Legislature:
Category:
Reset
Active:

Liġi dwar il-Freedom of Information

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'ġara mill-wegħda li kien għamel li jressaq liġi dwar Freedom of Information qabel l-aħħar ta' din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif tħabbar fi stqarrija għall-istampa datata 3 ta’ Mejju 2006, il-Gvern s’issa għadu kommess li jippublika White Paper dwar il-Freedom of Information Act ta’ din is-sena.

VAT — Affarijiet Edukattivi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm tħallas f'VAT matul din is-sena s'issa fuq affarijiet edukattivi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata għaliex persuni reġistrati m’humiex obbligati li jirrapurtaw il-ġeneru tal-bejgħ li jagħmlu.

Proġett ta' Bieb il-Belt

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22146 u jgħid għaliex il-proġett ta' bieb il-Belt ma nbediex matul din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lil-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22146.

AFM — Għoti ta' Midalji

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti spjegazzjoni għaliex numru ta' midalji li ngħataw lil numru ta' suldati ġew irtirati f'dawn il-ġranet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fost il-kriterji li huma fis-seħħ sabiex suldat fil-Forzi Armati ta’ Malta jingħata l-Medalja għal Servizz Twil u Effiċjenti hemm li wieħed ma jkunx ġie misjub ħati fuq mhux iżjed minn żewġ reati żgħar tul l-ewwel tmintax-il sena servizz tiegħu ma’ l-Armata. Fost l-aħħar nominazzjonijiet għall-Medalji li ngħataw dan l-aħħar kien hemm numru ta’ suldati li minħabba li kellhom aktar minn żewġ reati ma kienux eliġibbli għall-għoti ta’ din il-Medalja. Ġara li minħabba li kien hemm svista tar-‘records’ ta’ kondotta ta’ xi wħud minn dawn l-individwi, sfortunatament xi wħud ġew innominati għal din il-Medalja mingħajr ma kienu eliġibbli għaliha u għaldaqstant, sabiex ma jitkomplix jiġi pperpetrat żball ġenwin ġie deċiż li l-medalji li ngħataw lil dawn l-individwi jiġu rtirati.

VAT

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22114 u jagħti risposta għat-tieni u t-tieliet parti ta' mistoqsija parlamentari 21114?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Soċjeta BellMed

Question

Jaf il-Prim Ministru li s-soċjeta' BellMed illum qegħda tirriklama li hija provider ewlenija ta' 90% tas-suq tal-liċenzji tal-gaming fis-suq? Jista' il-Prim Ministru jassigura li ċ-Chief Executive ta' l-awtorita' m'għadx għandu konnessjoni diretta jew indiretta ma' din is-soċjeta'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Online Gambling

Question

Fid-dawl ta' l-Att tad-29 ta' Settembru 2006 ta' l-USA li ikkriminalizza l-logħob ta' l-Online Gambling fil-USA, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk l-awtorita tal-lotteriji u logħob ħaditx prekawzjoni tassigura lis-service provider ewlenija BellMed ma tagħtix servizzi lil soċjetajiet li jaċċettaw skommessi minn ċittadini Amerikani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

NSO — Household

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' household skond l-NSO? Abbażi ta' kemm persuni huma l-household attwali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ households fil-Gżejjer Maltin hu stmat li hu ta’ 134557. Dan hu tagħrif li joħroġ mis- Survey on Income and Living Conditions li sar fl-2005. Il-figura li għad toħroġ miċ-Ċensiment tal-Popolazzjoni tal-2005 bħalissa qed tiġi iffinaliżżata.

Belt Valletta — Teatru Rjal

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'ġara mill-pjan u l-proġett tal-gvern għall-bini tat-Teatru Rjali tal-Belt Valletta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

OPM — Kiri ta' Karozzi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kellu karozzi mikrija matul din is-sena l-ministeru, id-dipartimenti u l-enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, maqsuma skond kull dipartiment jew enti u r-rati relattivi għal kull kirja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli A u B li jagħtu l-informazzjoni mitluba fir-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi rispettivament.

Ħlasijiet mill-Estimi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' flus li d-dipartimenti tal-gvern, awtoritajiet, enti u kumpanniji tal-gvern ħallsu mill-estimi approvati u vvotati għall-2006 għal xogħlijiet, apparat, servizzi, pagi, eċċ (għal spejjeż rikorrenti u kapitali ) li effettivament saru fl-2005? Jista' jagħti din l-informazzjoni għal kull dipartiment, awtorita', ente u kumpannija tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni fir-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi. Fir-rigward tal-Ministeri l-oħra, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jindirizza l-Mistoqsija lill-Ministri konċernati.

