B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16513, jista' il-Ministru jgħid x'diffikultajiet għad fadal jiġu riżiolti u meta se jiġu riżolti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16513. Ta’ min iżid igħid li minn l-aħħar mistoqsija ‘l hawn saru dawn l-affarijiet:
1. Survey intern ta' propjetà numru 29
2. Survey estern ta' propjetà numru 31. Survey intern ma setax isir, għax f'din il-propjetà ma joqgħod ħadd. Għad li saru diversi tentattivi biex jiġi stabbilit is-sid ta’ din il-propjetà, dan baqa’ ma ġiex stabbilit.
Minn dawn is-surveys qed jiġi indikat il-valur kulturali ta' dawn il-propjetajiet sabiex tiġi ssalvagwardjata il-parti ta' l-ogħla valur kulturali.
Jista' il-Ministru jinformana għaliex għadu ma ġiex riabilitat u restawrat ir-razzett tal-Bagħal fil-ġonna tal-Buskett?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li r-restawr tar-razzett li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant hija waħda mill-affarijiet li qed jiġi diskuss mill-Kumitat Konsultattiv Dwar il-Buskett. Dan il-Kumitat, magħmul minn membri ta’ diversi Organizzazzjonijiet mhux Governattivi (Non-Governmental Organisations – NGOs) u mill-Gvern, qed jiddiskuti ħafna interventi varji fuq il-Ġonna tal-Buskett.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi matul is-sena 2005 mill-ministeru u d-dipartiment li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu? Ta' liema tip kienu u kemm swiet kull waħda minnhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2005 ma nxtrat l-ebda karozza mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent.
L-Awtorità ta' Malta Dwar l-Ambjent u l-Ippjanar xtrat karozza waħda matul is-sena 2005. Din il-karozza hija tal-marka Alfa Romeo, il-mudell 156 u swiet Lm11,000.
Il-kumpanija WasteServ Malta Co Limited ma xtrat l-ebda karozza fis-sena 2005, iżda xtrat erba’ pick-up vans second-hand li huma .
Toyota Double Cabin Hilus (WSM 003) - Lm 7,500 inkluż VAT
Toyota Toyace (WSM 004) - Lm 5,500 inkluż VAT
Toyota Single Cabin (WSM 005) - Lm 5,500 inkluż VAT
Toyota Dyna (WSM 006) - Lm 5,700 inkluż VAT
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16379 u jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul is-sena 2005? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16478, jista' il-Ministru jerġa' jikkonsidra r-risposta li ta fid-dawl li l-applikazzjoni konċernata tista' taffettwa l-interess pubbliku tar-residenti li huma mbeżża ħafna mit-tali żvilupp?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li filwaqt li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) hi konxja mis-sitwazzjoni tar-residenti, ladarba saret applikazzjoni għall-iżvilupp, din trid tiġi pproċessata fit-terminu tal-liġi. L-applikazzjoni għadha mhix deċiża. Ir-residenti għandhom kull dritt jissottomettu l-veduti tagħhom, kif hemm min diġa` għamel, u dawn jiġu kkunsidrati. Jistgħu ukoll jattendu l-laqgħa pubblika tal-Kummissjoni ta' l-Iżvilupp meta jkun ser jiġi deċiż il-każ. Jekk l-applikazzjoni tiġi approvata, kwalunkwe permess jinħareġ lill-applikant 'saving third party rights'.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi se tieħu l-MEPA biex it-tinda ppjanata għal Ta' Qali ma taffettwax ħażin ħafna d-dwieli fl-inħawi u l-ispazju liberu għat-tgawdija mill-familji?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab informat li bħalissa l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tinsab fil-proċess li jiġi rivedut il-Pjan t'Azzjoni għal Ta' Qali f'dan ir-rigward. Għal dan il-għan l- Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħarġet avviż pubbliku għal sottomissjonijiet. Is-sit ta’ tinda temporanja se jkun indirizzat f’dak l-abbozz ta’ pjan rivedut li għad irid joħroġ għall-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.
Nifhem li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) se tipproponi sit a bażi tal-konsiderazzjonijiet imsemmija mill-Onor. Interpellant u konsiderazzjoni oħra fil-qafas tal-Pjan sħiħ.
Jista' il-Ministru jagħti lista tal-kuntratturi kollha li tul l-2005 għamlu xi xogħol fuq l-immaniġġjar ta' l-iskart fil-Magħtab? Jista' jgħid kemm tħallsu u x'kien ix-xogħol li għamlu u li tħallsu għalih u b'liema rati kuljum tħallsu l-inġenji wżati għax-xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun iktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.
