Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCAST — Għalliema

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qed isir biex nuqqas ta' għalliema ġewwa l-MCAST, bħal fil-każ ta' l-industrial electronics u l-Ingliż, tiġi solvuta malajr kemm jista' ikun għall-ġid ta' l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-Istitut ta' l-Inġinerija Elettrika u Elettronika ġew solvuti d-diffikultajiet kollha fir-rigward ta' nuqqas t'għalliema. Informat ukoll li l-istudenti issa qed jiġu mogħtija l-lezzjonijiet kollha allokati lilhom.

Pixxina Nazzjonali

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk fil-perijodu li l-pixxina nazzjonali se tkun magħluqa sarux xi arranġamenti oħra, bħalma ġieli sar, sabiex il-membri kif ukoll dawk li jiffrekwentawha jkunu jistgħu jmorru xi pixxina oħra? Barra minn dan, jista' jgħid ukoll x'xogħol se jsir fil-perijodu li se tkun magħluqa? Min se jagħmel dan ix-xogħol u kemm se jiġi jqum ix-xogħol kollu li se jsir separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma sar l-ebda arranġament ma xi faċilita' oħra għalwaqt il-perjodu illi l-Main Pool tal-Pixxina Nazzjonali mhux ser tkun imsaħħna. Għat-tieni parti tal-Mistoqsija dwar ix-xogħolijiet li saru nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija numru 21071.

Ħaż-Żabbar — Skola Primarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jingħataw il-kotba li hemm nieqsa fl-iskola primarja ta' Ħaż-Żabbar, speċjalment tas-sitt sena, fejn jirriżulta li hemm numru ta' kotba f'suġġetti differenti nieqsa għax għadhom ma ġewx provduti lilhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskola primarja ta' Ħaż-Żabbar ma' jirriżultax li hemm kotba neqsin speċjalment f'dak tas-Sitt Sena. Informat ukoll li f'din l-iskola fil-Year 6 hemm 146 student u fil-Year 7 hemm 41 li b'kollox jammontaw għal 187 student. Id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni qassam 190 sett tal-kotba kollha li jintużaw f'dan is-settur.

Youth Specialisation Studies Scheme

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm studenti applikaw għall-iskema ta' għajnuna mill-youth specialisation studies scheme (i.e. tnaqqis mill-interessi ta' study loans, li bihom studenti Maltin imorru jistudjaw barra minn Malta) b'kollaborazzjoni sħiħa ma' l-APS? Minn min kien magħmul il-bord ta' l-għażla (credentials committee)? Jista' jelenka l-kriterji ta' kif dawn ġew magħżula? Jista' iħabbar min ġie aċċettat għall-imsemmija youth specialisation studies scheme? Kemm studenti ma ġewx aċċettati għall-imsemmija skema u għalfejn ma ngħatawx raġunijiet għalfejn ma ġewx aċċettati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li 37 student applika għall-Youth Specialisation Studies Scheme. Il-bord ta' l-għazla kien magħmul minn : Dr. James Calleja - Chairperson Malta Qualifications Council Mr. Niki Baldacchino - Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ Mr. Edward Calleja - APS Bank Ms. Annabelle Vassallo - Policy Unit Ms. Mariella Orlando - Sezzjoni Żgħażagħ Informat ukoll li l-kriterji kienu li l-applikanti jkunu ta' nazzjonalita' Maltija ta' eta' bejn it-18 u t-30 sena. Il-kors ma jsirx hawn Malta. It-tul tal-kors huwa ta' massimu ta' 5 snin u mhux anqas minn sena akkademika. Ma jiġux aċċettati korsijiet li jispiċċaw fl-istess sena ta' applikazzjoni sakemm il-kors ma bediex fl-istess sena u huwa twil ta' l-inqas sena skolastika. Ingħatat preferenza wkoll lill-korsijiet li skond studju mill-ETC u mill-Malta Enterprise huma ta' benefiċċju għall-pajjiżna u li ġew ippubblikati fl-applikazzjoni fosthom: studji fil-Medicina, Bioteknologija, Farmacewtika, Inginerija, Elettronika, Telekomunikazzjoni, Automotive , Industrija tal-IT. Il-Bord elenka dawk l-applikanti li l-korsijiet tagħhom kienu jaqgħu taħt il-kriterji msemmija u ssuġġerixxa li jingħata sussidju lill-: Mary Ann Attard, Vanessa Borg, Francesca Buttigieg, Adrian Caruana, Andrew Cremona Darren Duncan, Matthew Farrugia, Oliver Frendo, Nathan Gatt, Neil Pace O'Shea, Kirsten Marie Pulis, Janet Randich, Luke Sultana, Moira Zahra.

Persuni jaħdmu b'kuntratt jew part-time

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni li l-unika mpjieg li għandhom huwa fuq kuntratt u/jew part-time illum? Kemm kienu għal kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' persuni li l-uniku impjieg li kellhom kien fuq kuntratt u/jew part-time huwa hekk: Diċembru 2001 20,403 Diċembru 2002 22,893 Diċembru 2003 24,558 Diċembru 2004 27,112 Diċembru 2005 30,128 Mejju 2006 31,584 Informat ukoll li l-aħħar statistika ppublikata hi dik ta' Mejju 2006.

