Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #15764 Sitting 288 2000-05-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment tad-Drenaġġ — Rabat - Malta

Question

Jista' l-Ministru jinfurmana fiex wasal il-pjan tad-dipartiment tad-drenaġġ sabiex isir ir-relief valve tad-drenaġġ fir-Rabat, Malta? Jista' jara li dan ix-xogħol isir bla aktar dewmien ħalli s-sistema tad-drenaġġ fir-Rabat tkun aħjar u jkunu evitati l-konsegwenzi ta' l-overflow tad-drenaġġ f'dan il-lokal?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ir-'relief valve' li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant huwa fil-fatt 'relief main'. Dan il-proġett jirreferi għat-tielet u l-aħħar fażi ta' skema li tikkonsisti fi tqegħid ta' mejnijiet minn Ħ'Attard sar-Rabat kif aċċenat għalih fil-Mistoqsija Parlamentari numru 15623. Ix-xogħol fuq dan il-proġett huwa ppjanat jitlesta bejn is-sena 2001 u 2002.
Leg 9 PQ #15908 Sitting 288 2000-05-08 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Ta' Qali — Park nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn min saru jew mingħand min inxtraw l-imwejjed ta' l-injam li tpoġġew fil-park nazzjonali f'Ta' Qali? Kemm ġew jiswew dawn l-imwejjed?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-imwejjed ta' l-injam (Picnic Tables) li tpoġġew fil-Park Nazzjonali f'Ta' Qali saru mill-ħaddiema tal-Gvern fis-Sezzjoni tal-Countryside and Country Parks fil-Ministeru ta' l-Ambjent. Il-materjal għal kull mejda ġie jiswa Lm63.40.
Leg 9 PQ #15909 Sitting 288 2000-05-08 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Żebbuġ — Kalkara tal-ġir

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu ppjanat li jsir minn dik il-proprjeta' li qabel kienet isservi ta' kalkara tal-ġir, f'Ħaż-Żebbuġ imma li issa ilha magħluqa għal diversi snin?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi huwa l-ħsieb tas-Supporting Services Section tad-Dipartiment tal-Kostruzzjoni, li l-bini li qabel kien iservi ta' kalkara tal-ġir f'Ħaż-Żebbuġ jibqa' jintuża bħala 'store' għal materjal u għodda oħra ta' l-istess sezzjoni.
Leg 9 PQ #14202 Sitting 287 2000-05-03 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Ministeru għall-Ambjent — Safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'safar bejn l-1987 u l-1996 mill-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Bħal ma kelli l-okkażjoni nirrispondi f'dan it-tip ta' mistoqsijiet, sakemm ma tingħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #15716 Sitting 287 2000-05-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Mellieħa — Qammieħ Road - Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex ix-xogħlijiet li kellhom isiru fl-inħawi ta' Qammieħ Road, Għadira, Mellieħa, ħalli ma jibqax isir il-fawran tad-drenaġġ fl-inħawi li ilu jiżbroffa għal dawn l-aħħar sitt xhur, isir mill-aktar fis possibbli? Jista' jinformana fil-fatt x'inhuma x-xogħlijiet li jridu jsiru, u kemm se jiswew lid-dipartiment?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li qegħdin isiru ġol-Qammieħ, Għadira, Mellieħa jikkonsisti fi proġett ta' xogħlijiet akbar minn dak li qal l-Interpellant. Fil-fatt, saru xi xogħlijiet ta' manutenzjoni u tindif fuq dan it-'trunk main' prinċipali li parti minnu huwa mini. Waqt dawn ix-xogħlijiet instab li hemm bżonn jitkabbru xi pajpijiet u għaldaqstant qegħdin jittieħdu l-passi neċessarji.
Leg 9 PQ #15771 Sitting 287 2000-05-03 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment tax-Xogħlijiet — Applikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex saret applikazzjoni PA 1088/00 mid-dipartiment tax-xogħlijiet pubbliċi lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA 1088/00 saret biex jinbena kiosk ġdid flok dak li jeżisti f'Fond Għadir, bħala parti mill-proġett ta' upgrading fil-promenade f'Tas-Sliema.
Leg 9 PQ #15793 Sitting 287 2000-05-03 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment tax-Xogħlijiet — Ħaddiem

