Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5673 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi u cioe' jista' jgħid, issa li tneħħiet il-levy mill-inbid prodott fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea, x'se jsir biex dan ir-roħs jiġi rifless fil-prezzijiet li jżommu għall-inbid ir-ristoranti, bars, eċċ.? Jista' jgħid jekk dawn jaqgħux taħt il-kontroll tal-prezzijiet anke fil-każ ta' prodotti oħra bħal birer?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-prezzijiet ta' l-ikel u xorb fir-ristoranti huma liberizzati, jiġifieri, l-Gvern jew l-Awtorita` Maltija għat-Turiżmu ma jistgħux jistabilixxu prezzijiet. Naturalment dawn l-istabilimenti jrid jkollhom menu bil-prezz ta' l-ikel u xorb li huma joffru biex il-klijent ikun jaf minn qabel kemm se jħallas. Għalkemm huwa s-suq li jistabilixxi l-prezz, fil-każ tat-tnaqqis tal-levy mill-imbejjed importati mill-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropeja, dan għandu jwassal għal tnaqqis fil-prezzijiet ta' dawn l-imbejjed.
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu l-iskavi fis-sit mgħoddi b'riżoluzzjoni parlamentari lill-grupp ta' l-iscouts tar-Rabat f'Rudolph Saliba Str, ir-Rabat? Meta jaħseb li jkun jista' jitkompla x-xogħol tal-bini tal-kwartieri ta' l-istess grupp ta' scouts?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-iskavi arkeoloġiċi fis-sit mgħoddi lill-iscouts f'Rudolph Saliba Street, Rabat tlestew f'Mejju ta' l-2004.
Dan l-iskav ġie dirett mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, u sar bi qbil mal-1st Rabat Scout Group.
Is-Sovrintendenza ikkomunikat ir-riżultati ta' dan l-iskav lill-Malta Environment and Planning Authority fis-6 ta' April 2004. Is-Sovrintendenza irrikmandat li s-sit jiġi skedat bħala Class B.
Wara li tlesta l-iskav arkeoloġiku u saret ir-rikomandazzjoni lill-MEPA, il-1st Rabat Scout Group irtiraw l-applikazzjoni għall-iżvillup fuq dan is-sit.
Attwalment l-iscouts qegħdin involuti f'taħdidiet mad-Dipartiment tal-Artijiet biex jingħataw sit alternattiv.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li għandu jkollhom dawk il-familji li jilqgħu studenti barranin bi ħlas (host families) għall-iskejjel ta' l-Ingliż? Liema huma l-liċenzji li jrid ikollhom? X'inhuma l-ħlasijiet għal dawn il-liċenzji? Jista' jgħid jekk il-ħlasijiet għal dawn il-liċenzji humiex kollha l-istess jew jekk hemmx differenza fil-ħlas għal min iżomm inqas studenti minn ħaddieħor?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-kriterji prinċipali li jrid jkollhom dawk li japplikaw għall-liċenzja ta' host family huma:
(a) li l-akkomodazzjoni fejn se jużaw l-istudenti tkun ta' standard xieraq skond ir-regolamenti (A.L. 130 ta' l-2002);
(b) li l-applikant ikun jitkellem bl-ingliż;
(ċ) li jkollu kondotta tal-Pulizija tajba.
Il-ħlasijiet għal din il-liċenzja huma ta' Lm 40 fis-sena f'każ li jalloġġaw tlieta jew erba` studenti, jew ta' Lm 20 fis-sena f'każ fejn jalloġġaw wieħed jew żewġ studenti. Hemm ukoll ħlas ta' Lm 25 kull sena għal kontribuzzjoni lill-Awtorita` Maltija għat-Turiżmu li titnaqqas għal Lm 20 jekk titħallas fi żmien tliet xhur.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-vapuri li qed joperaw preżentament fl-ibħra Maltin inkonnesjoni mas-settur turistiku Local Cruising? Jista' il-Ministru jgħid liema minn dawn huma mixtrija, charteredjew mod ieħor? F'kull każ kemm tħallset VAT u liema minn dawn ġew eżentati u f'kull każ kemm kien il-valur imħallas jew eżentat? Jista' jgħid ukoll separatament kemm inxtraw u jew inkrew vapuri minn sidien Maltin u barranin f'dawn l-aħħar sentejn biex joperaw għall-Boat Tripstat-Turisti f'ibħra lokali? Jista' jgħid liema huma dawn il-vapuri?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Postijiet turistiċi — Xogħol ta' bini u kostruzzjoni
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'qed isiri biex fiż-żoni turistiċi, speċjalment fis-sajf (bejn Mejju u Ottubru) ma jħallix jew jirristrinġi u jwaqqaf, bħal ma huma qed jagħmlu pajjiżi kompettivi tagħna fis-settur turistiku, xogħol ta' bini u kostruzzjoni u dehera ta' krejnijiet, li huma eye sore f'dawn iż-żoni b'mod partikolari viċin il-lukandi?