Skejjel Speċjali

Question

Jikkonferma l-Ministru li għalliema fl-iskejjel speċjali qed jiġu mitluba li jagħmlu xogħol li mhux relatat max-xogħol tagħhom mill-kapijiet stess u min ma jaċċettax qed jiġi ppersegwitat?

Response (GALEA, LOUIS)

Le, mit-tagħrif li għandi ma nikkonfermax l-allegazzjoni tal-Mistoqija.

Skejjel Speċjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-għalliema fl-iskejjel speċjali qed jiġu mġiegħla jsegwu sillabi li huma magħmulin għall-iskejjel Ingliżi? Għaliex l-għalliema mhux qed jitħallew isegwu sillabi ta' Malta? Għaliex anke l-kurrikulu minimu nazzjonali mhux qed jiġi segwit f'dawn l-iskejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għalliema fl-Iskejjel Speċjali qegħdin isegwu sillabu pparagunat mas-sillabu Malti. Huma qed jintalbu juzaw l-Iskemi tax-Xogħol (Schemes of Work) miktuba apposta għall-istudenti bi bzonnijiet edukattivi speċjali. Dawn l-iskemi jistgħu jiġu addottati għas-sitwazzjonijiet differenti u individwali ta' kull tifel u tifla u huma utli ħafna biex tippjana l-lezzjoni. B'danakollu jiġi assigurat li Kurrikulu Nazzjonali qed jiġi segwit ħafna aktar minn qatt qabel.

EQUALS — Kurrikulu Minimu Nazzjonali

Question

Jista' il-Ministru jgħid min qed jaqleb l-EQUALS għall-Malti? Jista' jgħid jekk l-education officers konċernati ġewx konsultati dwar il-kontenut ta' l-EQUALS biex ikun konformi mal-kurrikulu minimu nazzjonali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-proċess ta' l-EQUALS għadu ma daħalx fis-seħħ. Li qiegħed jintuza bħalissa huwa l-format ta' dan il-Kurrikulu. M'hemmx dubju li l-kontenut ta' dan il-Kurrikulu jrid ikun konformi mal-Kurrikulu Nazzjonali. Bħalissa qiegħed isir studju komparattiv bejn il-Kurrikulu ta' l-EQUALS u dak tal-Kurrikulu Nazzjonali, biex jiġu identifikati l-oqsma fejn jaqblu u fejn ma jaqblux. Eventwalment se jkunu l-għalliema kif ukoll l-Uffiċjali Edukattivi li se jassiguraw li l-Kurrikulu ta' l-EQUALS ikun konformi ma' dak tal-Kurrikulu Minimu Nazzjonali.

Skejjel Speċjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex qed jiġi permess li għalliema jagħmlu xogħol ta' assistenti kapijiet mingħajr awtorizzazzjoni fl-iskejjel speċjali, b'konsegwenza li jkun hemm għalliema senior tagħhom li ma jkunux jistgħu jużaw l-uffiċċju? Jekk f'dawn l-iskejjel speċjali hemm lok ta' assistent head, x'inhi r-raġuni li dawn jiġu appuntati uffiċjalment?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma hemm ebda għalliema fl-Iskejjel Speċjali li qed jagħmlu xogħol ta' assistenti kapijiet mingħajr awtorizzazzjoni. Informat ukoll li ma hemm ebda għalliem li ġie mċaħħad milli jagħmel uzu mill-uffiċċju meta nħass il-bzonn f'dawn l-iskejjel speċjali. Huwa maħsub li tinħareġ sejħa għall-applikazzjoni għal post ta' Assistenti Kapijiet fl-iskejjel speċjali skond ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Spiteri.

Skejjel Speċjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li filwaqt li fl-iskejjel kollha l-ħin tal-lezzjonijiet huwa ta' tliet kwarti, fl-iskejjel speċjali kull lezzjoni hija ta' siegħa? Ma jaħsibx li dan il-fatt joħloq problemi ta' konċentrazzjoni għal dawn it-tfal?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kapijiet ta' l-iskejjel speċjali tqassmulhom ezempji ta' orarji (time-tables) differenti għall-lezzjonijiet ibbazati fuq tul ta' ħin differenti. Minħabba l-livell intellettwali kif ukoll ta' dizabilitajiet differnti ta' l-istudenti, il-Kapijiet ta' dawn l-iskejjel jiddeċiedu t-tul ta' ħin addattat tal-lezzjoni wara li jikkonsultaw ma' l-għalliema konċernati.

Universita' — Kors tal-Mediċina

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21252 u jgħid x'kienu r-raġunijiet partikolari skond Regolamenti 2.2(a) iii u (b) klawsola tal-maturita' li għalihom ma ntlaqgħetx l-applikazzjoni ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament biex din is-sena akkademika jibda l-kors tal-mediċina fl-Universita' ta' Malta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-applikant ma ġiex meqjus li għandu l-isfond akkademiku neċessarju biex isegwi l-kors ta' studji kkonċernat bi profitt, kif meħtieġ mir-Regolament 5.2 (d) li jirregola d-dħul ta' l-applikanti li jitolbu li jidħlutaħt ir-Regolament 2.2(a) iii.

