Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ta' Qali — Pitkalija - bidliet strutturali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-bidliet strutturali li huma ppjanati fil-Pitkalija f'Ta' Qali? Meta hu mistenni li jinbdew dawn ix-xogħlijiet? Kemm hu stmat li jiswew?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14879.

Pitkalija — hawkers awtorizzati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' hawkers li huma awtorizzati li jidħlu jixtru mill-Pitkalija? Kif inbidel dan inn-numru minn Jannar 2014 sal-lum, kull xahar?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari n-numru ta' hawkers li huma awtorizzati li jidħlu jixtru mill-Pitkalija sal-lum ilaħħaq 616. Skond kif infurmat, ix-xerrej għandu l-obbligu li jġedded il-liċenzja sabiex ikun jista’ jidħol ġewwa l-Pitkalija. Din il-liċenzja tapplika għal dik is-sena kurrenti u fl-imgħoddi ma kienx jiġi nfurzat żmien fejn tista’ tiġi mġedda. Sadanittant meta xerrej jinstab dieħel mis-security tal-Pitkalija mingħajr liċenzja valida, dan kien jiġi dirett lejn l-amministrazzjoni sabiex iġedded din il-liċenzja. Huwa għalhekk li n-numru tax-xerrejja kien jitla’ ma’ kull xahar ta’ matul is-sena. Ninsab infurmat ukoll li fl-1 ta’ Mejju 2015 inħareġ avviż sabiex dawk ix-xerrejja li għad ma kellhomx il-liċenzja tal-2015 imġedda, għandhom jagħmlu dan sal-31 ta’ Mejju. Fin-nuqqas ma jitħallewx jidħlu ġewwa l-Pitkalija mill-1 ta’ Ġunju. B’żieda ma’ dan qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-klima – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il direct order ħareġ il-Ministeru tiegħu, inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet kollha illi jaqgħu taħt id-dekasteru tieghu minn Marzu 2013 sad-data illi fiha saret din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jagħti l-ammont totali ta’ kull direct order u lil min ingħataw?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont it-tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Permanenti l-ammont ta’ direct orders maħruġa mill-Ministeru, inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tieghi, minn Marzu 2013 sad-data li fiha saret din il-mistoqsija parlamentari, jammonta għal 149. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella A (il-Ministeru u Dipartimenti) u Tabella B (WasteServ) bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-klima – konsulenti u persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-konsulenti u l-persons of trust illi tqabbdu mill-Ministru jew minn dipartimenti u entitajiet illi jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2013 sad-data illi fiha saret din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll x’inhu s-salarju tagħhom u x’perkaċċi għandhom?

Response (BRINCAT, LEO)

B’żieda ma l-informazzjoni li qegħdt fuq il-Mejda tal-Kamra għal Mistoqsijiet Parlamentari Nri. 15297 u 15298, għandi ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li mit-tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti hemm ħames karigi oħra ma dawk imsemmija. Madanakollu, seħħ ukoll tnaqqis ta’ kariga waħda ta’ Environment & Sustainability Monitor li ħadet impenn ġdid. Qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Bejgħ ta' prodotti agrikoli

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien l-ammont ta' prodott agrikolu li nbiegħ lill-persuni li mhumiex hawkers? Kemm hemm permessi li ħarġu biex persuni li mhumiex hawkers ikunu jistgħu jixtru prodott agrikolu mill-Pitkalija? Kemm kien l-ammont ta' prodott agrikolu li ntrema mill-Pitkalija matul April u Marzu 2015 u Mejju s'issa?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex għall-ewwel parti tal-Mistoqsija jispeċifika għall-liema perijodu qed jirreferi. Rigward il-kumplament ngħarraf li skond tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-ammont ta’ permessi li nħarġu bis-sistema l-ġdida ta’ reġistrazzjoni li tnediet f’Marzu ta’ din is-sena huwa ta’ 562 konsumaturi privati. Ninsab mgħarraf ukoll illi r-responsabbiltà fuq il-prodott agrikolu mhux mibjugħ tibqa’ fuq il-bidwi u l-prodott jintrema jew jiddisponi minnu skond ix-xewqa tiegħu.

