Persuni ta' nazzjonalita' barranija — Resident permit
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni minn Repubbliki ta' l-ex Unjoni Sovjetika li għandhom resident permit illum? X'eta' għandhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 1,050 persuna minn diversi pajjiżi li qabel kienu jiffurmaw parti mill-Unjoni Sovjetika li għandhom karta ta' l-identita' bħala residenti f'Malta, skond l-Att dwar il-Karta ta' l-Identita' (Kap 258). L-etajiet ta' dawn il-persuni tvarja bejn 14 u 78 sena.
Dawn jinkludu l-konjugi/tfal ta' ċittadini Maltin, residenti permanenti, barranin li jaħdmu Malta bil-permess, oħrajn li jingħataw estensjoni tal-visa, studenti barranin eċċ. Mhux bilfors li dawn il-persuni li għandhom karta ta' l-identita' fil-fatt, qed jgħixu f'Malta.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni l-ħabs illum? Kemm minn dawn huma repeated offenders u kemm-il darba? Kemm qegħdin hemm fuq arrest preventiv?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fit-13 ta' Ottubru 2006, in-numru ta' priġunieri kien ta' 360 li minnhom 249 huma sentenzjati, filwaqt li dawk taħt arrest hu 136.
Fir-rigward ta' repeated offenders, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 20496.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid f'kemm medja ta' snin għandu ħsieb il-gvern li l-postijiet rekwiżizzjonati u li għandhom l-ordni tar-rekwiżizzjoni tinħarġilhom id-derequisition?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru devoluzzjonijiet ta' art tal-gvern lill-kunsilli lokali f'dawn l-aħħar għaxar snin f'Għawdex? Meta saru? Jista' jispeċifika liema kienu l-kunsilli lokali konċernati kif ukoll jagħti dettalji ta' l-art u jgħid għal liema skop/proġett saret din id-devoluzzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Din l-informazzjoni tinkludi biss dawk il-proprjetajiet f'Għawdex li għaddew għand il-Kunsilli Lokali permezz ta' devoluzzjoni mill-1999 sa Ottubru ta' l-2006. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Policy dwar Devoluzzjoni Lokali ġiet introdotta f'Marzu ta' l-1999.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni barranin li għandhom resident permit illum u kemm hemm minnhom li huma mill-Unjoni Ewropea u/jew pajjiżi applikanti?
Skond tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 20723 mill-Ministru tat-Turiżmu, membri tal-korp tal-pulizija daru Paceville biex jaraw li l-iskart ma jitqegħidx barra l-istabilimenti meta mhux suppost, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il kontravenzjoni sabet il-pulizija bejn Jannar u l-aħħar ta' Settembru 2006? X'passi ttieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma kien hemm ebda instanza fejn il-Pulizija sabet xi kontravenzjoni kif imsemmija mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandu postijiet l-uffiċċju konġunt li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Uffiċju Konġunt jamministra 29,144 post kif ġej:
18,697 post b'ċens perpetwu
8,160 post b'ċens temporanju
2,287 post bil-kera
Ta' min jgħid li din l-informazzjoni qiegħda tiġi aġġornata kontinwament b'korrezjonijiet li jsiru f'Annex 8 u teskludi raba u artijiet li mhumiex mibnija.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus bħala hospitality mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006 maqsuma skond dipartimenti jew enti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni barranin li għandhom resident permit illum u kemm hemm minnhom li huma mill-Unjoni Ewropea u/jew pajjiżi applikanti? Kemm hemm minnhom li ilhom jgħixu hawn għal erba' snin, ħames snin jew aktar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 18,646 persuna ta' nazzjonalita' barranija li għandhom karta ta' l-identita' bħala residenti f'Malta, skond l-Att dwar il-Karta ta' l-Identita' (Kap 258). Minn dawn 9,937 huma minn pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea.
Dawn jinkludu l-konjugi/tfal ta' ċittadini Maltin, residenti permanenti, barranin li jaħdmu Malta bil-permess, oħrajn li jingħataw estensjoni tal-visa, studenti barranin eċċ.
Mhux bilfors li dawn il-persuni li għandhom karta ta' l-identita' fil-fatt, qed jgħixu f'Malta.