Smart card

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jara li l-ismart card ta' l-istudenta li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tinħareġ peress li din għadha mingħajr card?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din l-istudenta u xi studenti oħra applikaw tard minħabba r-resits li kellhom. Informat ukoll li dawn l-ismart cards ġew maħruġa riċentement u għandhom jirċievuha l-iskola fi ftit jiem oħra.

Studenti post-sekondarji

Question

Jista' il-Ministru jagħti aktar dettalji dwar il-grants li qed jitħabbru fil-budget li jirrigwardaw dawk l-istudenti post-sekondarji li jkunu qed jattendu korsijiet f'istituzzjonijiet privati?

Response (GALEA, LOUIS)

Hu propost li studenti li jieħdu korsijiet ta' edukazzjoni avvanzata u ogħla f'istituzzjonijiet privati jkunu eliġibbli biex japplikaw għal għotjiet ta' manteniment kif għad irid jiġi stabbilit wara konsultazzjonijiet mal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla.

Skejjel — Caretakers

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura biex persuna tapplika għall-impjieg bħala caretaker f'xi skola jew istituzzjoni oħra edukattiva?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li persuna tkun tista' tapplika fuq il-formola preskritta wara li jkun hemm sejħa għal applikazzjoni li tiġi pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern.

Faċilitajiet Sportivi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif beħsiebu jinkoraġġixxi l-użu ta' faċilitajiet sportivi minn għaqdiet oħra wara l-ħin ta' l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-faċilitajiet sportivi li jaqgħu taħt l-amministrazzjoni tal-Kunsill Malti għall-iSport huma kollha użati wara l-ħin ta' l-iskola mill-għaqdiet sportivi. Issa li qed jiżdiedu faċilitajiet sportivi ta' kwalita' fl-iskejjel qed isiru arranġamenti bejn skola għaqdiet għall-użu ta' dawn il-faċilitajiet.

Skejjel — Faċilitajiet Sportivi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx faċilitajiet sportivi fl-iskejjel ta' l-Istat li qed jintużaw minn għaqdiet sportivi wara l-ħin ta' l-iskola? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid liema skejjel, min qed jużahom u jekk hux qed isir ħlas għal dan u kemm?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Segretarjat Privat

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-membri tas-segretarjat privat tiegħu fil-preżent u x'inhu x-xogħol tagħhom? Jista' jgħid ukoll min huma l-persuni li spiċċaw mis-segretarjat privat? Jista' jgħid x'inhu x-xogħol tagħhom u fejn qed jaħdmu, jiġifieri jekk hux fil-ministeru stess jew inkella f'xi post ieħor?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub dwar uffiċjali fis-segretarjat tal-Ministru ingaġġat skond il-Linji Gwida ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Informat li uffiċjali li spiċċaw mis-Segretarjat u marru jaħdmu f'post ieħor barra mill-Ministeru kienu dawn : Pierre Cauchi : ex-Segretarjat Privat (issa fl-uffiċju tal-President) Micheline Sciberras - ex-Policy Coordinator (issa Direttur) Stefan Cordina : ex-Segretarjat Privat (issa fil-Marsa Racing Club) Brian Camilleri : ex-Driver (issa settur privat).

Xogħlijiet fl-iskejjel

Question

Konxju mill-fatt li l-gvern kien qal li fuq perijodu ta' tmien snin se jonfoq Lm60 miljun f'xogħol tant meħtieġ fl-iskejjel, jista' il-Ministru jgħid minfejn toħroġ din il-figura mill-arranġament li jeżisti bejn il-gvern u l-APS? Jista' jgħid minn meta bdiet sal-lum kemm intnefqu minn dawn is-Lm60 miljun?

Response (GALEA, LOUIS)

L-impenn tal-Gvern hu li jibni l-iskejjel li hemm bżonn u jimmodernizza l-iskejjel ta' l-Istat. L-analiżi li kienet saret fl-2000 indikat li jkunu meħtieġa ċirka Lm60 miljun esklużi il-prezz ta' l-art u l-VAT. Huwa ovvju li l-proġett jieħu numru ta' snin u qed jitwettaq f'fażijiet differenti. L-arranġamenti bejn l-APS u l-Gvern ikopri l-bżonnijiet tal-proġetti li twettqu fl-aħħar snin u li qed jitwettaq bħalissa. Informat li s'issa l-Gvern investa permezz ta' l-FTS is-somma ta' Lm18,711,052 bejn l-2001 u Ġunju 2006.

Higher Secondary — Nuqqas ta' għalliem

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se jintbagħat għalliem ieħor fis-suġġett tal-marketing ġewwa l-higher secondary tan-Naxxar minħabba li jidher li madwar 40 student u studenta ġew imċaħħda minn dan is-suġġett minħabba nuqqas ta' għalliema?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ser isiru l-interviews għal Supply Teacher tal-Marketing fi żmien qasir.