Wasteserv – Kap Eżekuttiv – remunerazzjoni u perkaċċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’remunerazzjoni, inklużi l-perkaċċi kollha, għandha l-persuna li tokkupa l-kariga ta' Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt għar-rigward tal-istess persuna? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm sejħa għall-kariga li tokkupa din il-persuna?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti d-dettalji tal-pakkett ta’ remunerazzjoni tal-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, mitlub mill-Onor. Interpellant, qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din il-ħatra saret b’direct appointment. Kif jirriżulta mit-Tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, l-ispiża fuq il-ħlas tal-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ illum, hija ta’ €3,147.55 fis-sena inqas milli kienet fi żmien l-amministrazzjoni l-oħra.

Ir-Rabat/L-Imtarfa – Triq Għajn Qajjet – xogħlijiet fuq roundabout

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-iżvilupp li bħalissa għaddej fir-roundabout ta' Triq Għajn Qajjet, ir-Rabat/l-Imtarfa, Malta? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permessi tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex isir dan l-iżvilupp?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ir-Rabat/L-Imtarfa – Triq Għajn Kajjet – xogħlijiet fuq roundabout

Question

B'referenza għall-iżvilupp li bħalissa għaddej fir-roundabout ta' Triq Għajn Qajjet, ir-Rabat/l-Imtarfa, Malta, jista' l-Ministru jgħid kemm se jiġi jiswa dan il-proġett? Jista' jgħid kemm minn dawn il-fondi se jkunu fondi tal-Unjoni Ewropea?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Il-Pitkalija – xiri ta’ prodotti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li nisa tad-dar mhux qed jitħallew jixtru mill-Pitkalija wara nofsinhar?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari mhux minnu li konsumaturi privati, inklużi n-nisa tad-dar, mhux qed jitħallew jixtru mill-Pitkalija wara nofsinhar.

Miri għar-riċiklaġġ

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-miri li għandu pajjiżna għar-riċiklaġġ għas-snin 2018, 2020 u 2022?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miri tal-Gvern fuq l-iskart huma dawk li qegħdin fil-Pjan Nazzjonali għall-Iskart li huwa dokument pubbliku li ġie diskuss f’din il-Kamra.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — ingaġġ ta' impjegati mill-Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-1 ta' Jannar 2015 sal-lum ġewx impjegati persuni fis-segretarjat, f'xi dipartiment jew fi kwalunkwe entità pubblika li taqa' taħt ir-responsabilità tiegħu/tagħha li kienu bbenefikaw minn xi skema għall-irtirar kmieni mix-xogħol imnedija mill-Air Malta? Jekk iva, jista' jgħid kemm kien l-ammont ta' dawn il-persuni u fejn qed jaħdmu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li mill-1 ta' Jannar 2015 sat-13 ta’ Mejju 2015 ma kien hemm l-ebda persuna li daħlet fil-Ministeru, fid-Dipartimenti jew fl-entitajiet li jaqgħu taħt ir-reponsabbiltà tiegħi, li nfurmat lill-management li bbenefikat minn skema tal-irtirar kmieni jew skema simili mnedija mill-Air Malta.