Jafx jew le l-Ministru li t-tour operators fid-dinja kolla jikkonsidraw li ma jibagħtux turisti fil-lukandi fejn ikun qiegħed isir xogħol ta' bini li jidher mil-lukandi? Jafx ukoll li dan kollu qed ikun ta' detriment għall-proffitibilita' ta' diversi lukandi totali? Jafx ukoll li wħud minn dawn il-lukandi għandhom ban totali mit-tour operators u li dan ifisser theddida fuq l-impjieg tal-ħaddiema?
Japprezza l-Ministru li pajjiżna qed jikkompeti mal-pajjiżi tad-dinja kollha għat-turiżmu u jekk il-Gvern jaddotta l-politika li kulħadd jagħmel li jrid, kif irid u fejn irid mingħajr ebda protezzjoni għall- industrija turistika, allura t-turiżmu tagħna ser ikompli jiġi affettwat negativament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-istqarrija għall-istampa numru 872 li titkellem dwar xogħlijiet ta' kostruzzjoni f'żoni turistiċi. Din l-istqarrija tirrifletti il-ftehim milħuq bejn il-Ministeru u d-diversi entitajiet li jirrapreżentaw lill-kuntratturi biex, kemm jista' jkun, jitnaqqas l-inkonvenjent għat-turisti kif ukoll għar-residenti f'dawn l-inħawi. Filwaqt li napprezza u nifhem l-ispirtu ta' din il-mistoqsija, naħseb li l-Onor Membru japprezza wkoll li jrid ikun hemm bilanċ bejn iż-żewġ industriji - dik tat-turiżmu u dik tal-kostruzzjoni. Dak li qed jiġri llum bil-ftehim imsemmi hawn fuq hu pass fid-direzzjoni it-tajba u intiż biex l-għanijiet taż-żewġ industriji jintlaħqu bl-inqas xkiel possibbli.
Jista’ il-Ministru jgħid min huma l-membri ta' Heritage Malta? X'inhu l-programm imħejji għall-kumplament ta' din is-sena biex jiġu protetti l-monumenti u s-siti storiċi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta` tagħha?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif tidher hawn taħt:
Chairman Dr Mario Tabone
Deputy Chairman Ms Simone Mizzi
Dun Gwann Azzopardi
Dr Ray Bondin
Mr Mario Farrugia
Prof. Anthony Bonanno
Mr Godwin Vella
Mr Leslie Vella
Mr Joe Schiro'
Proġetti kapitali għall-kumplament ta' din is-sena jirrigwardjaw xogħol fuq ir-Roman Domus, il-Mużew Arkeoloġiku u l-Mużew ta' l-Arti. Qegħdin jitħejjew proġetti għall-protezzjoni tat-Tempji ta' Haġar Qim, Mnajdra u Ħal-Tarxien.
Jista’ il-Ministru jagħti dettalji dwar attivitajiet kulturali għall-kumplament ta' din is-sena li se jiġu organizzati f' Malta u f’Għawdex flimkien mal-privat? Ma’ min u meta se jsiru? X' se jkun is-sehem tal-gvern f' kull każ? X' għajnuna minbarra dik finanzjarja se jagħti l-gvern f' kull każ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant. Wieħed irid jiftakar ukoll il-wirja li hemm fil-Palazz ta' l-Inkwiżitur li qed issir bi ftehim ma' kumpanija Taljana li tmexxi il-Mużew tat-Tortura li li jinsab f'San Gimigiano, l-Italja.
Possibbli jittieħdu passi biex il-car park ta' Għar Dalam fejn ta' kuljum imorru għadd ta' turisti, jitnaddaf għax ilu fuq xahar biż-żibel miġbur gozz f'nofs il-car park u tħalla hemm?
Jista' jgħid min hu responsabbli li jitnaddaf dan il-post?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li r-responsabbilta` tat-tindif tal-car park ta' Għar Dalam jaqa' taħt il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Ninsab infurmat ukoll li d-dipartiment konċernat ġie mgħarraf bis-sitwazzjoni preżenti.
Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti — Ħaddiema ġodda
Question
Jista’ il-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-kunsill impjegax xi haddiema ġodda full time jew part-time miegħu? Jekk fl-affermattiv, min huma, kif ġew magħżula, kemm qegħdin jitħallsu, u jekk saritx sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet? Jaħseb il-Ministru li l-ħatra tal-Professur Joe Friggieri bħala Chairman tal-Kunsill, issa li ħareġ bħala kandidat mal-Partit Nazzjonalista, għadhiex kompattibbli ma’ l-għanijiet nazzjonali u indipendenti li suppost iħaddan il-kunsill?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti ma mpjegax ħaddiema ġodda matul is-sena finanzjarja kurrenti li bdiet fl-1 ta' Ottubru 2003.
