Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta – spezzjonijiet fuq xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema lokalitajiet saru spezzjonijiet minn Transport Malta, fuq xogħlijiet li saru minn kunsilli lokali, biex jiġi assigurat li l-kwalità tax-xogħol li twettaq hu ta’ standard kif maħsuba fir-regolamenti li jirregolaw dawn l-istess xogħlijiet? X'inhi l-proċedura li permezz tagħha jiġi stabbilit li għandhom isiru spezzjonijiet fuq dawn ix-xogħlijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lilll-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġibiet li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari 19628, 18802, 17819.

Transport Malta – permessi għal xogħol fil-lokalitijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta toħroġx permessi għal xogħol fil-lokalitajiet differenti madwar il-gżejjer Maltin, li permezz ta' dawn l-istess xogħlijiet fil-fatt jinfetħu trinek fit-toroq lokali? Kif qed jiġi assigurat li f'dawn il-każijiet, ix-xogħol isir fil-ħin stipulat u li jkun ta’ kwalità li hi mistennija minn dawn it-tip ta' xogħlijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal kwalunke xogħol ta’ trinek jinħareġ permess minn Transport Malta skont Avviż Legali 29/2010. Dawn il-permessi jiġu spezzjonati biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm periklu fit-toroq u li l-immaniġġjar tat-traffiku temporanju jkun aċċettabli u li x-xogħol isir fil-ħin stipulat fil-permess. Rigward il-kwalita’ tax-xogħol, l-Awtorita’ għandha s-sezzjoni tal-Quality Assurance li għandha r-responsabbilta’ li tivverifika l-kwalita’ tax-xogħol.

San Ġwann – Triq R. Caruana Dingli – sinjali fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru s-sinjali kollha meħtieġa fi Triq R. Caruana Dingli, San Ġwann, li hija identifikata bħala rotta alternattiva waqt ix-xogħol fuq il-Junction tal-Kappara, u li issa wara li għaddew ġimgħat mit-tlestija ta' din it-triq xorta din it-triq għadha mingħajr sinjali ta’ zebra crossing, sinjali ta' parking, sinjali ta' reserved parking spaces u anke sinjali ta' bus stop?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ta’ line markings fuq ir-rotot alternattivi kollha huma ppjanati li jitlestew sa nofs Mejju.

San Ġwann – bus shelter fi Pjazza Borg Bared — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jara li ssir il-manutenzjoni jew saħansitra tinbidel il-bus shelter fi Pjazza Borg Bared, magħruf bħala Ġnien Taż-Żwejt, San Ġwann?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li Transport Malta applikat u ġabet il-permessi neċessarji sabiex dan il-bus shelter jinbidel fl-iqsar żmien possibli.

San Ġwann – Triq il-Kappella – manutenzjoni/bdil ta’ bus shelter

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari preċedenti jista’ l-Ministru jara li ssir il-manutenzjoni jew saħansitra tinbidel il-bus shelter fi Triq il-Kappella, San Ġwann?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li saret spezzjoni fuq dan il-bus shelter li jinstab fuq bus stop bl-isem “Kappella” fejn instab li dan il-bus shelter għandu ħsarat konsiderevoli u għaldaqstant, mhux ekonomikament vijabbli li jiġi msewwi. Infurmat ukoll li Transport Malta ser tkun qed tapplika għall-permessi neċessarji sabiex dan il-bus shelter jkun jista’ jinbidel.

San Ġwann – Triq Taż-Żwejt – bus shelter

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir bus shelter fi Triq Taż-Żwejt, San Ġwann, kantuniera ma' Triq Pawlu Galea?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ittieħdet nota ta’ din it-talba.

San Ġwann – Triq in-Naxxar — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir ix-xogħol speċjalment ta’ tarmak, fi Triq in-Naxxar, San Ġwann, li hija t-triq ewlenija f'San Ġwann l-aktar triq traffikuża, fejn hemm patches li huma mraqqa’ bil-konkos u anke ħofor fi triq, issa wkoll li ġiet identifikata bħala rotta alternattiva waqt ix-xogħol fil-Kappara Junction?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 24416.

San Ġwann – Triq in-Naxxar — sinjali

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru s-sinjali kollha meħtieġa fi Triq in-Naxxar, San Ġwann, peress li wara li sar xi xogħol fuq din it-triq, għadha mingħajr sinjali ta’ zebra crossing, sinjali ta' parking u sinjali ta' reserved parking spaces?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ta’ line markings fuq ir-rotot alternattivi kollha huma ppjanati li jitlestew sa nofs Mejju.