Produzzjoni tal-Ħalib – kwota

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14304 dwar il-miżuri li kellu jieħu l-Gvern biex jiġu protetti l-produtturi tal-ħalib hekk kif fl-aħħar ta' Marzu li għadda ġiet imneħħija l-kwota tal-ħalib, peress li diġà għadda xahar minn meta tneħħiet il-kwota tal-ħalib, x'inhi r-raġuni li l-abbozz leġiżlattiv li kellu jipprovdi qafas nazzjonali ta' protezzjoni fuq ċerti termini minimi fil-kuntratt ta' bejn il-produttur u l-ipproċessar tal-ħalib għadu mhux lest? X'inhi r-raġuni għal dan id-dewmin bla bżonn meta l-Gvern preżenti ilu aktar minn sentejn fit-tmexxija tal-pajjiż u għalhekk seta’ jipprepara dan il-kuntratt minn qabel ma spiċċat il-kwota? Veru li mhux ir-raħħala kollha qegħdin ikunu kkonsultati dwar dan l-abbozz legiżlattiv?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont tagħrif mgħoddi lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, kontra dak li qed jingħad fil-mistoqsija, il-Gvern ma kellu la l-obbligu u lanqas dover li jipprepara u jidħol f’xi forma ta’ kuntratt mar-raħħala. Il-kuntratti rilevanti jsiru bejn il-proċessur u l-produttur tal-ħalib innifsu. Inkompli ngħid illi skont kif ninsab infurmat id-diskussjonijiet ħadu aktar milli kien mistenni minħabba s-sitwazzjoni kumplessa f'dan is-settur u l-ħtiega li jiġu ssalvagwardjati l-interessi tar-raħħala kollha fejn jidħol l-għaxien tagħhom. L-Onor. Interpellant għandu jifhem li l-livell ġdid ta' drittijiet u protezzjoni li se jkollhom il-produtturi jfisser ukoll obbligi ogħla fuq min jipproċessa, li allura jienħtieġ li jkun hemm ċarezza dwar l-abbiltà tal-irziezet li jipproduċu b'konformità mal-liġijiet kollha, u dan jimplika bidla profonda f'dan is-settur. Għaldaqstant peress li l-konsultazzjoni ħadet fit-tul u baqgħu deħlin talbiet għal kjarifiki dwar sitwazzjonijiet individwali ta' ċertu rziezet, u suġġerimenti dwar dan l-abbozz sal-bidu t'April, il-pubblikazzjoni tal-imsemmi abbozz kellha tiġi posposta. In vista li kull produttur tal-ħalib huwa rappreżentat minn koperattiva waħda d-diskussjonijiet saru mat-tmexxija u l-Kumitat ta’ Tmexxija tal-imsemmija koperattiva.

Irziezet involuti fit-trobbija tal-għoġiela għall-qatla u fil-Produzzjoni tal-ħalib

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li hawn irziezet relatati mal-produzzjoni tal-ħalib kif ukoll mat-trobbija tal-għoġiela għall-qatla li qegħdin fil-periklu li jagħlqu? Jista’ jgħid kemm kien hawn minn dawn l-irziezet li għalqu, jew qegħdin fil-periklu li jagħlqu, mill-1 ta' Jannar 2015 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? X'inhi r-raġuni li dawn l-irziezet se jagħlqu jew għalqu? Hemm xi tip ta' għajnuna li l-Ministru jista’ jagħti biex dawn l-irziezet ma jagħlqux?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont tagħrif mgħoddi lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, l-irziezet kollha li jipproduċu ikel li ġej minn prodotti tal-annimali, li jfisser li kemm dawk involuti fil-produzzjoni tal-ħalib kif ukoll dawk involuti fit-trobbija tal-għoġġiela għall-qatla, iridu jkunu konformi ma’ numru ta' regolamenti tal-Unjoni Ewropea dwar saħħa, il-benessere tal-annimali, iġjene u ħarsien tal-ambjent. Dawn ir-regolamenti huma mandatorji, l-istess kif l-għajnuniet għar-raħħala huma marbutin mal-osservanza tagħhom. Għaldaqstant matul is-snin saru l-investimenti min-numru l-kbir tar-raħħala f'dan is-settur biex ikunu jistgħu joperaw b'konformità ma’ livell Ewropew ta' standards b'mod kompetittiv. Fost ir-regolamenti wieħed isib in-numri 852 u 853 tal-2004. Dawn ir-regolamenti jispeċifikaw ir-regoli għall-ikel li joriġina minn annimali. Mill-ewwel tas-sena sal-lum ma ngħalaq l-ebda razzet. Bħalissa hemm madwar tmint irziezet li jekk ma jirranġawx u ma jirregolawx ruħhom fl-operat tagħhom ikunu qegħdin f'riskju li jitilfu l-liċenzja tagħhom. Għalkemm dawn ġew imwissija kemm-il darba sa mill-2004 sabiex jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom, għal diversi raġunijiet dawn baqgħu ma għamlu xejn. L-istess irziezet huma obbligati wkoll li joperaw skond il-leġiżlazzjoni sussidjarja L.S.504.108. Sussegwentement dawk kollha li jinsabu li mhumiex jaħdmu f’konformità mal-imsemmija leġiżlazzjoni sussidjarja jiġu mħeġġa bosta drabi u megħjuna sabiex jieħdu passi biex jiġu konformi u li jieħdu miżuri temporanji biex jitnaqqas l-impatt tat-tniġġis tagħhom sa ma jkunu jistgħu joperaw b'mod sostenibbli. Finalment jistgħu jittieħdu l-passi meħtieġa ma’ dawk li jibqgħu jinjoraw it-twissijiet u ma jieħdu l-ebda passi biex jiġu konformi, hekk kif stipulat fl-imsemmija legiżlazzjoni sussidjarja. Il-provvedimenti tal-L.S.504.108. ma jipprovdux sabiex l-awtorità kompetenti tagħlaq l-irziezet iżda dawn jitressqu l-Qorti bħala mizura finali sabiex jiġu ordnati jiġu konformi. Il-Gvern għamel bosta għajnuniet matul is-snin, u ser ikompli permezz tal-pjan tal-Iżvilupp Rurali 2015-2020 sabiex l-irziezet jimmodernizzaw. Dan minbarra s-sostenn li kull produttur li wera rieda li jindirizza l-problemi dejjem sab mill-awtoritajiet kompetenti.

