b’sena b’mod separat? Kemm minn dawn instabu ħatja mill-Qorti? X'pieni ngħataw dawn il-persuni li nstabu ħatja?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena (2015) kien hemm 226 persuna li tressqu l-Qorti fuq akkuzi li ħebbew jew attakkaw membri tal-Korp tal-Pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Min dawn 135 persuna kellhom il-kaz tagħhom deċiz u nstabu ħatja. L-ezitu tal-kaz kien kif indikat fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Pulizija li soffrew inċident waqt il-qadi ta’ dmirijiethom
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' pulizija li sofrew minn xi inċident waqt il-qadi ta' dmirijiethom minn Marzu 2013 sal-ġurnata li tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każijiet ta' hit and run sena b’sena bejn l-2004 u d-data meta tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jgħid kemm minnhom ġew solvuti u kemm weġġgħu nies f’dawn il-każijiet maqsuma sena b’sena?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li informazzjoni fuq ‘hit and run’ bdiet tinġabar taħt forma ta’ statistika fis-sistema elettronika għal ġbir tar-rapporti tal-Pulizija minn Jannar 2011. Fil-fatt, skont ir-records, fil-perjodu mitlub, minn total ta’ 8,507 inċidenti tat-traffiku li kienu rrappurtati, kien hemm 7,227 kklasifikati bħala ‘hit and run’. Infurmat li n-numru ta’ kazijiet solvuti ma tinzamx f’forma ta’ statistika.
Qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, n-numru ta’ feruti sena b’sena f’inċidenti tat-traffiku (u mhux neċessarjament f’inċidenti ta’ hit and run peress li ma tezistix statistika) matul il-perjodu mitlub.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru sejħiet foloz (hoaxes) għall-fire engines sena b’sena bejn l-2004 u d-data meta tkun imwieġba din il-mistoqsija? X’inhu l-impatt ta’ sejħiet foloz bħal dawn fuq is-servizz offrut?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li meta tidħol kwalunkwe sejħa għal-għajnuna fuq in-numru ta’ l-emerġenza 112, id-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jibgħat il-vetturi addattati u l-membri tiegħu biex iwieġbu għall-assistenza rikjesta, skond l-informazzjoni li tkun ingħatat fit-telefonata. Għalhekk meta s-sejħa tkun falza (hoax) il-vetturi u l-membri jintbagħtu xorta waħda, anke jekk l-operatur ikollu xi dubji minn dak li intqal fit-telefonata. Dan ifisser ħela ta rizorsi kif ukoll periklu minħabba l-fatt li jekk dak il-ħin issir sejħa għall għajnuna vera, ir-rizorsi jintbagħtu minn stazzjon tat-tifi tan-nar ieħor peress li vetturi ta’ dik il-lokalita ikunu qed jirrispondu għal sejħa falza (hoax).
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kemm saru sejħiet foloz (hoaxes) għall-fire engines matul il-perjodu mitlub.
Għawdex — pulizija stazzjonati li spiċċaw mill-Korp
Question
Jista' l-Ministru jgħid matul l-2014 u matul l-2015 sal-lum kemm pulizija kienu stazzjonati f'Għawdex spiċċaw fil-Korp? Jista' jgħid kemm kellhom snin ta' servizz kull wieħed minn dawk li spiċċaw?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li matul is-sena 2014 spiċċaw 5 membri tal-Korp mid-distrett t’Ghawdex, filwaqt li fis-sena 2015, sat-8 t’Ottubru 2015 spiċċaw 6 membri. Dawn huma kif jidhru mit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-kamra.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — bordijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13507 u 11305 u jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid għal kemm kienet tammonta l-ispiża tal-ħatriet fuq dawn il-bordijiet għas-sena 2012, għas-sena 2013, u għas-sena 2014?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onoevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – spiża ta’ ħatriet fuq bordijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid kemm hi stmata li se tkun l-ispiża tal-ħatriet fuq dawn il-bordijiet, separatament għal matul is-sena 2015?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onoevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — impjegati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-Ministeru jew fi kwalunkwè entità li taqa’ taħt ir-responsabiltà tiegħu (segretarjat, dipartimenti, kumitati, kunsilli, aġenziji, kummissjonijiet, awtoritajiet eċċ.) għandux impjegati fi kwalunkwè kapaċità u jaħdmu jew fuq bażi full-time jew part-time jew li qed jirċievu xi forma ta’ ħlas minn fondi pubbliċi, persuni li sa Marzu 2013 kienu impjegati mal-Partit Laburista u b’mod speċifiku mar-radju u t-televiżjoni tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista’ jipprovdi lista ta’ dawn il-persuni kif ukoll il-pakkett finanzjarju inkluż il-benefiċċji li qed jirċievu?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid minn Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm ittellgħu nies il-Qorti, sena b’sena b’mod separat, fuq reati kriminali u jikkategorizza dawn ir-reati kriminali?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Membri tal-Korp tal-Pulizija li nqabdu jużaw id-droga