Raħal Ġdid — Proġett ta' Pace Grasso

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex responsabbli mill-proġett ta’ Pace Grasso f’Raħal Ġdid u jekk iva, x’sar s’issa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett ta’ Schrieber, li l-Grand Harbour Regeneration Corporation qegħda taħdem fuqu, jikkonsisti fi tlett proġetti prinċipali.Il-Health Hub, huwa proġett tal-Ministeru tal-Enerġija u Saħħa, filwaqt li l-Ministeru tal-Familja u Għajnuna Soċjali huwa responsabbli miċ- ċentru ta’ riżorsi għall-għajnuna soċjali. Proġett ieħor jikkonsisti f’parkeġġ, ġnien u parti kummerċjali. Hu maħsub li l-proġett tal-Health Hub jibda l-ewwel. Fil-fatt l-proċess tal-applikazzjoni għall- Heath Hub jinsab għaddej.Il- konsultazzjonijiet tlestew u CPD, EPD u KNDP urew il-qbil tagħhom. Il-fire report ġie sottomess u fil-ġranet li ġejjin ser jiġi sottomess it-traffic impact assessment report. It-tender għal land contamination study ħarġet u s-sottomissjonijiet qegħdin jiġu evalwati. L-applikazzjoni għall- fondi tal-Unjoni Ewropeja ġiet sottometta ukoll. Sadanittant, Il-klabb ta’Paola Schrieber se jkollu jimxi minn fejn qiegħed illum minħabba li f’dan il-post ser jinbena l-Health Hub ġdid. Sar ftehim mal-Klabb tal-Boċċi biex temporanjament jimxi minn fejn hu illum u jibda jopera mill-klabb tal-Paola Wolves ġewwa Raħal Ġdid. Meta fil-proġett ta’ Schrieber titlesta l-parti tal-ġnien, il-klabb ta’ Paola Schrieber ser jingħata klabb ġdid fi Schrieber. Bħalissa għaddej upgrading fil-pitch tal-Poala Wolves bi preparazzjoni għad-dħul ta’ Schrieber Boċċi Club. Rigward iċ-Ċentru ta’ Riżorsi għall- Għajnuna Soċjali qegħdin jiġu konsultati l-periti.Dwar il-ġnien, parkeġġ u dwar l-parti kummerċjali, għaddejjin aktar diskussjonijiet.

Transport Malta – uffiċini ġodda — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rilokati ħaddiema ta’ Transport Malta fl-uffiċini l-ġodda li għandha ġewwa l-A3 Towers f’Raħal Ġdid?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa ġew rilokati 51 ħaddiem ta’ Transport Malta fl-uffiċini l-ġodda ġewwa Raħal Ġdid u qegħdin fil-proċess li jiġu rilokati madwar 70 ħaddiem ieħor.

Transport Malta – uffiċini ġodda – sistema ta’ ventilazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewwa l-uffiċini l-ġodda li għandha Transport Malta ġewwa l-A3 Towers hijiex tintuża sistema ta’ ventilazzjoni ta’ arja naturali jew artifiċjali? Hemm ammont ta’ twieqi adekwati li jagħtu għall-barra biex dawn l-uffiċini jkollhom provista sia ta’ ventilazzjoni ta’ arja naturali kif ukoll ta’ dawl naturali minbarra sistemi ta’ dawl artifiċjali u ventilazzjoni mekkanizzata?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-uffiċini l-ġodda li għandha Transport Malta ġewwa Raħal Ġdid tintuża sistema ta’ ċirkolazzjoni ta’ arja. Infurmat ukoll li hemm twieqi li huma skont il-permessi tal-MEPA.

Transport Malta – uffiċini ġodda – sistema ta’ ventilazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewwa l-uffiċini l-ġodda ta’ Transport Malta ġewwa Raħal Ġdid hemmx sistema ta’ ventilazzjoni tajba minħabba li l-uffiċini qegħdin taħt l-art? Jista’ jiċħad jew jikkonferma jekk fil-fatt hemmx sistema ta’ ventilazzjoni, jekk din hux qed taħdem u jekk fil-fatt ħadmitx dejjem minn kemm ilu li ġew rilokati l-ħaddiema ġewwa l-istess uffiċini?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistema tal-ventilazzjoni tal-uffiċini fejn ġew rilokati l-ħaddiema ta’ Tranport Malta ġewwa Raħal Ġdid qegħda taħdem kif suppost.

Transport Malta – uffiċini ġodda — permessi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi relatati mal-uffiċini li qegħdin jintużaw preżentament minn Transport Malta fl-A3 Towers f’Raħal Ġdid?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permessi relatati mal-uffiċini ta’ Transport Malta ġewwa Raħal Ġdid huma pubbliċi.

