Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi kkuntattjata l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għandu każ mal-pulizija fejn din il-persuna għamlet diveri rapporti ta' theddid fil-konfront tagħha però sal-lum għadha ma ttieħditx azzjoni?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-Pulizija ta' tas-Sliema qed tieħu passi fuq ir-rapporti li għamel nhar it-13 t’April, 2015 u l-ieħor nhar il-31 ta’ Mejju, 2015 l-individwu msemmi, pero minħabba nuqqas ta' detttalji li l-individwu tagħa lill-Pulizija sal-lum, dawn ma setgħux ikomplu bl-azzjoni meħtieġa. Sadanittant il-Pulizija ta’ tas-Sliema għadha qed tistenna id-dettalji mitluba biex tmexxi mil-ewwel. Infurmat ukoll li l-kwerelant ġie nfurmat bl-andament ta’ dawn l-investigazzjonijiet.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – ħaddiema li rtiraw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irtiraw nies minn kull dipartiment u entità li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u t-30 ta’ Settembru 2015? Jista’ jgħid kemm ġew impjegati nies ma’ kull entità u dipartiment li jifformaw parti mill-Ministeru fl-istess perjodu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Pulizija — Persuni rrapurtati nieqsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rapporti lill-pulizija ta’ persuni nieqsa sena b'sena mill-2000 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Kemm minn dawn instabu jew irritornaw u kemm baqgħu ma nstabux? Jista' jgħid kemm minn dawn kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid x’kienu l-etajiet tagħhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li mis-sena 2000 sa l-aħħar ta’ Settembru, 2015, il-persuni rrapurtati nieqsa kienu dawk li jidhru fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Infurmat li dwar l’etajiet, l-informazzjoni mhux disponibbli, għaliex ma tinżamx l-istatistika b’dan il mod.

Persuni mressqa l-Qorti mill-Pulizija mixlija b’abbużi sesswali fuq minorenni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna tressqet il-Qorti mill-Pulizija mixlija b'abbużi sesswali fuq minorenni mis-sena 2000 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b'sena b’mod separat,? Kemm minnhom kienu rġiel u kemm minnhom kienu nisa? X’kienet l-età tal-persuna mressqa l-Qorti u tal-vittma? Kemm minn dawk li tressqu l-Qorti nstabu ħatja? X’kienu s sentenzi mogħtija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li mis-sena 2000 sa Settembru ta’ din is-sena kien hemm 459 persuna li tressqu quddiem il-Qorti fuq akkużi ta’ abbuż sesswali fuq minorenni li minnhom 20 kienu nisa. Minn dawn 222 kellhom il-każ tagħhom deċiż u s-sentenzi mogħtija kienu dawk kif ikkontemplati fil-liġi li jvarjaw minn priġunerija, sentenza sospi¿a, probation u multi. Il-kumplament tal-ka¿i l-oħra jew għadhom pendenti jew kien hemm liberatorja jew il-każ kien ġie ddikjarat bħala ‘proċediment eżawrit’ fosthom għax l-imputat ikun laħaq miet. Qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella mqassma sena b’sena.

Visas lill-Barranin għall-raġunijiet mediċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ingħataw visas mal-wasla fl-ajruport (border visas) lill-barranin għal raġunijiet mediċi minn Marzu 2013 sal-lum u lil liema nazzjonalitajiet ngħataw? Jista’ jispeċifika n-numru ta’ visas skont in-nazzjonalità?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Inċidenti fit-toroq minħabba żwiemel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ seħħ fit-toroq Maltin u Għawdxin fejn kienu involuti xi żwiemel, matul l-2013, l-2014 u l-2015 (sal-ġurnata li fiha titwieġeb din il-mistoqsija), sena b’sena??

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2013 saru tmien inċidenti fit-toroq Maltin u Għawdxin fejn kienu nvoluti xi żwiemel, matul is-sena 2014 kien hemm tnax –il inċident, filwaqt li matul is-sena 2015, sa Settembru, kien hemm erba’ inċidenti.

Kumpanija — ħlas lill-individwu

Question

Jista' l-Ministru jara xi proċedura jistgħu jittieħdu dwar il-kumpanija u l-persuna li d-dettajli dwarhom qed jingħataw separatament , peress li l-individwu rebaħ kumpens kontraa l-kumpanija bil-Qorti però għadu ma tħallasx?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din d-domanda ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.

Pulizija f'żoni turistiċi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux f'pożizzjoni li jassigura li fis-sajf li ġej, jibdew joperaw pulizija għaż-żoni turistiċi kif kien imwiegħed kważi tliet snin ilu? Jekk iva, minn fejn hu mistenni li jibdew joperaw dawn il-pulizija u x'se tkun il-funzjoni tagħhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li huwa maħsub li dan l-proġett pilota se jibda f’April 2016. Il-ħsieb huwa li nibdew miż-żona ta’ Paceville-San Ġiljan minħabba n-numru ta’ bed-stock li hemm f’din iż-żona.

