B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 26419 dwar kemm kien hemm uffiċjali pubbliċi minn skala 5 il fuq kif wkoll konsulenti mal-Gvern illi mill-ewwel ta' Jannar 2001 ġew mogħtija jew żieda f'xi allowance jew xi allowance ġdid kompletament u x'pozizzjoni qed jokkupaw dawn l-uffiċjali. Jista' jwieġeb din il-mistoqsija b'riferenza għad-dipartimenti w entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid min huma dawn l-uffċijali? Kemm ingħatat żieda jew kemm hija l-allowance l-ġdida għal kull uffiċjal? X'inhija r-raġuni għal din iż-żieda jew allowance li qed tingħata għal kull uffiċjali?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant qed tinġabar u tingħata risposta f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma l-kamra kemm intefqu flus sena b'sena għall-kostruzzjoni mill-ġdid tal-Poliklinika ta' Bormla u kemm qed jintefqu flus sena b'sena fuq l-imsemmi ? JIstgħax jiġi indikat kemm daħlu pażjenti sal-lum komplessivament maqsuma skond is-sess?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li n-nefqa għal kostruzzjoni mill-ġdid tal-Poliklinika ta` Bormla hija kif ġejja:
1998 LM70,956
1999 LM71,414
2000 LM16,586
Ma tinżammx statistika ta` kemm jidħlu pazjenti maqsuma skond is-sess.
It-total ta` pazjenti li attendew iċ-Ċentru tas-Saħħa ta` Bormla kien hekk:
Bejn Frar u Diċembru 2000: 47,788
Bejn Jannar u Mejju: 21,841
Jista' l-Ministru jgħid kemm u liema huma l-avukati jew ditti ta' avukati li għandhom retaining mal-Ministeru tiegħek u/jew ma' xi korporazzjonijiet u ażjendi parastatali li jaqgħaw taħt id-dikasteru tiegħek? X'inhuma ir-retainers u/jew it-terms tal-kuntratt f'kull każ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Hemm ditta waħda ta` avukati li għandhom retaining mal-Ministeru tas-Saħħa. Dawn huma Godwin Muscat Azzopardi & Associates li għandhom retainer fee ma` l-FMS ta` LM900 fix-xahar, inkluż il-VAT. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-termini tal-kuntratt.
Minħabba xi każijiet ta' urgenza kif wkoll xi inċidenti tat-traffiku li jista' jkun hemm fi triq ta' quddiem Monte Carmeli f'Ħat-Attard fejn jgħaddu numru sostanzjali ta' ambulanzi sia għall-istess sptar u sia għad-Djar tal-Anzjani ta' l-Imtarfa u tar-Rabat, jista' l-Ministru jara huwiex possibbli li ic-centre strip kbira li hemm tkun irranġata b'mod li tista' tintuża mill-ambulanzi li jistgħu jinqabdu fil-kongestjoni tat-traffiku? Jekk iva, x'passi se jieħu? Jekk le, għaliex?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 25351, jista' l-Ministru jgħati lill-kamra d-dettalji mitluba peress l-informazzjoni mitluiba:
1) Tikkonċerna Nfieq Pubbliku
2) Biex il-Kamra tkun informata, kif wara kollox huwa d-dover tal-Gvern li jinforma, dwar il-posizzjoni tal-kontijiet finanzjarji tal-entitajiet governativi?
3) Biex il-Kamra tkun assigurata li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw fi ħlasijiet u f'kontijiet pendenti huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti?
Jista' l-Ministru jgħid jekk iħossx li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li jemmen fi trasparenza, u amministrazzjoni bla ħabi u bla abbuż?
Fin-nuqqas li tingħata din l-informazzjoni, jista' jagħti raġuni għala, meta din hija informazzjoni importanti, tikkonċerna infiq pubbliku u l-poplu għandu dritt għaliha?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija Nru. 25817.
Għalkemm is-suġġett taż-żewġ mistoqsijiet huwa differenti, il-parametri huma simili u l-istess stedina li għamiltlu f'dik it-tweġiba tgħodd ukoll għal din.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena kemm ġew reġistrati bħala suwiċidji, imwiet f'pajjiżna? X'eta kellhom? Kemm irġiel u kemm nisa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li minn tagħrif miġbur mir-Reġistru Nazzjonali ta` l-Imwiet jirriżulta li s'issa kien hemm għaxar (10) każi ta` mwiet minn suwiċidju irreġistrati f'din is-sena.
