Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-proċedura li tintuża f’każijiet ta’ persuni li jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom u li jkunu jenħtieġu kenn b’mod immedjat sakemm jinstabilhom post alternattiv fejn joqogħdu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 23040.
Pulizija ta’ Malta – postijiet ta’ kenn għal persuni li jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ikolliex talbiet mill-Pulizija ta’ Malta għall-postijiet ta’ kenn għal dawk il-persuni li jmorru f’xi għassa tal-Pulizija jiddikjaraw li spiċċaw bla saqaf fuq rashom? Jista’ jgħid x’jiġri f’dawn iċ-ċirkostanza?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Appoġġ diversi drabi tirċievi rapporti ta’ persuni mingħajr saqaf fuq rashom mill-Pulizija ta’ Malta. Il-ħaddiema soċjali fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ jaħdmu mal-individwu kkonċernat fejn jidentifikaw ir-raġuni għalfejn persuna spiċċat bla saqaf fuq rasha u wkoll jekk il-persuna għandhiex sors ta’ dħul finanzarju, fejn, jekk ikun il-każ, tingħata iktar informazzjoni dwar diversi hostels madwar Malta fejn dik il-persuna tkun tista’ tmur tgħix. L-Aġenzija Appoġġ tibqa’ ssegwi lil din il-persuna, jekk taċċetta l-għajnuna.
Għal dawk li ma għandhomx il-mezzi finanzjarji u li l-Ħaddiema Soċjali jikkonkludu li huma każijiet ġenwini, isiru arranġamenti temporanji ma’ diversi entitajiet li l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, għandha kuntratt ta’
Public Social Partneship
magħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li sal-lum qed jagħmlu użu min-night shelters fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani li jista’ jospita f’daqqa dan in-night shelter?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-night shelter ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul għandu kapaċita' ta' 8 sodod, li bħalissa huma kollha okkupati.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il lift installat l-Awtorità tad-Djar fi blokkijiet ta’ appartamenti u/jew entraturi residenzjali tal-Gvern fis-sena 2015? Jista’ jgħid fejn jinsabu dawn il-blokok u/jew entraturi li fihom saru dawn il-lifts?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba dwar installazzjoni ta’ lifts mill-Awtorità tad-Djar fis-sena 2015 huwa kif ġej:
Lifts
installati fl-2015 skont il-Lokalità
Numru ta’
Lifts
L-Isla
1
L-Imtarfa
6
Pembroke
4
Birkirkara
1
San Ġwann
2
Is-Siġġiewi
1
L-Imġarr
3
In-Naxxar
1
Xogħlijiet fuq lifts mibdija fl-2015 u qed jitkomplew fl-2016
Ta’ Xbiex
3
In-Naxxar
1
Tenders ta’ lifts li nħarġu darbtejn fl-2015 imma ma ngħatawx
San Ġwann
1
L-Isla
1
Il-Belt – Triq San Ġużepp – stallazzjonijiet ta’ lifts
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġu stallati lifts fil-blokok ta’ appartamenti fi Triq San Ġużepp, Valletta? Jista’ jgħid jekk sarux l-ispezzjonijiet neċessarji f’kull blokka u ġiex stabbilit f’liema blokka jistgħu jsiru dawn il-lifts? Jista’ jgħid meta se jibdew jiġu stallati dawn il-lifts?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-każ imsemmi qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.
Fondi għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn – persuni li ma jirċievux benefiċċji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuna waħedha, li ma jkollha l-ebda dħul u li ma tirċievi ebda benefiċċju, hijiex intitolata għall-għajnuna mill-Fond għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD)?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont il-kriterji stabbiliti, bi qbil mal-Kummissjoni Ewropea, dawk eliġibbli f’Malta u Għawdex li jirċievu l-ikel taħt il-Programm FEAD, huma dawk li jidhru hawn taħt:
I. Familji li jirċievu benefiċċji mhux kontributorji u
means tested
u li għandhom 2 itfal jew iktar taħt l-età ta’ sittax-il (16) sena;
II. Familji li għandom żewġt itfal jew iktar taħt l-età ta’ sittax-il (16) sena u li għandhom dħul ta’ inqas minn 80% tal-Paga Minima Nazzjonali;
III. Familji li għandhom żewġt itfal jew iktar taħt l-età ta’ sittax-il (16) sena u li għandhom dħul li ma jaqbiżx il-Paga Minima Nazzjonali;
IV. Familji (mhux
single
) fejn id-dħul ġej prinċipalment mill-Pensjoni tal-Età mhux kontributorja.