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu membri tal-Korp tal-Pulizija jużaw id-droga jew kienu fil-pussess ta' droga jew ittraffikaw id-droga bejn l-1999 u l-2012, sena b’sena? X’tip ta’ droga kien hemm involuta f’kull każ u x’kien l-ammont? Kemm minnhom tressqu l-qorti u kemm minnhom instabu ħatja? X'rank kellhom meta seħħ il-każ? Kien hemm minnhom li baqgħu fil-Korp tal-Pulizija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-perjodu mitlub, kien hemm erba’ membri tal-Korp tal-Pulizija li nqabdu jabbuzaw minn droga u dan kif muri mit-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Membri tal-Korp tal-Pulizija mressqa l-Qorti akkużati b’reati kriminali
Question
Jista' l-Ministru jgħid, bejn l-1999 u l-2012, sena b’sena, kemm tressqu l-Qorti membri tal-Korp tal-Pulizija akkużati b'reati kriminali? Jista’ jghid x’kienu dawn ir-reati kriminali? X'rank kellhom meta seħħ il-każ? Jista’ jgħid x’passi ttieħdu fil-konfront tagħhom sakemm inqata’ l-każ tagħhom ?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bejn l-1999 u l-2012 kien hemm mitejn u ħdax (211)-il membru tal-Korp li tressqu l-Qorti akkuzati b’reati kriminali. Tlieta w sittin (63) minnhom ġew temporanjament sospizi sakemm inqata’ l-kaz tagħhom. It-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra turi sena b’sena ir-rank ta’ l-uffiċjal li kkommetta r-reat, in-natura tar-reat u l-azzjoni li ttieħdet fil-konfront ta’ kull wieħed li tressaq il-Qorti sakemm ġie ddeterminat il-kaz tiegħu/tagħha.
Membri tal-Korp tal-Pulizija li nstabu ħatja ta’ reati kriminali
Question
Jista' l-Ministru jgħid, bejn l-1999 u l-2012, sena b’sena, kemm kien hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li nstabu ħatja ta' reati kriminali u x'kienu l-pieni li ngħataw? X’kienu r-reati kriminali li nsabu ħatja fuqhom? Jista' jgħid jekk minn dawn kienx hemm min baqa’ fil-Korp wara s-sentenza tal-Qorti? X'rank kellhom meta seħħ il-każ?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bejn l-1999 u l-2012 kien hemm 82 membru tal-Korp li nstabu ħatja ta’ reati kriminali. Ir-reati kriminali u l-pieni li ngħataw kif ukoll ir-reati kriminali li nstabu ħatja fuqhom huma mogħtija fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. L-istess tabella turi jekk il-membru kkonċernat baqax fil-Korp wara s-sentenza tal-Qorti u r-rank tiegħu/tagħha meta seħħ il-kaz.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rapporti lill-Forzi Armati ta' Malta li ntlemħuklieb il-baħar fl-ibħra Maltin , , f'dawn l-aħħar ghaxar snin sena b'sena? F’liema nħawi ntlemħu dawn il-klieb il-baħar?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Korp tal-Pulizija – vetturi b’number plates ta’ pajjiżi barranin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqabdu vetturi bin-number plates ta’ pajjiż barrani fit-toroq Maltin u li nġabru mill-Korp tal-Pulizija mill-1 ta’ Jannar 2015 sat-30 ta’ Settembru 2015? Jista’ jgħid fejn inżammu dawn il-vetturi li kellhom number plates ta’ pajjiż barrani u li jkunu nġabbru mill-Pulizija? Jista’ jgħid fejn jinżammu r-records ta’ dawn il-vetturi? Jista’ jgħid kemm kien hemm vetturi li wara li jkunu nġabru mill-pulizija reġgħu ġew rilaxxati mill-ġdid lil sidhom fl-istess perjodu? Jista’ jgħid x’records jinżammu ta’ vetturi li jkunu ġew rilaxxati lil sidhom wara li jkunu inġabru mill-pulizija? Jista’ jgħid min huwa l-uffiċjal fil-Korp tal-Pulizija li jawtorizza r-rilaxx mill-ġdid tal-vettura maqbuda lil sidha?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi cioe mill-1 ta’ Jannar 2015 sa 30 ta’ Settembru 2015, il-Pulizija ġabret 185 vettura bin-‘number plates’ barranin. 129 ma kienux konformi mal-Ligi u 56 għax kienu ta’ zgombru fit-toroq. Wara li tħallsu l-multi 119 min-dawn il-vetturi ġew rilaxxati. Waqt li 60 min dawn il-vetturi għadhom mizmuma mil-Pulizija. 6 vetturi oħra ġew skrapjati skond il-Ligi Sussidjara 65.13.