Dawn kienu jinvolvu disgħa (9) irġiel u mara waħda (1).
L-etajiet ta` dawn l-imwiet huwa kif ġej:
Etajiet (snin)
Numru ta` Każ
ijiet
15-24
1
25-34
3
35-44
2
45-54
3
55-64
0
65-74
1
75+
0
Total
10
Jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel id-Dipartiment tas-Saħħa biex inaqqas l-ammont ta' nugrufun li ta' kuljum qed idejjaq u jmarrad barra li jgħamel ħsarat lir-residenti ta' madwar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lil Onor Interpellant ikun aktar speċifiku.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari rnu. 25322, jista' l-Ministru jgħati lill-kamra d-dettalji mitluba peress li l-informazzjoni mitluba:
1) tikkonċerna nfieq pubbliku?
2) biex il-kamra tkun assigurata li t-tqassim ta' dawn ir-reklami u l-infieq imsemmi qiegħed jikkonferma bil-fatti li l-proċeduri f'dan ir-rigward saru u qed isiru b'trasparenza, mingħajr ħabi bla bżonn u bla abbuz u mingħajr favoritiżmu? u
3) biex il-kamra tkun assigurata li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti?
Peress li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li l-proċeduri f'dan ir-rigward saru u qed isiru b'trasparenza, mingħajr ħabi bla bżonn u bla abbuż, fin-nuqqas ta' l-informazzjoni mitluba ma jkunx jqiegħed jonqos milli jgħati informazzjoni importanti dwar infieq pubbliku b'mod trasparenti li l-poplu għandu dritt ikun jaf?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infakkar lill-Onorevoli membru li biex tinġabar l-informazzjoni dettaljata dwar kull reklam li sar f'dawn l-aħħar tlett snin minn kull dipartiment u kull entita` oħra li jaqgħu taħt il-Ministru - kif qiegħed jitlob li jsir - ikun jeħtieġ l-użu ta` riżorsi umani li wkoll jinvolvi nfieq pubbliku.
Jien m'inix sodisfatt li l-utilita` ta` l-informazzjoni dettaljata mitluba fil-mistoqsija 25322 tiġġustifika li jiena nordna li din għandha tinġabar.
Jekk, iżda, l-onorevoli interpellant għandu xi provi ta` każi partikulari fejn il-proċeduri ma sarux "b'trasperenza, mingħajr ħabi, bla bżonn u bla abbuż u mingħajr favoritiżmu" jgħidhomli u jien nara li jittieħdu l-passi meħtieġa".
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma jingħatawx dawk li huma speċi ta' stikek li permezz tagħhom jista' jiġi ċċekkjat id-demm lil persuni li jbatu mill-kundizzjoni tad-diabete, peress li dawn jiswew madwar Lm10 kull pakkett u mhux kulħadd għandu l-mezzi finanzjarji biżżejjed biex jagħmel din l-ispiża?
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jżid l-ammont ta' siringi li jingħataw lil persuni li jbatu mill-kundizzjoni tad-diabete peress li jkollhom jużaw siringa għal kull sitt darbiet li jittaqqbu bl-insulina u dan minħabba li ħafna drabi s-siringa ma tibqax fl-aqwa forma tagħha wara t-tielet jew ir-raba' darba li tintuża?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-Policy dwar l-għoti ta' siringi u strips tad-demm lill-persuni li għandhom id-dijabete ġiet stabbilita fuq il-pariri tal-esperti f'dan il-qasam. Din il-policy tista' tiġi riveduta skond kif tinħass il-ħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid għal min kienet miftuħa l-applikazzjoni interna għal ħatra ta' drivers mad-dipartiment tas-saħħa? Jista' jikkonferma jekk din l-applikazzjoni kenitx intiża għal dawk li kienu impressed drivers? Jista' jgħid kemm se jiġu appuntati drivers ġodda?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Iċ-ċirkolari MPO Nru. 13/2001 tat-22 ta` Frar 2001 maħruġa mill-Management and Personnel Office, Uffiċċju tal-Prim Ministru kienet tilqa applikazzjonijiet għall-postijiet ta` Motor Transport Driver (Grupp III) fid-Diviżjoni tas-Saħħa mingħand Uffiċċjali Pubbliċi fis-Servizz fi Grupp li mhux ogħla minn Grupp III. Ninsab infurmat li ma kenitx intiża għal dawk li kienu impressed drivers.
