Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnhu li mhux qed jingħata l-permess bħalissa biex jsiru sleeping policemen fl-irħula?
Jekk mhux il-każ, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji użati biex jaraw jekk tali permessi jingħatawx jew le?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li kull talba li jkollu id-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku għal road humps tiġi kkunsidrata u fejn ikun hemm ġustifikazzjoni biex issir road hump id-Direttorat jagħti l-approvazzjoni tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt hija ż-żieda li qed jitolbu s-sewwieqa tal-mini buses fil-mument? Meta ingħatat l-aħħar żieda u kemm kienet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jekk l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għat-talbiet li saru dan l-aħħar dwar vjaġġi għat-tfal ta' l-iskola, nitolbu jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għolew il-liċenzji, permessi, l-obbligazzjonijiet eċċ, tal-VRT li jirrikjedu s-sewwieqa tal-mini buses matul dawn l-aħħar 10 snin sena b'sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-sidien tal-minibuses ma jħallsux permessi u obligazzjonijiet fid-Dipartiment tal-Liċenzji u Testijiet ħlief għall-liċenzja tal-vettura li matul dawn l-aħħar 10 snin dejjem kienet Lm58.
Barra minn hekk, minn Ottubru 1999 il-minibuses qegħdin ikunu ttestjati u ċċertifikati li huma tajbin għat-triq darba fis-sena. Is-sidien iridu jippreżentaw ċertifikat tal-VRT qabel iġeddu l-liċenzja tal-vettura. Id-dritt li jitħallas sabiex isir l-VRT huwa kif ġej:
Lm11 fil-każ ta' minibuses b'piż gross taħt 3,500kg
Lm13 fil-każ ta' minibuses b'piż gross ta' aktar minn 3,500kg.
B’ riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 31604 jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tat-Toroq spezzjona il-parti t’ isfel ta’ Triq Vincenzo Adrario u bgħatx rapport lill-Ministru ? Jekk iva jista’ l-Ministru jgħid għandux pjanijiet biex jibda x-xogħol immedjatament minħabba l-kundizzjoni tal-mistħija tat-triq li jgħixu fiha r-residenti tal-lokal?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li wara li saru l-ispezzjonijiet neċessarji nstab li x-xogħol f'din it-triq jista' jsir ma' xogħol ieħor li għaddej fil-lokalita' u li dan ix-xogħol issa nbeda.
Irrid ngħid ukoll li mhux normali li dawn ir-rapporti jintbagħtu lill-Ministru, iżda lid-Direttorat tat-Toroq fi ħdan l-Awtorita' tat-Trasport.
Jista' l-Ministru jinfurmani kemm ogħla n-noll tat-trasport pubbliku matul l-1999, 2000 u 2001 f'Malta u Għawdex rotta, rotta, separatament?
Kemm hija t-talba għaż-żieda fin-noll li qed tintalab fil-mument?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-nolijiet f'Malta għolew b'effett mill-1 ta' Settembru 1999 skond l-Avviż Legali Nru. 148 ta' l-1999.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt għola n-noll ta' vjaġġi tal-Gozo Channel matul l-1999, 2000, u 2001 separatament?
Kemm hija t-talba għaż-żieda fin-noll li qed tintalab fil-mument mill-Gozo Channel?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li matul l-1999, 2000 u 2001 l-ebda nol ta' vjaġġi magħmula mill-Gozo Channel ma għola.
Jien infurmat ukoll li kuntrarju għal dak li ġara fit-3 ta' Frar 1997 permezz ta' Avviż Legali Nru. 13 ta' l-1997, b'seħħ mill-1 ta' Jannar 1999 (Avviż Legali Nru. 277 ta' l-1998) diversi nolijiet ġew imraħħsa bħal ma huma n-nol għall-Għawdxin li minn 75c niżel għal 30c, it-tariffa għal karozzi flimkien man-nol għal xufier residenti Għawdex li niżlet minn Lm4.75c għal Lm2.30c, waqt li t-tariffa għal mutur flimkien man-nol għal xufier residenti Għawdex niżlet minn Lm2 għal Lm1.30c. Ma dawn ġew introdotti wkoll nolijiet ġodda għal passiġġieri li jużaw il-vapur wara t-8:00p.m. li huma ta' Lm1.50c għal passiġġieri (tnaqqis ta' 25c minn dak normali) waqt li t-tariffa għal karozzi flimkien man-nol għax-xufier hi Lm4.50c (tnaqqis ta' Lm1.25 minn dak normali).