Dawn il-vetturi jinzammu fil-Garaxx tal-Pulizija li qiegħed fil-Foss ta’ Notre Dame fil-Furjana, u fil-Compound ta’ St. Andrew’s f’Pembroke, kif ukoll f’dawk il-kazi fejn il-vettura tkun nġabbret fuq rapport ta’ ostaklu, dawn jinġarru u jitpoġġew temporanjament fil-compound tal-kuntrattur privat ġewwa Ħal Tarxien. Dawn ta’ l-aħħar jiġu trasferiti mill-compound tal-kuntrattur għal Garaxx tal-Pulizija jekk is-sid ma jkunx għadu ġabar il-vettura konfiskata wara seba t’ijiem.
Rekords tal-istess vetturi jinzammu fl-Ufficcju tal-MT fil-Garaxx tal-Pulizija fil-Furjana u kopji tar-rekords jintbgħatu is–Sezzjoni tat-Traffiku u l-Accounts Section tal-Korp f’kazijiet ta’ pagamenti għal rilaxx.
Id-dettalji elenkati hawn taħt jinzammu mill-Pulizija dwar vetturi li jinġabbru b’numri tar-reġistrazzjoni ta’ barra:
Numru tar-reġistrazzjoni u għamla tal-vettura.
Isem ix-xufier u sid il-vettura
Data ta’ meta ġiet meħuda
Data tar-rilaxx tal-vettura
Dettalji tal-Pulizija li qabad il-vettura
Dettalji tad-data , ħin u post minn fejn ittieħdet il-vettura
Numru tar-rapport fil- Pirs (NPS) u dettalji dwar il-kaz
Dettalji dwar irċevuti u dokumenti relatati mar-rilaxx.
Vetturi maqbuda bin-numri ta’ barra, jiġu rilaxxati mill-membri tal-Pulizija fit-Taqsima tat-Traffiku, Mechanical Transport Section u Sezzjoni tal-SVS.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol ta’ bini ta’ fire station ġdida f’Santa Venera?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-pjanti tal-istazzjon il-ġdid ġewwa Triq il-Kanun, Santa Venera tlestew u ġew ipprezentati quddiem l-MEPA sabiex ikun jista’ jinħarreġ il-permess tal-bini ta’ dan l-istazzjon.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – kariga ta’ individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’pożizzjoni jokkupa fil-Ministeru tiegħu l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid x’inhu l-pakkett finanzjarju tiegħu?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-persuna li dettalji dwaru ngħataw separatament ġie ingaġġat fid-dipartiment tar-rizorsi umani tal-AWAS bħala administrator u għandu paga ta’ €17, 721.00 fis-sena.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 19600 u 18340, peress li skont ir-ritratt li qed jingħata separatament fejn hemm ittra tan-notice tad-duty tal-fixed point policeman, u peress li din qed turi mod ieħor ta’ kif jien ġejt imwieġeb, jista’ l-Ministru jgħid liema waħda hi l-veritiera?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-ebda mument ma’ ngħatat verzjoni differenti dwar dik li hi proċedura u dover tal-Uffiċċjal tal-Pulizija li jkun għassa fil-lokalita in kwistjoni.