Kappara Junction – lista aġġornata ta’ rotot alternattivi

Question

Fid-dawl tal-fatt li l-proġett fil-Kappara Junction se jibda fl-aħħar ta' dan ix-xahar, jista' l-Ministru jelenka l-lista aġġornata ta' rotot alternattivi li ġew identifikati kemm għar-residenti kif ukoll għal dawk li jgħaddu minn dawn l-inħawi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, hekk kif intqal fit-tweġibiet għal mistoqsijiet parlamentari preċedenti, Transport Malta qegħda taħdem sabiex l-inkonvenjent għall-pubbliku jkun l-inqas possibli u għalhekk il-ħsieb huwa li kemm jista’ jkun il-karreġġjati tal-Kappara junction, kemm dawk direzzjoni lejn in-naħa ta fuq u dawk in-naħa t’isfel ta’ Malta, jibqgħu aċċessibli. Madanakollu, anke minħabba raġunijiet ta’ saħħa u sigurta’ u fil-każ li effettivament jkun hemm xi karreġġjati magħluqin waqt ix-xogħlijiet, Transport Malta, wara diversi konsultazzjonijiet, ippjanat numru ta’ rotot alternattivi li ser ikunu disponibbli biex kemm jista’ jkun il-pubbliku jevita ż-żona tal-proġett minn meta jkun avżat anke fil-każ li t-triq tal-Kappara tkun għadha aċċessibli. Primarjament, ir-rotot li qed ikunu proposti huma toroq fiż-żoni tal-madwar li wħud minnhom diġa sarilhom upgrade filwaqt li oħrajn qegħdin fil-proċess, u dan sabiex jakkomodaw aħjar id-domanda ikbar tat-traffiku. Dawn ir-rotot jinkludu: - Triq l-Istefanotis, Triq il-Pelikan u Triq il-Qasam bejn Swieqi u San Ġwann - Triq l-Ibraġġ bejn is-Swieqi u San Ġwann - Triq Seracino Inglott u Triq Ħal Għargħur bejn San Ġwann u Birkirkara - Triq Dun Karm Birkirkara - Triq il-Baltiku, Triq il-Bies u Triq Caligares San Ġwann - Triq Salvu Busuttil San Ġwann - Ix-Xatt (Triq Borg Olivier) San Ġiljan - Ix-Xatt Tas-Sliema - The Strand il-Gżira - Ix-Xatt ta’ Ta Xbiex - L- Industrial Estate ta’ San Ġwann - Triq Bellavista, Vjal ir-Rihan Triq in-Naxxar f’San Ġwann - Triq Birkirkara u Telgħet San Ġiljan f’San Ġwann / San Ġiljan - Rue D’Argens Msida u Gżira - Triq Reggie Miller Gżira - Triq Luqa Briffa Gżira - Triq Testaferrata minn Ta’ Xbiex sal-Gżira - Triq MA Vassalli Msida Fil-ġimgħat li ġejjin u waqt il-proġett kollu, Transport Malta mistennija tkompli bil-kampanja t’informazzjoni, sabiex żżomm il-pubbliku kontinwament aġġornat tul il-fażijiet differenti tal-proġett. Fost dan kollu, il-pubbliku se jiġi nfurmat b’dawn ir-rotot alternattivi li ġew identifikati u mħeġġeg jagħmel użu minnhom sabiex kemm jista’ jkun jevita s-sit tal-proġett. Ta’ min wieħed iżid li apparti dan kollu, Transport Malta se tkun qed tintroduċi xi miżuri oħra sabiex kemm jista’ jkun jiġu minimizzati problemi tat-traffiku. Fost dawn huwa mistenni li jitneħħew xi postijiet ta’ parkeġġ sabiex tiżdied il-kapaċita’ tar-rotot alternattivi, l-upgrade ta’ numru ta’ junctions biex jiffaċilitaw il-fluss tat-traffiku, u s-sospensjoni tal-priorty lanes bejn tas-Sliema u Ta’ Xbiex biex iżidu il-kapaċita’ tat-triq, kif ukoll it-triq mill-Ferries ta’ Tas-Sleima sal-Imsida se tinbidel għal żewġ karreġġjati għat-traffiku f’din id-direzzjoni.