L-informazzjoni rigward kemm ilhom jgħixu Malta ma tinġabarx b'mod elettroniku.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni ttellgħu l-qorti talli bigħu alkaħol lill-minuri kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin? X'weħlu f'kull każ? Kemm minn dawn ittellgħu l-qorti aktar minn darba u kemm-il darba?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant ma jinżammx taħt forma ta' statistika. Pero' nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 2177 fil-5 ta' Novembru 2003, Nru. 7148 fil-11 ta' Novembru 2004, Nru. 18961 fil-21 ta' Ġunju 2006 u Nru. 20475 fis-27 ta' Settembru 2006.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħarġu ċitazzjonijiet il-wardens din is-sena u għaliex? Kemm kien in-numru ta' ċitazzjonijiet preskritti kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex għall-ewwel parti tal-mistoqsija jirreferi għat-tweġiba li tajt għal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 20520. Dwar kemm ġew preskritti ċitazzjonijiet, l-informazzjoni qed tiġi miġbura u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-problema biex tinħareġ visa lil żewġ studenti li diġa' ħallsu għall-kors tagħhom hawn Malta u li dettalji tagħhom qed jingħataw separatament? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-policy, il-kriterji jew terms of reference li jużaw il-pulizija f'każi fejn jiġu mitluba sabiex joħorġu visas?
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-istabbilimenti fix-xatt tal-Gżira/Tas-Sliema li isimhom qed jintbagħat separatament, għandhomx il-permessi kollha meħtieġa biex joperaw disco bejn l-10.00 p.m. u s-6.00 a.m. peress li ġirien tagħhom qed jilmentaw miegħi li mużika ħierġa minnhom fil-ħinijiet imsemmija qed jiddisturbawhom? Jista' jgħid sarux ilmenti dwar dan lill-pulizija u x'passi ttieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa' kelli l-okkażjoni nispjega, il-liċenzji tan-negozju msemmi, m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant, dwar l-ewwel parti, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi, matul din is-sena kien hemm żewġ okkażżjonijiet fejn il-Pulizija, fuq ilmenti li rċeviet, ħadet passi quddiem il-Qorti fil-konfront tal-persuni responsabbli minn wieħed mill-istabilimenti msemmija mill-Onor. Interpellant. Każ minnhom ġie deċiż, fejn ingħatat multa ta' Lm20, filwaqt li l-każ l-ieħor għadu pendenti quddiem il-Qorti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kellu karozzi mikrija matul din is-sena l-ministeru, id-dipartimenti u l-enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, maqsuma skond kull dipartiment jew enti u r-rati relattivi għal kull kirja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jaġġornana dwar il-pożizzjoni ta' l-għalqa ta' Kola fir-Rabat, Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-art magħrufa bħala l-Għalqa ta’ Kola ġewwa r-Rabat ġiet dikjarata bżonnjuża għal skop pubbliku permezz tal-Gażżetta tal-Gvern datata 7 ta’ Ottubru 1977. L-Avviż għall-Ftehim kif ukoll in-Notifika ta’ Dikjarazzjoni tal-President ta’ Malta fuq dina l-art kienet ġiet ippreżentata fil-Bord ta’ l-Arbitraġġ dwar l-Artijiet fid-19 ta’ Lulju 2001. Il-kumpens offrut mill-Gvern għall-art kollha kien jammonta għas-somma komplessiva ta’ ħames mija, wieħed u ħamsin elf, sebgħa mija u ħamsin Liri Maltin (Lm551,750). Mhux il-persuni kollha illi ġew notifikati bl-Avviż għall-Ftehim u bin-notifika tal-President ta’ Malta fuq imsemmija kienu kkontestaw il-kumpens fil-Bord ta’ l-Arbitraġġ dwar l-Artijiet. Il-Gvern permezz ta’ kuntratt li ġie ppubblikat fil-konfront ta’ waħda mill-persuni li kienet aċċettat il-kumpens, kien akkwista s-sehem indiviż ta’ biċċtejn art ta’ l-Għalqa ta’ Kola bil-prezz ta’ mija u ħames t’elef, ħames mija u wieħed u disgħin Lira Maltin (Lm105,591). Il-proċeduri fil-konfront ta’ dawk il-persuni li kienu kkontestaw il-kumpens bdew jinstemgħu fl-10 ta’ Ottubru 2003 quddiem il-Bord ta’ l-Arbitraġġ dwar l-Artijiet. Ir-rikors illum qiegħed fi stadju ta’ provi u jinsab differit għad-9 ta’ Novembru 2006.