Taħt dan il-programm qed jingħataw żewġ pakketti ta’ ikel, wieħed (Pakkett A) li hu akbar mill-ieħor (Pakkett B). Dawk kollha li jaqgħu f’xi waħda mill-kategoriji imsemmija fuq se jkunu qed jingħataw Pakkett A. Iżda dawk il-familji li jaqgħu taħt kategorija II, minħabba li d-dħul finanzjajru huwa inqas minn 80% tal-Paga Minima Nazzjonali, jikkwalifikaw kemm għal Pakkett A kif ukoll għal Pakkett B.
Anke dawk li jaqgħu taħt waħda mill-erba’ kategoriji msemmija bħala dħul, u li għandhom tliet itfal jew aktar ta’ taħt is-16 il-sena, qegħdin jingħataw huma ukoll, iż-żewġ pakketti; jiġifieri kemm Pakkett A kif ukoll Pakkett B.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li persuna waħedha li hi kap ta’ familja u li m’għandiex dħul u m’għandiex kapital li jeċċedi €14,000 tista tikkwalifika għall-għajnuna soċjali jew pensjoni tal-età, skont kemm għandha żmien.
Sadanittant fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed titħabbar għajnuna oħra mill-fond konsolidat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li ħaddiema li ilhom jaħdmu ma’ aġenziji li jaqgħu taħt il-Ministeru responsabbli minnu, inqabżu minn oħrajn biex intbagħtu jaħdmu f’Għawdex?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindika għal-liema aġenziji qed jirreferi.
Ir-Rabat Għawdex – Taċ-Ċawla – residenza għal persuni b’diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif intgħażlet id-dar li nxtrat f’Taċ-Ċawla fir-Rabat Għawdex biex tintuża bħala residenza għal persuni b’diżabilità? Saret sejħa għall-offerti biex ntgħażlet din id-dar jew inxtrat b’direct order?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, id-dar li nxtrat f'Taċ-Ċawla ntgħażlet wara li ġiet maħruġa espressjoni ta' interess.
Ir-Rabat Għawdex – Taċ-Ċawla – residenza għal persuni b’diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-prezz li bih inxtrat id-dar f’Taċ-Ċawla fir-Rabat Għawdex għal persuni b’diżabilità u kemm hu mistenni jonfoq b’kollox il-Gvern biex din tkun tiffunzjona?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-proprjetà li tikkonsisti f'binja mdaqqsa, inxtrat għall-ammont ta' €540,000; liema prezz jinkludi wkoll xogħlijiet ta' finishing, installar ta' lift, kif ukoll installar ta’ sistema tal-arja kkundizzjonata, u l-kmamar tal-banju.
Ir-Rabat Għawdex – Taċ-Ċawla – residenza għal persuni b’diżabilità – kuntratt ta’ akkwist
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta’ akkwist ta’ din il-proprjetà f’Taċ-Ċawla li nxtrat għal persuni b’diżabilità? Jista’ jgħid kemm-il sulari fiha din il-binja u jekk għandhiex il-faċilità ta’ lift?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-binja għandha erba’ sulari u hija mgħammra b’lift li huwa aċċessibbli minn u għal kull sular. Kopja tal-Kuntratt qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Residenza għal persuni b’diżabilità f’Għawdex — riċerka
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kenitx inkarigata persuna mill-Gvern biex tagħmel ir-riċerka neċessarja biex setgħet tinstab l-aħjar residenza possibbli għal persuni b’diżabilità f’Għawdex? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull rapport li seta’ sar minn din il-persuna relatata mal-għażla ta’ din id-dar?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-għażla tad-dar saret fuq bażi ta' espressjoni ta’ interess, u saret l-evalwazzjoni neċessarja, skont il-proċeduri applikabbli.
Jista’ l-Ministru jgħid l-Aġenzija Sapport kemm fadlilha vannijiet tat-trasport li jaħdmu u jintużaw? Jista’ jgħid meta se jinxtraw vannijiet ġodda u kemm hemm ħsieb li jinxtraw għal dan l-iskop?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, preżentament, l-Aġenzija Sapport għandha żewġ vannijiet, fejn wieħed minnhom huwa mikri minn entità mhux governattiva (NGO). Dawn iż-żewġ vetturi huma on stand by.
