Legislature:
Category:
Reset
Active:

NGOs u Għaqdiet mis-Soċjetà Ċivili – laqgħat mal-Ministru

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema kienu l-NGOs, Assoċjazzjonijiet u Għaqdiet mis-Soċjetà Ċivili li ltaqgħet magħhom il-Ministru bħala parti mill-ħidma tagħha fil-qasam tad-Djalogu Soċjali mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista bl-informazzjoni mitluba.

Tribunal tal-Appelli tal-Informazzjoni u Protezzjoni tad-Data

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk it-Tribunal tal-Appelli tal-Informazzjoni u Protezzjoni tad-Data (Information and Data Protection Appeals Tribunal) ġiex imwaqqaf? Jekk iva, meta ġie mwaqqaf u min huma l-membri? Jekk le, x’inhi r-raġuni li ma ġiex imwaqqaf u meta se jitwaqqaf?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-Tribunal tal-Appelli tal-Inofrmazzjoni u Protezzjoni tad-Data (Information and Data Protection Appeals Tribunal) għadu ma twaqqafx. Il-proċess biex dan jitwaqqaf għadu għaddej.

Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data – rapporti annwali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarux ir-rapporti annwali tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data għas-snin 2012 u 2013? Jekk iva, għalfejn ma ġewx ippubblikati fuq is-sit tal-Kummissarju?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żewġ rapporti msemmija għadhom ma ġewx finaliżati. Rigward ir-rapport tal-2012 dan ittardja peress li kien hemm dewmien biex jitlestew l-Audited Accounts li jagħmlu parti ntegrali mir-rapport annwali. Dwar ir-rapport tal-2013 ovvjament għadu ma tlestiex għax lanqas għadu għadda xahar mill-għeluq tas-sena.

Organizzazzjonijiet Volontarji — Regoli tal-accounts

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 7028 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali u li issa ġiet riferuta lilha u ċioè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6641 tal-11-il Leġiżlatura, tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma r-regoli dettaljati dwar il-kontenut tal-accounts li jridu jinżammu mill-Organizzazzjonijiet Volontarji? Kemm-il audited account saru mill-Kummissjoni minn mindu twaqqfet u liema għaqdiet ġew audited?

Response (DALLI, HELENA)

L-Organiżżazzjonijiet Volontarji li huma rreġistrati mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji huma mitluba li jżommu u jissottomettu l-accounts tagħhom hekk kif indikat fl-Att Legali 379 tal-2012 – Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji (Kap 492) – Regolamenti tal 2012 dwar Prospetti Annwali u Kontijiet Annwali ta’ Organiżżazzjonijiet Volontarji. L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organiżżazzjonijiet Volontarji ma jagħmilx audited accounts lill-organiżżazzjonijiet volontarji rreġistrati għaliex dawn huma regolati u jridu jimxu skont il-provizzjonijiet tal-imsemmi Att Legali 379 tal-2012.

MCCAA – ċertifikazzjoni ta’ standard internazzjonali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ma komplietx biċ-ċertifikazzjoni ta’standard internazzjonali ISO 9001 li kien jiggarantixxi li l-Awtorità tiġi sottomessa għall-awditjar minn organizzazzjoni internazzjonali biex ikun garantit li l-Awtorità tħares l-ewwel u qabel kollox is-servizz li tagħti lill-konsumatur? Jista’ jkun li dan sar għaliex l-Awtorità qed tibża’ li ma tlaħħaqx mal-kriterji rikjesti minn dan l-istandard? Tista’ tgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Awtorità terġa’ tikkunsidra li tiġi sottomessa għall-awditjar ta’ servizzi li tipprovdi?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-MCCAA dejjem kompliet u żammet iċ-ċertifikazzjoni ta' standard internazzjonali ISO 9001 mingħand Organizzazzjoni akkreditata

Bord tal-Akkreditament

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Bord tal-Akkreditament ġiex iffurmat? Jekk iva, tista’ tgħid min hu ċ-Chairman u l-membri tiegħu? Tista’ tgħid ukoll jekk il-membri humiex intitolati għal Onorarja u jekk iva, kemm hi din l-Onorarja?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bord preżenti ta' l-Akkreditament għadu iffurmat mill-istess membri li ġew appuntati fl-2010. Il-Bord hu kompost kif ġej: Ċermen : Ing. Ruben Curmi Membri : Joseph Bartolo, Tristan Camilleri, Charles Brincat, Noel Micallef, Gertrude Gatt Lanzon u Matthew Tabone. Iċ-Cermen hu intitolat għal 25.62 ewro kull tlett siegħat filwaqt li l-Membri intitolati għal 18.63 kull tliet sigħat.

