Jista' l-Ministru jgħid f'liema lokalitajiet sar programm ta' refurbishment jew ftuħ ta' fergħat tal-posta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li sar refurbishment fil-fergħa tal-posta taż-Żurrieq, tal-Mosta, ta' Ħal Balzan, ta' Ħal Qormi, tal-Ħamrun, ta' Birkirkara u ta' Ħaż-Żabbar u nfetħet fergħa ġdida fil-Mellieħa.
Liema huma il-konsulenti mhux legali mal-Ministeru tiegħek? Kemm qed jitħallsu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-preżent hemm sitt persuni li qed jagħtu konsulenza mhux legali fil-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi u fid-dipartimenti li jiffurmaw parti minnu. Dawn huma
DIPARTIMENT KONSULENT REMUNERAZZJONI
ANNWALI
Ministeru Prof. Joseph Falzon Lm2,000
Mariio Farrugia Lm5,063
Joseph Galea Musu' Lm2,110 (sitt xhur)
Adrian Muscat Inglott Lm8,438
Victor Scicluna Lm4,219
Uffiċċju Nazzjonali Joseph D'Amico Lm2,500
ta' l-Istatistika
Jista' l-Ministru ġentilment jagħti l-lista tal-Board Members tal-Gozo Channel?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Bord tad-Diretturi tal-kumpanija Gozo Channel huwa ffurmat mis-Sur John E. Sullivan bħala Chairman u s-Sinjuri John Busuttil, Michael Gonzi, Mario Grech, George Mifsud, Charles Spiteri, is-Sinjorina Rita Cutajar u l-Avukat Malcolm Mifsud bħala Membri. Is-Sur Brian Borg huwa s-Segretarju tal-Kumpanija.
B'referenza għal PQ 30509, jista' l-Ministru ġentilment jinnota li qed nirreferi għall-wire tad-dawl?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qiegħed jieħu l-Ministru sabiex fl-interess tal-konsumatur kull prodott li jiġi mpurtat ikollu l-istruzzjonijiet ta' kif wieħed japplikah bil-lingwi uffiċjali tal-pajjiż?
Kien hemm xi każi fejn ġiet impurtata konsenja fir-rigward ta' prodotti agrikoli, mediċinali u elettriċi li l-impurtatur ġie obbligat li jagħmel l-istruzzjonijiet b'tiketti għal informazzjoni tal-konsumatur bil-Malti jew bl-Ingliz?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-Att dwar is-Sigurezza tal-Prodotti jipprovdi li produtturi u importaturi għandhom jagħtu lill-konsumaturi nformazzjoni relevanti biex ikunu jistgħu jagħmlu stima tar-riskji li jkun hemm fi prodott matul l-użu normali tiegħu meta dawn ir-riskji ma jkunux ovvji mill-ewwel mingħajr twissija xierqa. Il-liġi ma tispeċifika l-ebda lingwa li biha din l-informazzjoni trid tkun preżentata. Madanakollu, il-produtturi għandhom l-obbligu li jqiegħdu fis-suq biss dawk il-prodotti li ma humiex perikolużi. Prodotti mediċinali ma jaqgħux taħt l-Att imsemmi iżda taħt leġislazzjoni li hija fil-kompetenza tad-Dipartiment tas-Saħħa.
Id-diviżjoni tal-Konsumatur waqqfet sezzjoni li ser tibda tara li l-prodotti li hawn fis-suq huma konformi ma' din il-leġislazzjoni.
Jista l-Ministru jara li wire tad-dawl perikoluż u li joħroġ in-nar minnu, u kanna li hemm bla użu, titneħħa minn quddiem residenza li l-partikularitajiet jinsabu separatament minn din il-mistoqsija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat, li kuntrarjament għal dak li qed jingħad fil-mistoqsija, minn investigazzjoni li saret mill-Korporazzjoni Enemalta ma jirriżultax li hemm xi periklu ikkaġunat mis-sistema ta' l-elettriku.
In-numru ta' households li kellhom is-servizz tad-dawl sospiż minħabba nuqqas ta' ħlas ta' kontijiet, xahar b'xahar, matul l-aħħar tmien xhur tas-sena li għaddiet kien kif ġej:
Mejju 38
Ġunju 27
Lulju 27
Awissu 33
Settembru 29
Ottubru 31
Novembru 43
Diċembru 23
Din l-informazzjoni tinkludi kemm households Maltin kif ukoll Għawdxin, peress li tali statistika ma tinżammx għaż-żewġ gżejjer separatament.
Jista' l-Ministru jispjega kif intgħażel iċ-chief executive tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ingħata ic-chief executive ġdid?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li ċ-Chief Executive tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma intgħażlet wara sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet għal dan il-post u proċess ta' għażla normali minnn fost dawk li applikaw.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt mitlub.