MEPA — Permess għal santwarju tal-klieb f'Pembroke
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA qattx irċeviet xi talbiet jew ħarġet xi permess għal xi forma ta' animal jew dog sanctuary jew kennel fl-inħawi ta' Pembroke? Jekk iva, jista' jagħti d-dettalji relattivi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Minn l-informazzjoni li għandha l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma jidhirx li hemm permess jew applikazzjoni għall- użu msemmi. Fil-fatt, wara li saru l-investigazzjonijiet meħtieġa, inħareġ avviż ta' Twettiq (Enforcement Notice) bin-numru ECF115/06 kontra l-okkupant.
Jista' il-Ministru jgħid jekk it-tankijiet u skart mormi mat-triq u l-inħawi rurali li jagħtu għal Landrijiet, limiti tar-Rabat, jistgħux jiġu mnaddfa għax qed joħolqu inkonvenjent għan-nies ta' l-inħawi u t-turisti li jżuru dan il-post?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li t-tankijiet u skart ieħor tal-ħadid li qed jinġabar minn l-inħawi tal-Landrijiet l/o Rabat qed jitpoġġew ġo post temporanju fl-istess inħawi għal perjodu ta' mhux aktar minn jumejn. Wara jittieħdu kollha ġo scrapyard apposta.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16983, ninforma lill-Ministru li l-bord li qed nirriferi għalih huwa bord ġdid ta' l-appell li jrid jisma' każi li ġew riġudikati mill-qorti, li minnhom jidher li hemm numru żgħir, u li jisma' il-każi li ma jistgħux jinstemgħu mill-bord ta' l-appelli minħabba li l-membri eżistenti diġa' esprimew l-opinjoni tagħhom dwar il-każi. Jista' il-Ministru jgħid kemm dawn il-każi se jdumu jistennew biex jinstemgħu quddiem dan il-bord li jrid jinħatar apposta mill-Ministru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isiru l-arranġamenti biex jitwaqqaf Bord ta’ l-Appell ad hoc biex ikun jista’ jisma’ ħames każijiet.
Jista' il-Ministru jgħid hijiex ħaġa normali li każi bħal proġett ta' l-impjant ta' Sant'Antnin se jkollhom jinstemgħu quddiem bord ta' l-appell kompost? Kemm-il bord kompost bħal dawn semgħu każi fil-MEPA sena b'sena f'dawn l-aħħar ħames snin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Skond l-Artikolu 14(1) ta’ l-Att dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp, il-Bord ta’ l-Appell dwar l-Ippjanar huwa kompost minn Avukat li jippresedi l-Bord, persuna esperta fl-ippjanar u persuna oħra. Il-Bord jista’ jkollu fergħat u bħalissa jeżistu żewġ fergħat tal-Bord.
L-istess Artikolu tal-liġi jipprovdi li meta ċ-Chairman, jew membri tal-Bord ma jkunx jista’ jisma’ appell partikolari minħabba li jastjeni jew jiġi rikużat skond is-sub-titolu II ta’ Titolu II tat-Tielet Ktieb tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, dak l-appell jista’ jiġi riferut b’ordni tal-Bord għal fergħa oħra. Meta membri fiż-żewġ fergħat ma jkunux jistgħu jisimgħu l-appell, ikun hemm il-bżonn li jsir Bord Kompost. F’dan il-każ, membru wieħed mill-lista taċ-Chairman u membri maħtura mill-President ta’ Malta jissostitwixxi lil dak iċ-Chairman jew membru, skond il-każ, li jkun astjena jew ġie rikużat ħalli jkun hemm fergħa tal-Bord ta’ l-Appell li tkun tista’ tisma’ dak l-appell kif jipprovdi l-Artikolu 14(3) ta’ l-Att dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp.
Għalhekk, kif jirriżulta minn dak li ngħad hawn fuq, hija prassi normali li tiġi addottata meta jinqala’ l-każ li tinħatar fergħa ad hoc biex tisma’ appell.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ma tinżammx statistika dwar in-numru ta’ appelli li nstemgħu minn Bord Kompost.