Neighbourhood watch — programm

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru fassalx xi programm li permezz tiegħu jibda jopera n-neighbourhood watch flimkien mal-kunsilli lokali? Minn fejn hu mistenni li jinbeda dan il-programm?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsija parlamentari 11650.

Proċess tal-bdil tal-Karta tal-Identità

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-bdil tal-Karta tal-Identità? Jista' jgħid f'kull lokalità kemm kienu l-persuni eleġibbli sabiex jibdlu l-Karta tal-Identità tagħhom u kemm kienu dawk li wieġbu għas-sejħa tal-Uffiċċju għall-Immaniġġar tal-Identità u marru jibdlu l-Karta tal-Identità tagħhom? Jista' jgħid meta se jkun qed jitlesta dan il-proċess?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Pulizija – persuni li jkollhom wiċċhom mgħammad

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif fil-prattika jaġixxu l-pulizija Maltin jekk jaraw jew jiġi rrapurtat lilhom li persuna Maltija jew barranija tkun liebsa l-burka jew niqab jew ikollhom wiċċhom mgħammad b’ilbies ieħor? X’tgħid il-liġi Maltija dwar persuni li jkollhom wiċċhom mgħotti fil-pubbliku?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 18246. Ninforma li l-kabinett beda jiddiskuti dan is-suġġett.

Droga li nqabdet mill-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqabdet droga mill-pulizija bejn Marzu 2013 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? X’inhu maħsub li kien il-valur tagħha fis-suq? Kemm kienu arrestati nies u kemm minnhom tressqu l-Qorti? Kemm kien hemm Maltin u kemm kien hemm ċittadini ta’ nazzjonalità barranija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba dwar droga li nqabdet mill-Pulizija fil-perjodu mitlub, hija kif tidher fit-tabelli li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Infurmat li mhux possibli li jingħataw dettalji fuq il-valur tal-qabdiet tad-drogi, peress li dawn ivarjaw min qabda għal-oħra u l-figuri mgħotija jistgħu ma jirriflettux il-valur proprju.

Droga li nqabdet mid-Dwana

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqabdet droga mid-Dwana bejn Marzu 2013 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? X’inhu maħsub li kien il-valur tagħha fis-suq? Kemm kienu arrestati nies u kemm minnhom tressqu l-Qorti? Kemm kien hemm Maltin u kemm kien hemm ċittadini ta’ nazzjonalità barranija?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel żewġ mistoqsijiet parlamentari separati lill-Ministeri kkonċernati. Meta l-informazzjoni tkun miġbura għal-ewwel żewġ domandi, l-Ministeru tiegħi jwieġeb l-aħħar parti tad-domanda.

Għawdex – Trasferiment ta’ proprjetà immobbli – atti pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru atti pubbliċi dwar trasferiment ta’ proprjetà immobbli f’Għawdex, kull xahar minn Jannar 2014 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din id-domanda lill-Ministeru konċernat.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — Safar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kellu safar fl-aħħar 12-il xahar? Jista’ jgħid fejn siefer (belt u pajjiż) u x’kienet ir-raġuni għal kull safra? Min kienu l-uffiċjali li akkumpanjawh f’kull safra? Kemm kienet l-ispiża għal kull safra?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – entitajiet — safar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’safar sar minn uffiċjali mill-Ministeru, mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari u mill-entitajiet li jaqgħu taħtu fl-aħħar 12-il xahar? Jista’ jgħid fejn sar is-safar (belt u pajjiż) u x’kienet ir-raġuni għal kull safra? Jista’ jgħid min mar għal kull safra? Kemm kienet l-ispiża għal kull safra?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Detention Centres – spiża tal-operat olistiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet l-ispiża tal-operat olistiku tad-detention centres fl-2013 u fl-2014?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Uffiċjali tal-Pulizija li telqu mill-Korp

Question

Jista' l-Ministru jgħid bejn l-1999 u l-2012, sena b’sena, kemm kien hemm uffiċjali tal-pulizija li telqu mill-Korp? Jista' f'kull każ jindika l-grad tal-uffiċjali?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Membri tal-Korp tal-Pulizija li nstabu taħt l-effett ta’ xorb alkoħoliku eċċessiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid bejn l-1999 u l-2012, sena b’sena, kemm kien hemm każijiet fejn xi membru jew membri fil-Korp tal-Pulizija nstabu taħt l-effett ta' xorb alkoħoliku eċċessiv? X'passi ttieħdu dwar dawn il-membri tal-korp? Kien hemm minnhom li baqgħu fil-Korp tal-Pulizija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn l-1999 u l-2012 kien hemm zewġ kazi fejn membri tal-Korp tal-Pulizija nstabu li kienu taħt l-effet ta’ xorb alkoħoliku, u t-tnejn kienu ngħataw twissija bil-miktub. It-tnejn baqghu fil-Korp.