Minbarra hekk, hemm 45 mini-van mikrija b’sistema ta’ leasing, li jwasslu lill-klijenti minn u lejn id-dar, kif ukoll 13-il tail lift wkoll mikrija bis-sistema tal-leasing.
Il-kuntratti għal dan il-leasing mat-TDP Co-op saru f’Mejju 2012, fuq direzzjoni tal-Ministeru ta’ dak iż-żmien. Fl-2014 dan is-servizz sewa € 902,494 u fl-2015 sewa € 989,066.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fid-djar residenzjali tal-anzjani, kemm dawk privati, kif ukoll dawk li għandhom ftehim mal-Gvern għal provvedimenti ta’ servizz ta’ kura lill-anzjani, matul is-sena li għaddiet? Kemm kien hemm spezzjonijiet, dar dar matul l-istess perjodu? Kemm kien hemm każijiet li fihom irriżultali kien hemm nuqqasijiet fil-kwalità tas-servizz li kien qed jingħata? X’passi ttieħdu dwar dawn in-nuqqasijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità, għandu mekkaniżmu ta’ spezzjonar; liema spezzjonijiet isiru b’mod frekwenti u mingħajr pre-avviż. Fil-preżent, it-tim ta’ awditjar, għandu l-awtorità li jispezzjona Djar tal-Anzjani tal-Gvern u dawk id-Djar tal-Anzjani Privati li magħhom il-Gvern għandu Public Private Partnership. Matul l-2015 b’kollox saru 75 spezzjoni f’20 Dar tal-Anzjani differenti li fihom ġew innutati total ta’ 76 nuqqas li ġew indirizzati skont il-ħtieġa.
Aġenzija Appoġġ u tal-Aġenzija Sedqa – tender għall-organizzazzjoni tal-avvenimenti
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm tender għal dak li jirrigwardja l-organizzazzjoni tal-avveniment/i li ġie organizzat biex jiġu mfakkra l-220 anniversarju tal-Aġenzija Appoġġ u tal-Aġenzija Sedqa? Jekk le, kif ġie ordnat ix-xogħol li sar, u jista’ jagħti tagħrif dwar jekk ġewx osservati l-proċeduri formali li normalment jintużaw fiċ-ċivil? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-Awditur Ġenerali ġibidx l-attenzjoni ta' xi rregolaritajiet f'dan ir-rigward, fir-rapport tiegħu tal-2014?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-220 anniversarju tal-Aġenzija Appoġġ jiġi ċċelebrat fis-sena 2214.
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal paġna 172 Rapport tal-Awditur Ġenerali Public Accounts 2014 dwar din il-materja, liema Rapport jgħid hekk: “Approval for a Direct Order was obtained in a timely manner, however it was only granted ‘in principle’ and FSWS had to revert to the Ministry for Finance (MFIN) for a definite approval prior to any commitments being made, once the service providers and actual costs for the provision of catering services were known.”
Sadanittant ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz imsemmi ġie prokurat skont il-proċeduri stabbiliti u mhux permezz ta’ xi sejba kumbinazzjoni minn xi paġni sofor. Fil-fatt, id-Direct Orders Office tal-Ministeru tal-Finanzi ġie preżentat b’diversi kwotazzjonijiet li nġabru biex tkun preżentata stima totali għal kemm setgħet titla’ l-ispiża għal din l-attività. Eventwalment is-service providers li ntagħżlu għal din l-attività taw s-serizz tagħhom bi prezz irħas minn dak li kien ikkwotat meta ngħatat l-approvazzjoni in principle.
Jista’ l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li ilu ammont ta’ żmien jistenna sabiex jidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paul u jinsab għaddej minn tbatija kbira minħabba mard?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-każ imsemmi minnu, qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.
Residenza San Vinċenz de Paul – applikazzjoni ta’ persuna
Question
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li hija bedridden u ilha żmien twil li applikat biex tidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paul?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ imsemmi minnu qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.
Residenza San Vinċenz de Paul — trasferiment ta' persuna
Question
Jista' l-Ministru jara li tiġi kkuntattjata l-persuna lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament sabiex jiggwidawha x'inhi l-proċedura sabiex qarib tagħha li jinsab Zammit Clapp home jiġi trasferit f'xi dar oħra bħal Residenza San Vinċenz de Paul?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Ono. Interpellant li l-każ imsemmi ngħata l-attenzjoni meħtieġa.
Jista’ l-Ministru jara li tiġi kkuntattjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li hija marida u ilha snin twal tistenna sabiex tidħol f’Dar tal-Anzjani?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ imsemmi minnu qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.