Bord tal-Akkreditament – allokazzjoni ta’ budget

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra kemm hawn entitajiet akkreditati f’Malta mill-Bord tal-Akkreditament? Kemm kienet l-allokazzjoni fil-budgets tal-2012, l-2013 u l-2014?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' entitajiet akkreditati hu ta' tmintax. L-allokazzjoni fil- budgets kien hekk : 2012 : 30,000 ewro (li tnaqqset għal 10,000 ewro matul is-sena) 2013: 30,000 ewro (li tnaqqset għal 20,000 ewro matul is-sena); 2014 : 20,000 ewro

Ministeru għad-Djalog Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — lista ta' direct orders

Question

Tista’ l-Ministru tagħti, sena b’sena, lista kollha ta’ direct ordersli ngħataw mill-Ministeru, inkluż mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, minn Settembru 1998 sat-8 ta’ Marzu 2013?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għall din il-mistoqsija parlamentari għadha qed tinġabar u għalhekk se tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — lista ta' direct orders

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista ta’ direct orders kollha li ngħataw mill-Ministeru mid-9 ta’ Marzu 2013 sad-9 ta’ Jannar 2014?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perijodu msemmi ngħataw żewġ direct orders- lil Omnistat Ltd u lil Nexia Ltd.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — skemi ta' rtirar kmieni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk fis-Segretarjat privat tagħha, fil-Ministeru, dipartiment u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtha hemmx persuni impjegati li bbenefikaw minn skemi ta’ rtirar kmieni jew skemi oħra simili mnedija mill-Air Malta?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-Segretarjat privat tal-Minsiteru, dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru hemm żewġ impjegati li ħadu skemi ta’ rtirar kmieni, wieħed mill-Airmalta u ieħor mit-Tarzna.

Information kiosks

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il information kiosk infetħu sa issa, fejn tpoġġew u kemm hemm ppjanat li jinfetħu iżjed u fejn se jsiru? Tista’ tgħid jekk dawn humiex se jkunu miftuħin is-Sibt li definittivament hija l-aħjar ġurnata għall-konsumatur? Tista’ tgħid kemm se jqum dan il-proġett?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lil Onor. Interpellant li dan huwa proġett pilota fejn s’issa twaqqfu erba’ information kiosk f’żoni kummerċjali f’Raħal Ġdid, tas-Sliema, il-Hamrun u l-Belt Valletta. Mhux eskluż li aktar ‘il quddiem, dawn l-information kiosks jibdew jinfetħu nhar ta’ Sibt kif ukoll li jitwaqqfu kiosks f’ċentri kummerċjali oħra f’Malta u Għawdex. Għadu kmieni biex wieħed jgħid kemm ser iqum il-proġett qabel ma jiġi evalwat ir-riżultat tal-proġett pilota. Sa issa, fuq il-proġett pilota ntefqu elf,mitejn u disa’ u tletin ewro (€1,239).

MCCAA – ħlas ta’ overtime

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra kemm tħallas f'overtime fl-Awtorità għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni (MCCAA) fis-sena 2013, min kienu l-impjegati li bbenefikaw minn dan l-overtime u kemm kien l-ammont li tħallas u x’kienet ir-raġuni u l-bżonn ta' dan l-overtime?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita’ għall-Affarijiet tal-Konsumatur u Kompetizzjoni (MCCAA) matul l-2013 ħallset is-somma ta’ tnax-il elf, erba’ mija u sittax-il ewro (€12,416) bħala sahra lill-impjegati tagħha. Dan l-ammont kien maqsum bejn id-diversi kategoriji t’impjegati li jaħdmu mal-MCCAA minħabba xogħol li waqa’ lura, xogħol ta’ manutenzjoni u xogħol ieħor.

Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur — ħatriet ġodda

Question

B’referenza għat-tliet ħatriet ġodda ta’ membri tat-Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur skont kif diġà mħabbra fil-Gazzetta tal-Gvern, tista’ l-Ministru tgħid fuq liema kriterji dawn il-membri ġew magħżula u x'esperjenza għandhom f'dawn l-oqsma?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-ħatriet il-ġodda ta’ membri tat-Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur saru skont il-kriterji stabbiliti u għandhom il-kompetenza li titlob il-liġi.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — xiri jew kiri ta’ opri ta’ arti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-opri ta’ arti li nxtraw jew inkrew mill-Ministru, dipartimenti, entitajiet u aġenziji li jaqgħu taħtu wara d-9 ta’ Marzu 2013? Jista’ jgħid f’kull każ fuq il-parir ta’ min saret l-għażla?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Prof. Kenneth Wain, Kummissarju għall-Organizazzjonijiet Volontarji, xtara pittura u żewġ lithographs ta’ Christopher Saliba. Dawn xtrahom għall-Uffiċċju tiegħu.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — persons of trust

Question

Tista’ l-Ministru tagħti l-lista aġġornata li fiha jelenka l-ismijiet tal-konsulenti (inkluż persons of trust) li taw u ta’ dawk li għadhom qegħdin jagħtu s-servizzi tagħhom lid-dekasteru tagħha bejn id-9 ta' Marzu 2013 sa 9 ta' Jannar 2014?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

MSA – prodotti mingħajr CE Mark

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità tal-Istandards ta’ Malta (MSA) hijiex twaqqaf prodotti li ma jkollhomx il-marka CE milli jaslu għand il-persuni li jkunu xtrawhom?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li prodotti li jaslu d-Dwana ta’ Malta u li ma jkollhomx ir-rekwiżiti neċessarji dwar il-liġijiet tas-sigurtà tal-prodotti, fosthom il-marka CE jekk din tkun applikabbli, jiġu miżmuma mid-Dwana stess għaliex dawn jistgħu ikunu ta’ riskju serju għal min jużahom. L-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur tikkollabora mad-Dwana fuq l-aspetti tekniċi tal-prodotti. Prodotti li jinstabu fuq is-suq u li ma jkollhomx il-marki neċessarji jitneħħew mis-suq sakemm isiru t-testijiet u r- Risk Assessment neċessarji sabiex ikun żgurat illi dawn il-prodotti ma jpoġġux riskji serji għal min jużahom.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — Millennium Development Goals

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-involviment tal-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu fir-responsabbiltà tagħha fejn għandhom x’jaqsmu il-Millennium Development Goals (MDGs)? Tista’ tgħid jekk sarux xi rapporti dwar l-MDGs mis-sena 2000 sal-lum? Jekk fl-affermattiv, tista’ tqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Tista’ tgħid jekk hemmx xi persuna jew persuni li huma responsabbli mill-MDGs u min huma? X’inhuma l-issues preżenti u futuri li qed isir jew se jsir xogħol fuqhom?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li wieħed mill-Millennium Development Goals (MDGs) jittratta l-ugwaljanza l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) hija nvoluta. Il-Kummissjoni qatt ma għamlet rapporti dwar il-MDGs. Minkejja dan l-NCPE tagħti rispons jew tipprovdi informazzjoni dwar inizjattivi relatati ma’ dan il-ġeneru meta tintalab. Issues preżenti u futuri li l- NCPE qed taħdem fuqhom huma l-ħolqien u tisħiħ t’għarfien dwar l-ugwaljanza ma’ diversi setturi permezz ta’ taħriġ u l-investigazzjoni tal-ilmenti ta’ persuni li jħossuhom diskriminati, il-Marka tal-Ugwaljanza għall-intrapriżi kemm fis-settur privat kif ukoll fis-settur pubbliku, kif ukoll temi oħra relatati mal-ugwaljanza abbażi tal-ġeneru, fosthom: il-parteċipazzjoni tan-nisa f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, il-vjolenza fuq in-nisa, u l-liġi tal-koabitazzjoni.

Awtorità tal-Mediċini

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità tal-Mediċini hijiex se tibqa’ fil-post li qiegħda bħalissa? Jekk se tiċċaqlaq minn fejn topera bħalissa, tista’ tgħid fejn se jkun il-post il-ġdid minn fejn se tibda topera?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Mediċini qiegħda tikkonsidra dan kollu.