Ma jidhirlix li l-kompatibbilta` tal-ħatra tal-Professur Joe Friggieri bħala Chairman tal-Kunsill ġiet b'xi mod effetwata meta huwa ħareġ bħala kandidat għall-Parlament Ewropew. Anzi, huwa dmir ta' kull ċittadin li jwieġeb għal sejħa li jagħmillu pajjiżna biex jaqdi l-poplu bl-abilita` li wieħed ikun jippossjedi.
Jista’il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il darba iltaqa’ l-kunsill kemm ilu li ġie maħtur, f’liema dati u x’ kienet l-attendenza ta’ kull membru f’dawn il-laqghat?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Trasferiment ta' negozju — Liċenzji tal-MTA pendenti
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'jiġri meta persuna jkun trasferit fuqha negozju u wara jsib liċenzji antiki tal-MTA mhux imħallsa? Min hu responsabbli ta' dan il-ħlas?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li normalment liċenza ta' l-Awtorita` Maltija għat-Turiżmu ma tiġix trasferita fuq persuna oħra qabel ma jkunu tħallsu l-liċenzi antiki. Madankollu, ta' min jgħid li għalkemm dak li kien jopera l-post qabel huwa responsabbli għal ħlas ta' liċenzi li jkopru l-perjodu li dam joperaħ, dak li ttrasferixxa l-post fuq ismu, f'ċirkostanzi normali, huwa wkoll responsabbli minn liċenzi antiki għax hu kien fid-dover jiżgura, qabel ħa post, li mhemmx dejn fuq l-istess post.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ġewx ingaġġati studenti universitarji mill-Junior College jew MCAST bħala summer workers mal-ministeru jew aġenziji li jaqgħu taħtu dan is-sajf? Jista' jgħid kemm ġew ingaġġati?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li kien hemm 18-il student li gew ingaġġati bħala summer workers ma' aġenziji li jaqgħu taħt il- Ministeru għat-Turiżmu u Kultura.
Kunsill nazzjonali għall-kultura u arti — Konkors kitba għall-palk
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4871, jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kif intagħżlu d-drammi ġodda qosra bil-Malti li se jkunu fil-festival imsemmi u li se jifforma parti mill-Festival ta’ l-Arti li se jinżamm matul is-sajf li ġej? Jista’ jghid jekk saritx sejħa pubblika, sew għall-kittieba tad-drammi u sew għall-kumpaniji li se jeħduhom?
Jista’ jgħid ukoll x’arranġamenti finanzjari saru biex dan il-festival ikun jista’ isir u xi ħlasijiet se jingħataw lill-awturi tad-drammi u lill-kumpaniji magħżula?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li bħala waħda mill-attivitajiet kulturali għas-sajf 2004 il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti nieda festival ta' produzzjonijiet minn gruppi teatrali Maltin. Dan il-festival bl-isem ta' DramaFest se jsir bejn il-5 u l-10 ta' Awissu fiċ-Ċentru għal Kreativita`, Kavallier ta' San Ġakbu.
Ta' min jgħid li dan il-festival mhuwiex jissostitwixxi l-Konkors Kitba għall-Palk Premju Francis Ebejer iżda qed jagħti opportunita` lill-gruppi teatrali sabiex juru produzzjonijiet oriġinali tagħhom.
Il-gruppi ġew magħżula wara li saret sejħa fost gruppi magħrufa fil-qasam tal-produzzjonijiet teatrali li normalment jesperimentaw b'idjoma innovattiva. Saret ukoll laqgħa, forma ta' intervista, mal-parteċipanti kollha li applikaw sabiex jiġi diskuss il-proġett.
Il-Grupp Organizzattiv se jipprovdi t-teatru, l-użu tad-dawl u sound system, kif ukoll nies tekniċi. Kull kumpanija magħżula tingħata Lm 300 bħala kumpens għall-produzzjoni finali.
Xogħol ta' drama bil-Malti — Programm Cultural Support
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4871 għal dik il-parti tat-twegiba fejn il-Ministru qed jgħid li l-kunsill qed jipprovdi għajnuna finanzjarju u teknika lil xogħol ta’ drama bil-Malti fil-programm hekk imsejjaħ Cultural Support, jista’ il-Ministru jespandi aktar fiex tikkonsisti din l-iskema, kif u min qed iħaddimha, kif jintagħżlu x-xogħlijiet tad-drama bil-Malti li jibbenefikaw minnha, liema huma dawk id-drammi li s'issa bbenefikaw u kif ibbenefikaw?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid meta hu previst li jitlesta x-xogħol fir-Roman Villa, ir-Rabat u x'sar sa llum?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fir-Roman Domus bdew fi Frar 2002 bl-intenzjoni li il bini jingħata tibjida. Iżda wara kien deċiż li l-proġett jikber biex jirrifletti studju aktar profound tas-sinifikat tas-sit.