Inżid ukoll li ma hemm l-ebda talba għal żieda fin-nol fil-mument.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tinbena t-Triq tal-Frieres f'Ħal Kirkop meta hemm residenti li ilhom joqgħodu f'din it-triq għal aktar minn tnax-il sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq qed iħejji l-istimi għal dan ix-xogħol biex din it-triq tkun tista' tiġi aktar 'il quddiem.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni ta' 'l fuq min 60 sena li għandhom liċenzja tas-sewqan illum? Jista' jagħti breakdown ta' l-etajiet tagħhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta' persuni 'l fuq minn 60 sena li għandhom liċenzja tas-sewqan huwa 21,365.
Il-breakown ta' l-etajiet tagħhom hu:
minn 61 sa 70 sena - 14,991
minn 71 sa 80 sena - 5,612
minn 81 sa 90 sena - 733
minn 91 'il fuq - 29
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża globali tal-posta, stationeries, reklamar, pubblikazzjonijiet għas-sena 2001 tal-Ministeru u Dipartimenti, Dekasteri, Korporazzjonijiet, eċċ li jaqgħu taħt il-Ministeru tat-Trasport?
Kemm tħallsu minn dawn l-ispejjes u kemm għadhom pendenti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Informazzjoni dettaljata fuq infiq attwali tal-Gvern tingħata fir-Rapport Finanzjarju li t-Teżor jippubblika aktar tard fis-sena.
Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba f'mistoqsija parlamentaru nru. 31310
Response (GALEA, ĊENSU)
Waqt li nagħmel referenza għar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari Nru. 31710, jien infurmat li din l-informazzjoni tkun tista' tingħata meta d-Direttorat għat-toroq ilesti x-xogħol meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw karrozzi is-sena l-oħra? Kemm inxtraw kull sena għal dan l-aħħar 5 snin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti mogħtija għal mistoqsijiet parlamentari Nru. 25179, 25445 u 27893, jien infurmat li l-informazzjoni dwar l-aħħar sit xhur ta' l-2001 għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser isir it-tarmac fi Triq Ħal Resqun Gudja minħabba l-istat ħażin li tinsab fihom it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat tat-Toroq qed jistudja rapport imħejji mill-perit tad-Direttorat flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Gudja biex jistabbilixxi l-bżonnijiet fit-toroq kollha tal-lokalita', u x-xogħol fit-triq Ħal Resqun ikun jista' jsir wara li jsiru l-esproprijazzjonijiet li jinħtieġu biex it-triq tkun tista' tinfetaħ.
Jista' l-Ministru jgħid flok zebra crossing u pelican lights li hemm qrib 109, Rue D'Argens, Msida jistgħux jsiru Traffic Lights minħabba il-frekwenza ta' inċidenti li jinqalgħu f'dawk l-inħawi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għaddejt il-mistoqsija ta' l-Onor. Interpellant lid-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku biex jara x'jista' jsir.
Jista' l-Ministru jara li isir crash barrier fin-nofs tul it-triq ta' B'Kara By-Pass kollha (Triq Dun Karm) għaliex il-karozzi ta' spiss qed jaqsmu minn-naħa għall-oħra u jikkawżaw aċċidenti serji?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Direttorat tat-Toroq biex jikkunsidra s-suġġeriment ta' L-Onor. Interpellanat u jara x'inhu l-aħjar li jsir.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jieħu l-Gvern biex min hu full-time liċenzjat bi l-karozzin jkollu level playing field u jiġi protett minn min qed jaħdem bla liċenzja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li kull min jinqabad jaħdem b'karozzin mingħajr ma jkollu l-permessi meħtieġa tinħariġlu ċitazzjoni. l-istess ħaġa tapplika għal kull min jinqabad isuq karozzin mingħajr liċenzja.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija 31442 meta saret it-triq privata taħt il-pont reġjonali f'San Ġiljan?
Meta beda x-xogħol aktar 'il barra fi Triq Mensija f'San Ġiljan?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol fit-triq imsemmija beda f'Lulju 2001 waqt li f'Diċembru 2001 ħarġet l-ordni biex jinbeda x-xogħol tal-parti ta' barra ta' Triq Mensija, San Ġiljan.