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex il-familja li d-dettalji tagħha qed jintbgħatu separatament qed tirċievi daqstant kont tad-dawl għoli (kont jidher separatament), meta din il-familja tikkonsisti fi tlett membri li matul il-jum jkunu tnejn minnhom għax-xogħol u l-iskola? Jista' l-Ministru jara li jingħata lura l-ħlas dovut għall-kontijiet għoljin?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat, li wara li saru l-investigazzjonijiet relattivi mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, irriżulta li l-kont ta' dan il-konsumatur inħareġ fuq qari attwali u dawn ġew ikkonfermati bħala tajba bil-qari li ttieħed wara.
Jidher li dan il-konsumatur ma għamel l-ebda kontestazzjoni mal-Korporazzjoni dwar il-kontijiet ta' qabel. Għaldaqstant il-konsumatur jista' jitlob li l-meter tad-dawl jiġi eżaminat billi, jew jagħmel talba bil-miktub, inkella jmur fil-fergħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma fil-Belt Valletta.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 25066 dwar l-installar ta' street lighting għal parti t'isfel ta' Triq id-Dragun - Ħal Qormi, li tmiss ma' Triq il-Ħelsien, magħrufa bħala New Street in Triq il-Ħelsien. Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslet din it-talba li skond l-istess tweġiba ta' l-Onor Ministru kellha tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra simili?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena ċert li l-Onorevoli Membru tapprezza li l-Korporazzjoni Enemalta għandha numru sostanzjali ta' talbiet biex jiżdied id-dawl f'diversi toroq ta' dawn il-gżejjer. Minkejja li numru sostanzjali minn dawn it-talbiet jintlaqgħu, in-numru ta' talbiet ġodda dejjem jiżdied. Din it-talba partikulari qed tiġi kkunsidrata flimkien mat-talbiet simili pendenti. Minħabba diversi fatturi, mhux possibbli li tingħata data meta x-xogħol mitlub isir.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm households li nqatgħalhom is-servizz tad-dawl għax ma waslux biex iħallsu l-kontijiet tagħhom xahar b'xahar minn Mejju sa l-aħħar ta' Diċembru? Kemm kienu dawk f'Malta u dawk f'Għawdex?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 30349, jista' l-Ministru jispjega kemm mill-539 special safeguards se jikkonċernaw lill-Maltin u Għawdxin wara li Malta tissieħeb membru ta' l-UE? Kemm mill-special safeguards se jolqtgħu l-kummerċ ta' l-prodotti ta' l-ikel bejn pajjiżna u l-Awtralja?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-iSpecial Safeguards huma mekkaniżmu supplimentari għas-sistema ta' Tariff Quotas. L-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ (WTO) tħares lejn dan il-mekkaniżmu bħala miżura ta' kontinġenza biex jintuża biss f'ċirkustanzi partikulari. Fil-prattika, ftit li xejn kien hemm ċirkustanzi fejn dawn l-iSpecial Safeguards ġew użati, u quddiem il-W.T.O. hemm numru ta' proposti sabiex dan il-mekkaniżmu jispiċċa,
Dan ukoll għaliex il-pajjiżi membri tal-W.T.O, għadhom kif qablu li jagħtu bidu għal sensiela ġdida (new round) ta' taħdidiet multilaterali sabiex anke is-settur agrikolu jiġi liberalizzat. Dan joħroġ ċar mid-dikjarazzjoni maqbula mill-pajjiżi kollha membri fil-W.T.O. maħruġa fi tmiem il-konferenza ministerjali li saret dan l-aħħar f'Doha il-Qatar.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji u jara li teħel lampa fi Triq il-Port Ħieles mal-faċċata tal-fond Oasis fl-istess triq stante li din it-triq hija mudlama wisq?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta jirriżulta li fit-triq imsemmija hemm dawl adekwat.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir fil-konfront ta' dawk il-ħaddiema tal-posta li għażlu biex imorru mal-Gvern u ċioe jekk humiex ser jiġu ntegrati fiċ-Ċivil sabiex ikunu jistgħu jikkwalifikaw anke għall-promozzjonijiet? Jekkl fl-affermattiv, meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-materja li dwarha qed jistaqsi l-Onorevoli Membru għadha qed tkun diskussa, ma naħsibx li jkun prudenti li f'dan l-istadju jingħataw dettalji.
B'refereza għall-mistoqsija parlamentari nru. 30422 u r-risposta mogħtija fit-12 ta' Diċembru 2001, peress li l-abbonat tas-servizz tat-telefone bin-numru 552235 f'Għawdex, għadu sal-llum bla linja tat-telefone, jistgħu jittieħdu passi rimedjali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-abbonat ingħata s-servizz komplut fis-26 ta' Diċembru li għadda wara li kellhom jinbidlu kilometri sħaħ ta' cable li kellu ħsarat kbar, kemm minħabba li kien intlaqat minn kuntrattur kif ukoll minħabba l-fatt li tali cable kien għaddej mill-ħamrija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm nefqet flus fi sponsorships l-Airmalta u lill min ingħataw?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-Air Malta hija kumpanija kummerċjali u l-mistoqsija wkoll hija ta' l-istess natura, ma nħossx li jkun prudenti u fl-interess ta' l-istess azjenda li nagħti d-dettalji mitluba.