Billi s-sejħa għall-applikazzjonijiet qed tiġi pproċessata mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, m'inix f'pożizzjoni li ngħid kemm se jiġu appuntati drivers ġodda.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 26365?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li normalment id-Diviżjoni tas-Saħħa toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet biex impjegati fid-Dipartimenti jattendu ċerti korsijiet.
Dwar it-tlett suġġetti msemmija fil-Mistoqsija ninsab infurmat li fil-"Breast Screening" id-Diviżjoni tas-Saħħa ma ħarġet l-ebda ċirkulari u ħadd ma attenda kors dwar dan is-suġġett, filwaqt li fil-"Computer" u "First Line Management" jiġu organizzati korsijiet mill-Staff Development Organisation (SDO) u mill-Institute of Health Care (IHC) u l-impjegati li juru inizjattiva u interess li jingħataw faċiltajiet biex jattendu mill-Kap tad-dipartiment konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibli li d-divizjoni tas-saħħa gentilment tikkonferma informazzjoni li waslet għandi li għal postijiet vakanti ta' assistant principal radiographers, il-closing date ta' meta għalqu l-applikazzjonijiet ġiet estiża wara li kienu diġa għalqu l-applikazzjonijiet u min kien applika sad-data ta' l-egħluq originali ntalab jgħid hux interessat japplika jew le?
Jekk dan hu minnu, min iddeċieda li jestendi l-closing date? X' kienet ir-raġuni? Hi prattika normali li min ma jkunx applika originarjament, jintalab jgħid jekk hux interessat japplika jew le, filwaqt li tiġi estiża l-closing date? Veru li min ma kienx applika sal-closing date oriġinali bagħtulu ittra biex jgħid jekk hux interessat japplika?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-postijiet ta` Assistant Principal Radiographers jistgħu jimtlew biss minn Senior Radiographers. Ninsab infurmat li radiographers li kellhom jinħatru Senior Radiographers b'seħħ mill-21 t` Awissu 2000 ngħataw l-ittra tal-ħatra fil-31 t'Ottubru 2000 u fis-17 ta` Novembru 2000 iżda retroatiiva mid-data msemmija hawn fuq. Għalhekk sad-data ta` l-egħluq dawn l-impjegati ma kenux jafu jekk kenux eliġibbli li japplikaw jew le.
Fuq talba tad-Diviżjoni tas-Saħħa, il-Kummissjoni dwar is-Servizz Publiku approvat li l-imsemmija mpjegati kienu eliġibbli li japplikaw u tat struzzjonijiet lid-Diviżjoni biex tistaqsihom, u oħrajn li setgħu kienu fl-istess sitwazzjoni, jekk kenux interessa`ti li japplikaw.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tobba mpjegati mad-dipartiment tas-saħħa illum? Xi grad għandhom u x'xogħol jgħamlu? Kemm kien in-numru kull sena f'dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 25960 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u cioe': jista jgħid b'liema mod id-dipartiment qiegħed jara li tiġi kkontrollata għal livelli aċċettabli l-problema tan-noise pollution partikolarment f'areas residenzjali u li huma semi-industrijali?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Preżentament il-kontrol ta` ħsejjes ġenerali f'areas residenzjali u li huma semi-industrijali li jdejqu lin-nies li jkunu joqogħdu f'bini fil-qrib, jaqaw taħt il-kontroll tal-Pulizija (Kodiċi tal-Pulizija, Kap.10 Art.41). Għalhekk nitlob lill-Onorevoli Interpellant tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat għal aktar informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn każi ta' meniġite din is-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi matul l-ewwel tlett xhur ta' din is-sena kellna għaxar (10) każi ta' mard kkaġunat mill-mikrobu tal-meningococcus. Tlieta (3) minn dawn kellhom meningite u s-seba' (7) l-oħra kellhom settiċemija. Kellna wkoll rappurtati żewġ każi oħra ta' meningite li kienu kkaġunati minn mikrobi (batterji) oħrajn.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru awtopsji is-sena l-oħra u min ordnahom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li matul is-sena 2000 ġew ordnati 42 awtopsji u dawn kollha ġew ordnati mill-konsulenti responsabbli għall-pazjent fl-isptar.
Matul is-sena 2000, ġew ordnati 154 awtopsja tal-Forensika u dawn kollha ġew ordnati mill-Maġistrati nkwerenti.