Kanċellar ta' flights

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21840 u jgħid x'inhi r-raġuni li meta individwu jibbukkja u jħallas flight imbagħad jikkanċella ma jeħux lura l-ammont kollu ta' taxxi mħallsa fuq it-ticket? Meta t-tour operators iżommu parti minn din it-taxxa din se tasal għand il-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari Numru 21840

Għaqdiet sportivi — Għotjiet mill-gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jelenka dawk l-għaqdiet sportivi li bbenefikaw minn għotjiet tal-gvern matul din is-sena? Kemm ħadet kull għaqda? Kif ġew deċiżi dawn l-għotjiet u x'kienu l-għanijiet li dawn il-fondi se jiġu wżati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Matul din is-sena l-uffiċċju tal-Prim Ministru m'għamel l-ebda għotja lil xi għaqdiet sportivi filwaqt li l-ministeru tal-Finanzi għamel dawn id-donazzjonijiet li jidhru fil-lista li qed tiġi mpoġġija fuq il-mejda tal-Kamra. N.B. (Ara risposta għall-mistoqsija parlamentari 22054 f'Seduta nru. 473 ta' nhar it-Tnejn 4 ta' Diċembru, 2006).

Membri ta' l-Armata

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21987, jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ilhom ma jingħataw żraben is-suldati ta' l-AFM?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor interpellant li t-tqassim ta’ żraben lis-suldati baqa’ għaddej normali sa madwar ħames xhur ilu meta fl-istokk kien għad baqa’ diversi qisien ta’ żraben. Il-konsenja ġdida appik li tasal u t-tqassim għadnu jerġa jibda jsir b’mod regolari.

National Euro Changeover Committee

Question

Jista' il-Prim Ministru jikkonferma li n-National Euro Changeover Commitee dan l-aħħar xtraw għadd ta' computers u notebooks mingħajr ma ħarġet call for applications? Jista' jikkonferma mingħand min inxtraw? Kemm kienu jiswew? Min kien responsabbli għall-kisba tal-kwotazzjonijiet? Għaliex ma ġewx osservati l-procurement regulations tas-soltu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond ir-records tal-Ministeru matul l-2006 ix-xiri ta’ computers u laptops għall-NECC, kien kif jidher hawn taħt : Date PC/Laptop Value Lm Supplier 3/2/2006 4 Personal computers 1,207.99 FGL Information 3/2/2006 2 Laptops 1,026.01 FGL Information 21/6/2006 2 Laptops 2,340 FGL Information 26/6/2006 2 Laptops 1,254.01 FGL Information Il-computers u l-laptops fi Frar 2006, ġew akkwistati direttament mis-suq liberu, wara li tqiesu r-restrizzjonijiet ta’ l-għażla u d-disponnibilita’ L-apparat li nxtara f’Ġunju, ġie akkwistat wara li nkisbu l-kwotazzjonijiet permezz tas-sistema tal-informatika e-procurement. L-uffiċċjali responsabbli biex jinkisbu dawn il-kwotazzjonijiet huma l-Information Management Officer u finalment id-Direttur tas-Servizzi Korporattivi tal-Ministeru. Din is-sistema hija miftuħa għall-kulħadd u l-awards li jsiru fuq din is-sistema huma aċċessibli għal skrutinju ta’ kulħadd fuq www.e-procurement.gov.mt Fid-dawl ta’ dan kollu nikkonferma illi f’kull każ imsemmi aktar qabel l-procurement regulations ġew osservati.