Gozo Transport Grant Scheme — assistenza lis-setturi Agrikoli u tas-Sajf f'Għawdex

Question

Peress li l-iskema għall-Intrapriżi Żgħar u Mejdi Gozo Transport Grant Scheme ma tipprovdix assistenza lis-setturi tal-Agrikolu u tas-Sajd f'Għawdex, jista' l-Ministru jgħid jekk tingħatax xi għajnuna oħra li dawn iż-żewġ setturi jiġu biex jieħdu l-prodotti tagħhom lejn Malta? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dawn is-setturi jingħataw xi forma ta' għajnuna oħra?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – servizz ta’ interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru jew id-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu jużawx is-servizzi tal-interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ f’attivitajiet li jsiru? Jista’ jgħid kemm-il darba ntużaw dawn is-servizzi tal-interpreti f’attivitajiet organizzati mill-Ministeru jew mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu fis-snin 2013 u 2014 rispettivament? Jista’ jgħid x’kienu dawn l-attivitajiet?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li dan it-tip ta’ servizz ma jintużax, kemm għaliex ma kienx hemm il-ħtieġa kif ukoll għax ma saritilniex l-ebda talba f’dan ir-rigward. Aħna nkunu lesti nużaw dan it-tip ta’ servizz kemm il-darba jirriżulta li jkun hemm il-ħtieġa li jsir hekk. Infakkar ukoll li l-istazzjon tat-televiżżjoni pubbliku joffri dan is-servizz f’bullettini tal-aħbarijiet appożiti li jkunu qed jirrapurtaw l-attivatijiet tagħna.