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jikkonferma meta tħallsu l-ammont ta' Lm600 għal 1000 siegħa overtime li ħadem il-persuna li ismu qed jintbagħat separatament u li jaħdem fid-Dipartiment tax-Xogħlijiet, għal perjodu bejn l-1987 u Ottubru tas-sena 1989 kif indikat fir-rapport li għamel l-Ombudsman Case No. 302, meta fil-fatt jien informat li dawn sal-lum għadhom ma tħallsux lill-persuna indikata? Jista' allura l-Ministru jara li dan il-ħlas iseħħ malajr biex ma tibqax tiġi mġedda din l-inġustizzja? Il-Ministru ma jarax li każijiet bħal dawn meta għandek rakkmandazzjonijiet mill-Ombudsman, l-gvern għandu jara li japplika dawk ir-rakkmandazzjonijiet minnufih?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li t-Taqsima tax-Xogħlijiet s'issa m'għandhix approvazzjoni mill-Ministeru tal-Finanzi sabiex tħallas dawn is-Lm600. lill-persuna konċernata. Peress li l-Ombudsman informa lill-persuna konċernata li l-Ministeru tal-Finanzi kienu approvaw dan il-ħlas, id-Dipartiment tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni talab lill-Ministeru tal-Finanzi għal kjarifika. Ta' min jgħid li l-Ministeru tal-Finanzi kien approva l-ħlas ta' Lm1346.634 għal xi overtime li kien sar fl-1989 u fl-1991 u dan tħallas fl-aħħar ta' l-1995.
Leg 9 PQ #15452 Sitting 286 2000-05-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Baħrija — Sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li d-djar tal-Baħrija se jitqabbdu mas-sistema nazzjonali tad-drenaġġ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li t-tqabbid tal-villaġġ tal-Baħrija mas-sistema nazzjonali jifforma parti mill-iskop tal-Master Plan tad-Drenaġġ iżda mhuwiex ikkunsidrat bħala prijorita' f'dan l-istess plan. Minkejja dan, id-Dipartiment tad-Drenaġġ diġa' kien ħejja xi studji preliminari bl-intenzjoni li nistħarġu proposti varji f'dan ir-rigward. Madankollu mhuwiex mistenni jinbeda xi xogħol qabel is-sena 2005.
Leg 9 PQ #15474 Sitting 286 2000-05-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Ambjent

St. James Cavalier Project

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk intnefqux aktar flus fuq is-Saint James Cavalier Project, mill-bidu tas-sena 2000 sal-lum? Jekk iva, kemm u fuq xiex saret din l-ispiża? Kemm hemm maħsub li se jintnefqu fil-futur u għal-liema xogħlijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-bidu tas-sena 2000 sa llum intnefqu Lm439,000. għal xogħlijiet li saru matul l-1999 u Lm72,639. għal xogħlijiet li saru wara din id-data. Fil-futur huwa maħsub li jintnefqu Lm683,700. kemm għal xogħlijiet li saru qabel l-aħħar tas-sena 1999, iżda li għadhom ma tħallsux, u għal xogħlijiet li saru matul din is-sena. Minbarra dan, iridu jintnefqu wkoll Lm166,000. fi ħlas ta' 'retention money' lill-kuntratturi wara li jgħaddi ż-żmien stipulat fil-kuntratt tagħhom. L-ispejjeż imsemmija jkopru ħlas lill-kuntratturi, xiri ta' materjal u pagi u overtime tal-ħaddiema tal-Gvern.
Leg 9 PQ #15625 Sitting 286 2000-05-03 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Sta. Margerita - Car park

Question

B'riferenza għal bini ta' car park fl-inħawi ta' Sta. Margerita, Bormla bħala xi tip ta' soluzzjoni għal problemi tal-parking li se joħloq il-proġett tal-Cottonera, jista' l-Ministru jgħid kemm hu propost li jesa' karozzi dan il-car park u x'inhu l-valur tax-xogħlijiet biex jinbena?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-car park imsemmi huwa propost li jesgħa madwar 350 karozza. Bħalissa t-Taqsima tax-Xogħlijiet qiegħda tiffinalizza l-proposti tagħha. Huwa mistenni illi fil-ġejjieni viċin tiġi sottomessa applikazzjoni ta' l-iżvilupp lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. F'dan l-istadju mhux possibbli li wieħed jagħti valur għax għadhom ma ġewx konklużi t-taħdidiet mal-partijiet konċernati.
Leg 9 PQ #15765 Sitting 286 2000-05-03 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Buġibba — Retaining wall