Jista' il-Ministru jinformani kemm kienet il-produzzjoni globali tat-tjur tas-simna f'pajjiżna matul l-2005 u kemm kienet f'ċifra globali ta' piż f'kilos ta' l-ipproċessar ta' dawn l-istess tjur? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-produzzjoni globali tat-tjur tas-simna
fl-2005 kienet ta':
Liveweight
6,247,562 kg
fl-2004 " " " 8,280,293
fl-2003 " " " 10,045,606
In-numru ta' broilers kien hekk: fl-2005 2,879,500
fl-2004 3,771,290
fl-2003 4,555,272
Ta’ min igħid li llum in-numru ta’ impjanti approvati hu ferm anqas minn dak li kien qabel is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dan kien mistenni u jixhed il-konsolidament li sar f’dan is-settur.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża globali tal-ministeru, dipartiment, kumpanniji eċċ. li jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tiegħu ta' safar li sar matul l-2005? Kemm miċ-ċifra tħallset?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ispiża globali tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent għas-sena 2005 kienet ta’ Lm 200,820.537, u din iċ-ċifra tħallset kollha. Minn din l-ispiża ġie rifondut l-ammont ta’ Lm 71,046.80 mill-Unjoni Ewropea. Dan jirrappreżenta persentaġġ ta’ 35.38% fuq l-ispiża totali ta’ safar konnessa ma’ xogħol ta’ l-Unjoni Ewropea. Ta’ min igħid li l-ammont li jiġi rifondut mill-Unjoni Ewropea huwa fuq il-biljetti tas-safar biss, u l-ammont ta’ Lm 12,387.70 għad irrid jiġi rifondut.
L-ispiża li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għamlet fuq safar matul l-2005 kienet tammonta għal Lm 68,401.89 li minnhom l-Unjoni Ewropea rrifondiet l-ammont ta’ Lm 12,953.34. Din iċ-ċifra tirrappreżenta persentaġġ ta’ 18.9% tas-somma totali. Is-somma ta’ Lm 55,448.55 tħallset kollha, u minnha mistenni li jiġi rifondut l-ammont ta’ Lm 6,494.
L-ispiża globali fuq safar li sar matul l-2005 mill-kumpanija Wasteserv Malta Limited kienet ta’ Lm 18,639.26, li minnha tħallas l-ammont ta' Lm 17,227.00. Iċ-ċifra li tħallset mill-Unjoni Ewropea hija ta’ Lm2,549.44. Il-persentaġġ mill-ispiża totali hija ta’ 13.67%.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li terġa' toħroġ l-iskema għal bdil tal-gallariji ta' l-injam fil-Kottonera mill-MEPA? Jekk fl-affermattiv, meta hu l-ħsieb li jsir dan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-iskema għall-bini tal-gallariji ta' l-injam ilha sejra mill-1996 u s'issa ġew allokati Lm 172,500. Din l-iskema ser terġa’ tiġġedded din is-sena u sejħa għal applikazzjonijiet sabiex wieħed ikun jista jibbenefika ser joħorġu f'qasir żmien. S'issa diġa ġew allokati Lm 40,000 għal din is-sena, liema somma jista' jkun li tiżdied minn xi fondi oħra bħal dik ta’ l-Environment Initiative Partnership Programme (EIPP). Din l-iskema ser tkun tapplika għal kull bini skedat fil-gżejjer Maltin u għall-bini f'żoni ta' Konservazzjoni Urbana fiż-Żejtun, is-Siġġiewi u r-Rabat Għawdex.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern jew il-MEPA għandhomx il-ħsieb li jagħmlu development brief għall-post magħruf bħala Fort Campbell f'Selmun li jinsab żdingat jew hemmx il-ħsieb li dan il-post ikun inkorporat fis-sejħa għall-offerti li l-gvern għandu l-ħsieb li jagħmel għall-bejgħ tal-lukanda ta' Selmun?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-abbozz tal-pjan lokali tal-majjistral ta' Malta jindika li għandha issir Development Brief għal Forti Campbell.
Minħabba li l-pjanijiet lokali huma "enabling plans", dawn ma jindikawx il-perjodu li fih għandu jsir id-Development Brief.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16556 u jgħid kemm ġew rifonduti ammonti ta' spejjeż mill-Unjoni Ewropea li ntnefqu f'safar, inklużi allowances, mill-ministeru u d-dipartimenti jew awtoritajiet li jaqgħu taħtu minn Mejju 2004? Kemm kienu jammontaw dawn il-fondi u x'persentaġġ huma mill-ispiża totali li saret mill-ministeru fuq safar f'dan il-perijodu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16882.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien hawn dwieli f'Malta mill-1998 sal-lum, sena b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li t-Taqsima tal-Vitikultura u l-Enoloġija bdiet tiġbor l-informazzjoni fuq l-uċuh bid-dwieli mill-2003 ‘l quddiem. Iċ-ċifri uffiċjali huma dawn li ġejjien:
2003 - 616 Ettari jew madwar 5500 Tmien
2004 - 710 Ettari jew madwar 6340 Tmien
2005 - 840 Ettari jew madwar 7500 Tmien
Jista' il-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu minn Ottubru 2004 sal-lum? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.