BICAL

Question

Jista' il-Prim Ministru jispjega kif f'risposta parlamentari ad hoc spjega kif l-assi/flus tal-BICAL u l-kumpanniji assoċjati ma' l-istess dalwaqt se jiġu likwidati u maqsuma lill-kredituri meta hemm sekwestru għal madwar Lm1 miljun kontra l-istess BICAL, liema sekwestru għadu viġenti sal-lum? Jista' jgħid liema huma l-kumpanniji assoċjati mal-BICAL? Kemm ġew depositati flus fil-banek wara li nbiegħu l-assi ta' dawn il-kumpanniji assoċjati? Jista' jindika min huma l-likwidaturi ta' dawn il-kumpanniji u l-avukati rispettivi tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi hija u kienet l-intenzjoni tal-Kontrollur li l-kumpanija in kwistjoni jiġu likwidati u l-flus mqassma bejn kull min huwa intitolat għalihom mill-aktar fis possibli. Dan ġie dikjarat qabel ma ġie ppreżentat il-Qorti il-mandat għall-liema l-Onorevoli jagħmel referenza. Naturalment il-preżentat ta’ dak il-mandat tikkomplika s-sitwazzjoni u tirrendi d-distribuzzjoni tal-flus diffiċli. B’dana kollu l-Kontrollur qiegħed jagħmel dak kollu fil-poter tiegħu biex din il-kwistjoni tiġi finalizzata fl-aktar żmien qasir biex il-likwidazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji titkompla sal-finali distribuzzjoni ta’ dak kollu dovut fl-iqsar żmien possibli. Il-kumpanniji assoċjati mal-BICAL huma : Adelphi Investments Limited Carways Limited Dolphin Builders Limited Finexport Limited Finindustry Limited G.H.E. Limited Harris Hughes and Johns Limited John Bezzina and Sons Limited John N. Cassar Limited Malta and Europe Hotels Limited Malta Maritime Services Limited Malta Ropes Limited Maltese National Lines Limited Maltese Properties Limited Marine Enterprise (Malta) Limited Marine Industries Limited M.I.D.C. Limited Pabros Limited Polymports Limited President Cleaners Limited President Hotels Limited Rockyvale Alpino (Malta) Limited Sinet Limited Sunshine Cruises Limited Tigullio Limited Tradefin Limited Universal Investment Company Limited V.I.P. Limited Dwar il-flus li ġew iddepositati fil-banek mill-bejgħ tal-kumpaniji assoċjati dan jirrizulta fid-dettal mill-kontijiet tal-kumpaniji u mir-rapporti li perjodikament jagħmlu l-Kontrulluri u li l-Onor Membru jista jara privatament fil-Ministeru tal-Finanzi. Dr Robert Tufigno, LL.D. ġie maħtur likwidatur tas-soċjeta’ Malta and Europe Hotels Limited b’seħħ mit-23 ta’ Marzu 2004 (Gażżetta tal-Gvern ta’ Malta – 17658 ta’ 1 ta’ Ottubru 2004) Is-sur Raymond Gatt FIA CPA, ġie maħtur likwidatur b’seħħ mill-10 ta’ April 2006 (Gażżetta tal-Gvern ta’ Malta – 17908 ta’ 13 ta’ April 2006) tas-soċjetajiet : Finexport Limited Finindustry Limited John Bezzina and Sons Limited John N. Cassar Limited Malta Maritime Services Limited Maltese National Lines Limited Maltese Properties Limited Marine Enterprise (Malta) Limited M.I.D.C. Limited Pabros Limited Polymports Limited President Hotels Limited Sunshine Cruises Limited Tradefin Limited Universal Investment Company Limited V.I.P. Limited L-avukati rispettivi tagħhom huma Profs. Ian Refalo B.A. LL.D. u Dr. Joseph A. Schembri LL.D

Persuna li tkeċċiet mill-impjieg tagħha

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21122 u jgħid x'passi ħa wara l-e-mail li rċieva mill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, bid-data tal-5 ta' Ottubru 2006 dwar kif tkeċċiet mill-impjieg tagħha u n-nuqqas ta' strutturi pubbliċi li jiddefendu d-drittijiet tagħha li ġew imċaħħda lilha mill-mod abbużiv ta' kif tkeċċiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-persuna li semma’ l-Onorevoli Interpellant għamlet ilment lid-Dipartiment tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali rigwar l-employer li kienet taħdem miegħu fis-settur privat dwar xi ħlasijiet dovut lilha minn dan l-employer. Mill-informazzjoni li għandi jirriżulta li kif inhi prassi, d-Dipartiment tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali għamel kuntatt maż-żewġ partijiet biex jinvestiga l-każ u sabiex tinsab soluzzjoni li tkun aċċettabbli għaż-żewġ naħat. Dan sar sabiex ma jkunx hemm il-ħtieġa li jittieħdu passi ulterjuri fil-Qorti. Dan it-tentattiv iżda falla u għalhekk kellhom jittieħdu passi legali fil-Qorti kontra l- employer li kienet taħdem miegħu l-persuna konċernata. Ninsab infurmat illi l-proċeduri fil-Qorti fil-fatt diġa nbdew. Għar-rigward it-tieni parti tal-mistoqsija tal-Onorevoli Interpellant dwar in-nuqqas ta’ mekkaniżmu li jittratta tkeċċijiet inġusti, nixtieq niġbidlu l-attenzjoni illi dan il-mekkaniżmu fil-fatt diġa jeżisti. Artiklu 75 ta’ l-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrjali jipprovdi illi persuna li tkun ħasset li tkun ġiet imkeċċija mill-impjieg tagħha b’mod inġust, tista’ tibgħat il-każ tagħha biex jiġi investigat mit-Tribunal Industrijali, liema Tribunal huwa entita’ ġuridika awtonoma. Ninsab infurmat ukoll illi hija l-prassi tad-Dipartiment tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali li jinforma lill-persuna li tkun ilmentat dwar tkeċċija inġusta bid-dritt tagħha li tirreferi l-każ lit-Tribunal Industrijali biex jiġi nvestigat. Dan il-parir fil-fatt ingħata lill-persuna li semma l-Onorevoli Interpellant.