Miri għat-tnaqqis tal-livell ta’ CO2

Question

Peress li Malta, bħala membru tal-Unjoni Ewropea hija obbligata tirrapporta kull sena lill-Unjoni Ewropea fuq dak li tkun qed tagħmel biex tilħaq miri stabbiliti dwar tnaqqis tal-livell ta' CO2, u peress li dawn it-targets jirrigwardaw setturi bħal dak tal-agrikoltura u l-iskart, jista' l-Ministru jgħid xi strateġija se timplimenta Malta dwar kif tista' tnaqqas b'mod konkret l-emissjonijiet tal-gassijiet serra f'dan is-settur?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Permanenti li l-Ministeru tiegħi, kull sentejn, jagħmel stħarriġ estensiv u jiġbor informazzjoni fuq kull settur u x’miżuri ġodda jsiru sabiex jintlaħqu l-miri stabbiliti dwar it-tnaqqis tal-livell ta' CO2 u kif ukoll sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni ta’ Malta. F’każijiet li jkun hemm tibdil sostanzjali f’ċerti miżuri, dan l-istħarriġ isir kull sena. Fir-rigward tal-istrateġija li se timplimenta Malta dwar kif tista' tnaqqas b'mod konkret l-emissjonijiet tal-gassijiet serra f'dan is-settur, twaqqaf kumitat inter-Ministerjali fuq it-tibdil tal-klima (IMC-CC), sabiex jiddiskuti u jinbeda x-xogħol fuq l-iżvilupp ta’ “Low Carbon Development Strategy”. Saru diversi laqgħat s’issa kemm fuq livell inter-Ministerjali kif ukoll fuq livell tekniku. L-għan prinċipali tal-‘ Low Carbon Development Strategy ’ hu li tippromwovi żvilupp sostenibbli iżda b'emissjonijet anqas, milli mingħajr intervent. Malta ser tkun marbuta ukoll sabiex ikollha din l-istrategija permezz tal-abozz tal-ligi fuq it-tibdil tal-klima ( Climate Action Bill ). Din is-sena, il-Ministeru ħareġ sejħa sabiex jinbeda studju u jiġi stabbilit f’liema setturi l-pajjiż għandu bżonn jinvesti aktar sabiex jitnaqqas b'mod konkret l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Permezz ta' dan l-istudju ser jiġu stabbiliti wkoll xi studji oħra huma meħtieġa sabiex finalment pajjiżna jkollu strateġija kompleta li tinkludi s-setturi kollha, u li tiġbor fiha f’mod komprensiv l-azzjonijiet programmati fl-oqsma diversi inkluż fl-agrikoltura fejn diġà seħħew u se jiżdiedu interventi ta’ mitigazzjoni u ta’ adattament għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima permezz ta’ Fondi Ewropej iddedikati għal dan l-objettiv.

Irziezet sperimentali tal-Biedja fl-Għammieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Ministeru tiegħu waqa' daqstant lura u falla f'dik li hija riċerka fil-farms sperimentali tal-biedja fl-Għammieri u dik li hija edukazzjoni fis-setturi tal-biedja u s-sajd matul dawn l-aħħar sentejn?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont kif jien mgħarraf mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, imissu jkun konxju tal-fatt li r-riċerka fil-farms sperimentali tal-biedja fl-Għammieri ilha sejra lura, tant li twasslet f’xifer ta’ falliment fiż-żmien tal-amministrazzjoni preċedenti matul is-snin 2004 sa 2013. F’dan il-perjodu ftit li xejn saret riċerka agrikola u l-uffiċjali tekniċi, li kien hemm fl-2004 jew spiċċaw bl-età, jew ġew trasferiti f’Dipartiment/Ministeri/Aġenziji oħra jew ġew assenjati doveri oħra li ma kinux jinkludu r-riċerka. Ħafna minn dawn l-uffiċjali spiċċaw jagħmlu xogħol regolatorju u ta’ kontroll fuq il-bdiewa u r-raħħala biex jaċċertaw li r-regoli u d-direttivi tal-UE jkunu osservat rigorożament. Fil-fatt fid-Dipartiment tal-Biedja, spiċċat is-sezzjoni tal-‘ extension service’ (li kienet tagħmel ħafna xogħol ta’ taħriġ u pariri lill-produtturi), is-sezzjoni tal-vitikultura, is-sezzjoni tal-ortikultura, is-sezzjoni tat-trobbija tal-bhejjem (majjali, baqar, mogħoż, ngħaġ, naħal, fniek, tjur) u ħafna sezzjonijiet oħra. L-infrastruttura, makkinarju u tagħmir tħallew għal għonq it-triq u fi stat ta’ abbandun komplet kif jixhdu n-nuqqasijiet li sibna fis-serer, fid-‘ dairy unit’ u f’setturi oħra. Saħansitra laboratorju tal-vitikultura u enoloġija li kien sar fl-2004 permezz ta’ fondi ‘ pre-accession’ tal-UE u li kien inawgurat b’tant pompa mill-Ministru Pullicino u mill-Ministru tal-Agrikultura Taljan Giovanni Alemmanno, spiċċa żarmat u konvertit f’uffiċċji u l-makkinarju u t-tagħmir (li kien qam ‘il fuq minn €500,000) spiċċa fil-kaxex. F’din is-sitwazzjoni mwiegħra li sibna f’dawn l-aħħar sentejn, Gvern Laburista ħadem biex terġa’ tibda tingħata attenzjoni għar-riċerka f’dan is-settur. Fosthom qed jittieħdu dawn l-inizjattivi u riċerki fejn saru wkoll provi rigward: · It-tnaqqis fil-konsum tal-ilma fuq uċuħ tar-raba’ b’50% bħall-provi li saru fuq it-tadam · Proġett ta’ mudell ta’ aquaponics bħal fuq ħwawar u ħass · Kultivazzjoni ta’ varjetajiet indiġeni agrikoli bħal fuq xitel tad-dwieli u l-qoton · Tkattir ta’ varjetajiet ta’ siġar lokali bħal bajtar ta’ San Ġwann u ċ-Ċawsli · Tilqim fuq is-siġra taż-żebbuġ lokali (Bidni variety) · Konservazzjoni ta’ razez ta’ bhejjem Maltin fosthom it-tiġieġa s-sewda, il-gendus Malti, il-mogħża Maltija u l-ħamiem oħxon ta’ Malta. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, id-Dipartiment tal-Biedja fl-Għammieri jinsab għaddej b’numru ta’ korsijiet li jkopru setturi varji bħal, fuq in-nitrati, bini ta’ ħitan ta’ sejjieħ, it-trobbija tal-fniek kif ukoll fuq it-tibdil fil-klima, il-bejgħ, saħħa u sigurtà u ‘marketing’. Korsijiet u apprentistat lill-istudenti tal-MCAST, esperjenza ta’ xogħol lill-istudenti tal-Università, tagħrif lis-sajjieda fuq regolamenti tas-sajd, użu ta’ apparat elettroniku u rappurtaġġ, għarfien tas-settur fi skejjel primarji u sekondarji u kampanji edukattivi ta’ tagħrif fuq diversi speċi ta’ ħut lokali u l-benefiċċji tas-saħħa li joffru l-konsum ta’ dan il-ħut.