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li d-disinn strutturali tar-retaining wall fejn il-Gillieru, Buġibba, qiegħed isir minn konsulent privat? Jekk fl-affermattiv min hu l-konsulent, kif ġie magħżul u x'se jitħallas għas-servizz li jagħti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li d-disinn strutturali tar-retaining wall fejn il-Gillieru sar minn Perit fl-Istructural Unit tat-Taqsima tax-Xogħlijiet.
Leg 9 PQ #15768 Sitting 286 2000-05-03 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Toroq — Tindif

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li t-tindif tat-toroq arterjali qiegħed isir minn kuntrattur? Jekk fl-affermattiv, kif intgħażlu l-kuntratturi? X'qegħdin jitħallsu l-kuntratturi magħżula għal dan is-servizz?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li t-toroq arterjali li qed jitnaddfu mill-kuntratturi huma kif jidher hawn taħt: Kuntratt numru 1 ingħata lill-General Cleaners u jkopri dawn it-toroq: Triq iċ-Ċirkewwa, Ċirkewwa, Triq il-Marfa, Marfa, Triq ta' l-Għadira, Mellieħa, Mellieħa By-Pass, Triq Louis Wettinger, it-Telgħa ta' Selmun, it-Telgħa tax-Xemxija, Xatt il-Pwales, St. Paul's Bay By-Pass u Triq Burmarrad sa Tarġa Gap, Mosta, tul ta' 18.8 km. Ix-xogħol jikkonsisti f'tindif bil-Mechanical Sweeper u qtugħ ta' ħaxix mit-triq, bi frekwenza ta' darba fil-ġimgħa għall-prezz ta' Lm213.90 fil-ġimgħa. Kuntratt numru 2 ingħata lill-Floorcare Services Ltd. li jkopri dawn it-toroq: Minn Tarġa Gap, Triq tal-Ġiżwiti, Mosta, Triq Buqana, Mosta, Triq il-Mosta, Rabat, Triq il-Kbira, Dingli, Mtarfa By-Pass, Rabat, mir-Roundabout tal-Qliegħa sal-Knisja ta' l-Imġarr u Triq bejn iċ-ċimiterju ta' l-Ingliżi u r-roundabout tat-triq tar-Rabat (Ta' Srina), tul ta' 14.5 km. Ix-xogħol jikkonsisti f'tindif bil-Mechanical Sweeper u qtugħ ta' ħaxix mit-triq, bi frekwenza ta' darba fil-ġimgħa għall-prezz ta' Lm220.00 fil-ġimgħa. Dawn il-kuntratti ngħataw bi proċeduri normali wara sejħa għall-offerti. Il-kumplament tat-toroq arterjali qed jitnaddfu bil-ħaddiema tal-Gvern.
Leg 9 PQ #15619 Sitting 285 2000-05-02 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Ta' Qali — Park Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ħin tax-xogħol tal-wardens fil-park nazzjonali f'Ta' Qali?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-ħin tax-xogħol tal-wardens fil-Park Nazzjonali f'Ta' Qali huma: Day Shift 0700 - 1900 hrs. Night Shift 1900 - 0700 hrs. Dawn jaħdmu fuq sistema ta' Day - Night - Rest - Off.
Leg 9 PQ #15622 Sitting 285 2000-05-02 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

PWD — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba huma obbligati li jiffirmaw il-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, matul il-ġurnata, kemm dawk industrijali kif ukoll dawk klerikali?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-ħaddiema kollha fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet, jiġifieri kemm dawk industrijali, klerikali u anke tekniċi jiffirmaw darbtejn kuljum, darba fil-għodu u ċioe' fil-ħin tad-dħul u darba qabel il-ħin tal-ħruġ.
Leg 9 PQ #15623 Sitting 285 2000-05-02 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Drenaġġ — Relief main

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal ix-xogħol ta' relief main għas-sistema ta' drenaġġ li jkun ġej mir-Rabat u li jgħaddi minn Ħ'Attard?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-ewwel fażi tal-proġett li tinvolvi xogħlijiet f'Ħ'Attard u Ħal Qormi mistennija titlesta sa nofs Lulju li ġej. Il-kuntratt għat-tieni fażi, li jinkludi t-tqegħid ta' 'mains' fl-inħawi ta' Ħ'Attard u r-Rabat, ingħata, u x-xogħol kollu ppjanat li jitlesta għall-aħħar ta' din is-sena. Għat-tielet fażi li tikkonsisti f'xogħlijiet estensivi ġewwa r-Rabat, tlesta d-disinn preliminari u x-xogħol huwa ppjanat li jitlesta bejn is-sena 2001 u 2002.
Leg 9 PQ #15624 Sitting 285 2000-05-02 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Drenaġġ — Żbroff