Ix-xogħlijiet li saru u għadhom għaddejjin huma:
· it-tibjid minn ġewwa tal-post kollu;
· bdil tal-madum ta’ l-art fis-sala ta’ fuq;
· xogħol ta’ restawr fuq it-twieqi u l-bibien u xogħol ta’ bibien ġodda;
· toilet ġdid għal nies bi htiġiet speċjali;
· qed jiġi nstallat platform lift għal nies bi ħtiġiet speċjali;
· sar uffiċċju ġdid għall-gwidi;
· biex sar dan ix-xogħol, l-artefacts kollha tneħħew minn fuq is-sit u/jew ġew maħżuna f’post adattat. Dawn l-oġġetti qed isirilhom restawr intensive miċ-Ċentru Malti għar-Restawr;
· inxtraw vetrini professjonali għas-sigurta` ta’ dawn l-oġġetti;
· ġew installati sistemi ġodda ta’ elettriku, ilma u drenaġġ kif ukoll sistema ta’ intruder alarm u fire detection system;
· sar studju għal raised flooring fis-swali t’isfel madwar il-mosaics antiki;
· hemm ħsieb li ssir sistema ta’ ventilazzjoni fuq is-sit biex ikompli jgħin il-konservazzjoni tal-mosaics. Ċertu xogħol diġa` sar;
· qed titfassal esibizzjoni ġdida li tħalli l-pubbliku japprezza u jifhem il-perjodu Ruman u dan bil-għajnuna ta’ interpretation panels; u
· is-sit se jinkorpora wkoll ħanut biex ibiegħ oġġetti speċjalizzati lill-pubbliku.
Is-sit mistenni li jinfetaħ għall-pubbliku għall-aħħar ta’ din is-sena wara li l-problema ta’ walkways għal nies bi ħtiġiet speċjali tiġi solvuta.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 6203 u ċioe' jgħid min huma l-Uffiċjali kollha tal-MTA u x'pożizzjoni qed jokkupaw? Jista' jgħid ukoll min huma l-impjegati kollha tal-MTA? Fiż-żewġ każi, jista' jgħid meta dawn ġew impjegati u x'salarju qed jirċievu anwalment?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni b'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari ta' l-Onor. interpellant. Ma naħsibx li jkun etiku li nagħti aktar informazzjoni minn dak li jidher fid-dokument li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 6202 u ċioe jgħid kemm-il uffiċċju tal-MTA hemm jopera barra minn Malta? Jista' jgħid kemm ilu jopera u kull sena, separatament, f'dawn l-aħħar 4 snin kemm laħqet l-ispiża biex kull uffiċċju jopera? Jista' jgħid għall-istess perjodu kemm kien hemm u kemm hemm impjegati illum f'kull uffiċċju u kemm minnhom huma Maltin u kemm minnhom huma barranin? Jista' f'kull każ jgħid kemm huwa s-salarju li dawn irċevew u qed jirċievu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Awtorita` Maltija għat-Turiżmu għandha għadd ta' uffiċċji joperaw barra minn Malta. Hemm dawk li huma uffiċċji tagħha u oħrajn li huma uffiċċji rappreżentattivi.
Fil-każ ta' Diretturi ta' nazzjonalita` Maltija, li huma bbażżati barra minn Malta, iċ-ċifra tas-salarju li qegħda tingħata fit-tabelli relevanti tinkludi overseas allowances kif stabbilit għall-uffiċjali tal-Gvern Malti, li jkunu jservu mal-Ministeru għall-Affarjiet Barranin. Dawn l-allowances ikopru aspetti bħal akkomodazzjoni eċċ.
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra id-dettalji mitluba.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 6201 u ċioe' jgħid kemm ġiet tiswa l-kampanja ta' reklamar fuq il-buses fl-Ingilterra? Jista' jgħid kemm ġranet din damet sejra u kemm-il bus saru reklami fuqhom? Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pagamenti li saru lil din il-kampanja?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-kampanja ta' reklamar fuq il-buses fl-Ingilterra ġiet tiswa ₤Stg 233,433.
Il-kampanja damet sejra għal tliet gimgħat: mid-19 ta' April sad-9 ta' Mejju 2004. Ta' min jgħid li sas-17 ta' Ġunju 2004 kien għadu jidher ir-riklam dwar Malta fuq 179 buses, u dan sar mingħajr ħlas.
Ir-riklami saru fuq 2,145 buses.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pagamenti kif mitlub mill-Onor. interpellant.