San Ġwann – Triq l-Istefanotis — tarmak

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li parti minn Triq l-Istefanotis f’San Ġwann, il-parti li tiġi quddiem Triq il-Plejju, mhux se tingħata t-tarmak mill-ġdid bħall-bqija tal-istess triq? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti r-raġuni għaliex mhux se jsir xogħol fuqha peress li evidentament li għandha bżonn tingħata t-tarmak, speċjalment fid-dawl li ġiet identifikata bħala rotta alternattiva waqt ix-xogħol fuq il-Kappara Junction?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-toroq li ngħataw jew ser jingħataw resurfacing saru jew se jsiru wara evalwazzjoni tal-kundizzjoni tal-wiċċ tat-triq mill-periti ta’ Transport Malta, skont prassi stabbiliti.

San Ġwann – kantuniera bejn Triq Wied Għollieqa u Vjal ir-Rihan — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir ix-xogħol meħtieġ u jingħata t-tarmak f'ħofra li hemm f'kantuniera bejn Triq Wied Għollieqa u Vjal ir-Rihan, San Ġwann?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika l-post eżatt ta’ din il-ħofra minħabba li ma hemm l-ebda konessjoni ma Triq Wied Għollieqa li tinstab fil-Kappara ma’ Vjal ir-Rihan, it-triq prinċipali ta’ quddiem il-Knisja Parrokkjali tal-lokalita’ ta’ San Ġwann.

Ta’ Kandja – sleeping policeman

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk iż-żewġ sleeping policeman li ġew stallati fit-triq prinċipali f'Ta' Kandja quddiem id-daħla tal-bini tal-pulizija għandhomx l-awtorizzazzjoni ta' Transport Malta? Jista’ jgħid ukoll minn min saret it-talba għalihom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali sleeping policemen ġew approvati minn Transport Malta għal raġunijjiet ta’ sigurta. Din it-talba saret mill-pulizija.

Antenna tal-Komunikazzjoni għall-telefonija ċellulari — permessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux meħtieġ permess sabiex titwaħħal antenna tal-komunikazzjoni għall-użu tat-telefonija ċellulari fuq bini residenzjali? Kif jingħata tali permess?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Transport Malta — uffiċċji

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma illi l-uffiċċji l-ġodda ta’ Transport Malta f’Raħal Ġdid li qed jiġu mikrija mingħand il-GWU jew mingħand entità li fiha hemm involuta l-GWU, jinsabux fis-semi basement tal-binja? Jista’ jikkonferma illi l-impjegati li bdew jużaw dawn l-uffiċċji fl-aħħar ġranet wara diversi xhur ta’ dewmien (bi ksur tat-tender conditions) għamlux diversi lmenti illi l-uffiċċji huma neqsin mid-dawl naturali u l-arja? Jista’ jgħid ukoll x’arranġamenti għall-parkeġġ (kemm għall-pubbliku kif ukoll għall-impjegati) ser isiru ladarba d-Dipartiment tal-Liċenzji ta’ Transport Malta (li bħalissa jinsab il-Floriana) jiġi trasferit għall-uffiċċji fl-A3 Towers? Jista’ jgħid ukoll jekk jirriżultalux illi s-soqfa tal-garage tal-istess uffiċċji ġodda tat-TM huma baxxi iktar milli tippermetti l-liġi jew, fi kwalunkwe każ, huma baxxi b’tali mod illi ċerti vetturi tal-awtorità stess, bilkemm jistgħu jgħaddu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċini l-ġodda ta’ Transport Malta ġewwa Raħal Ġdid huma koperti u mibnija skont il-permessi neċessarji tal-MEPA. Sad-data li fiha saret din il-mistoqsija ma kien hemm l-ebda ilmenti ndirizzati lill-management ta’ Transport Malta mill-impjegati li bdew jużaw dawn l-uffiċini. Fil-fatt inżid li dawn l-uffiċini huma iktar moderni, komdi u adekwati mill-uffiċini li kienu jokkupaw qabel dawn l-istess impjegati. Nikkonferma wkoll li l-vetturi ta’ Transport Malta li jagħmlu użu mill-garage jgħaddu minn kull parti tal-istess garage. Il-ħaddiema kif ukoll il-pubbliku se jkunu jistgħu jagħmlu użu kemm mill-parkeġġ allokat lil Transport Malta fil-basement tal-binja kif ukoll fit-triq u fil-parkeġġ pubbliku ħdejn iċ-ċimiterju tal-Addolorata.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u Transport Malta — konsulenti u persons of trust

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti jew persons of trust li taw is-servizzi tagħhom lil, jew ġew impjegati mal-Ministeru jew Transport Malta bejn l-1 ta' Marzu 2013 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid meta jiskadi t-term ta' konsulenza jew impjieg ta' kull wieħed minnhom? Jista' jgħid x'inhi r-remunerazzjoni (salarju u perkaċċi) tagħhom u kemm tħallsu sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi għat-tweġibiet li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari 16183, 23476 u 22880.