Prodotti agrikoli Maltin–residue level ta’ pestiċidi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru random checks mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari għall-maximum residue level tal-pestiċidi fuq ħaxix għall-ikel bħal pastard, kaboċċi u frott li qed ikun imkabbar fl-għelieqi Maltin u Għawdxin?

Response (BRINCAT, LEO)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Prodotti agrikoli — residue level ta’ kimiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul random checks għall-maximum residue level ta’ kimiċi li saru mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, instabux prodotti li kellhom livell aktar għoli ta' pestiċidi minn dak stipulat mil-liġi? X'inhi n-norma tad-Dipartiment tal-Agrikoltura f'każijiet li l-prodotti jkollhom residwi ta' kimika aktar għolja mil-livel rakkomandat mill-WHO?

Response (BRINCAT, LEO)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ċentru tal-Micropropagation

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'użu qed isir illum miċ-Ċentru tal-Micropropagation f'tal-Kmand? X'tip ta' investiment sar f'dan iċ-ċentru matul l-aħħar sentejn? Jista' jagħti tagħrif jekk dan iċ-ċentru għadx għandu xi programm ta' kollaborazzjoni ma' xi ċentri oħra ta' studju dwar l-agrikoltura?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti qed iħejji pjan ta’ konservazzjoni ta’ pjanti agrikoli li għandhom importanza ekonomika jew kulturali għall-ħames snin li ġejjin. Qed issir ukoll estensjoni tal-laboratorji dijanjostiċi u kostruzzjoni ta' laboratorju ddedikat għall-kwalità taż-żerriegħa u t-tkomplija tal-għażla klonali u sanitarja tal-varjetajiet ta’ ċitru lokali. Dan il-proġett qed isir b’kollaborazzjoni man-Nature Trust u ffinanzjat mill-Programm għall-Iżvilupp Reġjonali għal Malta 2007 – 2013. B’risposta għall-mistoqsija rigward programm ta’ kollaborazzjoni ma' xi ċentri oħra ta' studju dwar l-agrikoltura, bħalissa m’hemm l-ebda programm ta’ dan it-tip. Id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti għandu kuntatti ma’ uffiċċjali minn ġewwa l-Istituto Agronomico Mediterraneo di Bari fi ħdan iċ-CIHEAM (Centre International de Hautes Etudes Agronomiques Méditerranéennes).