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 15536?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta' żbroffi fl-aħħar tnax-il-xahar (Marzu 1999 sa Marzu 2000) kien ta' 1,650.
Leg 9 PQ #15637 Sitting 285 2000-05-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Cottonera Rehabilitation Project — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' xogħlijiet u fejn se jsiru sal-aħħar ta' din is-sena mill-Cottonera Rehabilitation Project?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-proġetti prinċipali li qed isiru mill-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera (u dan ma jinkludix xogħlijiet oħra li qed isiru minn dipartimenti oħrajn) għal matul din is-sena huma: F'Bormla jitkompla l-ewwel fażi tal-proġett ta' Santa Margerita, restawr fuq is-sur ta' Santa Margerita, restawr fuq iz-zuntier tal-parroċċa ta' Bormla, restawr fuq is-sur ta' Santa Liena u bidu ta' restawr tal-Bieb ta' Santa Liena, restawr fuq faċċata tal-Knisja ta' San Pawl, bankina ġdida fi Triq Alexandra u restawr ta' qawwi fi Triq id-Dejqa. Fil-Birgu jitkompla xogħol fil-belvedere ta' Couvre Porte, parti mix-xogħol ta' Triq Boffa, restawr ta' qawwi fi Triq il-Majjistral, Triq il-Kunsill Popolari u Triq Wenzu Dyer, restawr fuq faċċata tal-Vittoriosa Stars, restawr fuq is-swar, restawr ta' paviment tal-qawwi ħdejn il-parroċċa, restawr fl-Auberge de France, restawr fiċ-ċimiterju tal-Birgu, kif ukoll jitpoġġew bollards u 'street furniture' ieħor. Fl-Isla sar titjib fil-ġnien tal-Gardjola, se tiġi restawrata l-Istatwa ta' San Mikiel u jibdew xogħol fuq żewġ pavimenti hekk kif jiġu l-permessi mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Fil-Kalkara qed jitkompla xogħol fil-bajja ta' Rinella, saru xogħol ta' ħitan f'żewġ inħawi u kif jingħata l-permess mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar jibda xogħol ta' restawr tal-kappella tas-Salvatur. Il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera wettaq ukoll ħafna xogħlijiet żgħar oħrajn fl-erba' lokalitajiet u qed jagħmel minn kollox biex fil-limitazzjonijiet li għandu jilqa' s-suġġerimenti tal-Kunsilli Lokali. Il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera rrestawra wkoll il-post tiegħu stess fil-Fortini u għen finanzjarjament f'ħafna attivita' kulturali.
Leg 9 PQ #15697 Sitting 285 2000-05-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Ambjent

Tarxien — Triq il-Pellikani - Arblu tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li jitwaħħal arblu tad-dawl fi Triq il-Pellikani, Tarxien (fil-parti tat-triq segregata mill-kumplament ta' Triq il-Pellikani) peress illi din tinsab mdallma ħafna għad-detriment tar-residenti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #15698 Sitting 285 2000-05-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Ambjent

Tarxien — Triq il-Pellikani - Għalqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'hemm ippjanat li jsir bl-għalqa li tinsab faċċata tad-djar fi Triq il-Pellikani, Tarxien (il-parti maqtugħa mill-kumplament tat-triq) u li hija mifnija minn ħmieġ u ġrieden? Tista' titnaddaf u jittellgħu ħajt madwarha skond il-liġi? Veru li din hija green area?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Minn investigazzjoni li għamel id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent jirriżulta li l-lokalita' hi waħda fejn qed isir ħafna bini. Fil-lokalita' jeżistu pockets li għadhom ma ġewx żviluppati u li fihom qed jintefa' skart tal-bini mill-attivitajiet tal-viċin. Skond il-'Provisional Development Plan', l-area msemmija mill-Onorevoli Interpellant hi ndikata għall-bini ta' 'terraced houses'. Billi l-area tappartjeni lil sit privat, ġie nfurmat il-Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien biex jieħu l-miżuri għat-tindif tal-post skond il-liġi.
Leg 9 PQ #15702 Sitting 285 2000-05-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Ambjent

Tarxien — Trab iswed

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm u xi progress sar fil-kwestjoni tat-trab iswed li qed jifni diversi rħula fin-nofsinhar ta' Malta, fosthom Ħal Tarxien? Peress li fil-fehma tiegħi l-gvern qiegħed jittratta din kwestjoni b'mod leġġer, jista' jara li s-sitwazzjoni tiġi rimedjata mill-aktar fis?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15502 (Seduta 280).