Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21137, 21329 u 21565 u ġentilment ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-proġett ta' footway bridge f'Imrieħel bypass f'Ħal Qormi hekk kif propost f'applikazzjoni quddiem il-MEPA PA5852/06? Jista' jgħid meta huwa maħsub li jibda u jitlesta dan ix-xogħol wara li jkunu nħarġu l-permessi neċessarji?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Billi l-aċċess stradali għall-kamra tan-nar u għall-bdiewa fil-viċinanzi f'Tax-Xwieki Ħal Għargħur huwa limitat anke f'kas jekk tiġri xi diżgrazzja, jista' il-Ministru jgħid jekk dan l-aċċess jistax jiġi rranġat u mwessa'?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi fil-passat, id-Direttorat tat-Toroq għamel xogħlijiet ta’ tiswija fit-triq imsemmija bl-iskop li jiġi faċilitat l-aċċess fl-inħawi.
It-twessiegħ tat-trejqa imsemmija jiġi kkunsidrat skond il-prijoritajiet li jirriżultaw skond il-program ta’ asfaltar ta’ toroq.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-preparamenti għas-sejħiet għall-iżvilupp ta' Ta' Qali Crafts Village?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed tiġi kkompilata l-informazzjoni miġbura minn entitajiet ikkonċernati biex jiġu iffinalizzati s-sejħiet. Hu ppjanat li s-sejħiet isiru fil-bidu tal-2007.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk il-bini tal-mina mill-MIDI f'Tigne Point huwiex komplut?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-ewwel fażi tal-bini tal-mina tlesta u nbeda x-xogħol fuq it-tieni parti. L-Onorevoli Interpellant jista' jivverifka dan mill-iskeda li poġġejt fuq il-mejda tal-Kamra għall-mistoqsija parlamentari numru 21530.
B'riferenza għal programm ta' asfaltar bit-tarmac ta' diversi toroq, jista' il-Ministru jgħid jekk Triq Sliema l-Gżira u Triq Sliema, il-Kappara humiex fil-programm ta' asfaltar? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta dan ix-xogħol huwa mistenni li jsir?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi t-toroq imsemmija mhumiex parti mill-program ta’ toroq li jridu jsiru bejn 2006-2008. Dan minħabba l-fatt illi dan il-program jinkludi biss toroq residenzjali li jridu jsiru għall-ewwel darba. It-toroq imsemmija ma jaqgħux taħt din il-kategorija. Jista' jkun li fil-futur jistgħu jsiru xogħlijiet ta' major patching fi Triq Sliema, Kappara.
Jista' il-Ministru jikkonferma li meta tiġi asfaltata Triq Turu Rizzo, Gżira jsiru l-culverts meħtieġa minħabba l-flooding ta' garages li jkun hemm ma' kull maltempata?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Triq Turu Rizzo fil-Gżira hija waħda mit-toroq inklużi fil-program ta' kostruzzjoni ta' toroq li jridu jsiru mill-ADT bejn is-sena 2006-2008. F'dan il-program hemm inkluż ukoll il-bini ta' culverts fit-triq imsemmija.
Jista' il-Ministru jgħid jekk Triq Dun Alwiġ Psaila, f'Ħal Qormi li hi triq li tingħaqad ma' Triq Fonzu Meli u Triq Ġuże' Maria Camilleri (li t-tnejn li huma se jinbnew mill-ġdid mill-gvern), hix se tinbena wkoll mill-ġdid bħala parti mill-programm ta' aktar minn 450 triq li qed jibni l-gvern ċentrali?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-Awtorita’ dwar it-Trasport se tieħu ħsieb li Triq Dun Alwiġ Psaila tinbena wkoll bħala parti mill-proġett ta’ Triq Fonzu Meli u Triq Ġuże Maria Camilleri.
Jista' il-Ministru jikkonsidra li jirrikkmanda li ssir Triq Durumblat, Mosta?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li t-triq imsemmija mill-Onorevoli Nterpellant m'hijiex triq arterjali u l-anqas distributorja u b’hekk ma taqax taħt ir-responsabilita tal-Gvern Ċentrali, iżda xorta waħda kienu saru xogħlijiet ta’ maintenance fuq din it-triq.
Jista' il-Ministru jikkonsidra li jżid karozza tal-linja oħra li tkun diretta għall-istudenti tal-junior college, l-MCAST u l-Universita' minħabba li t-tnejn li hemm għan-naħa tal-Cottonera, Ħaż-Żabbar u l-Fgura jkunu mimlija b'konsegwenza li numru ta' studenti jkollhom jaslu tard l-iskola u f'xi ċirkostanzi anke tnaqqsilhom l-istipendju?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li l-lokalitajiet msemmija mill-Onorevoli Interpellant huma moqdija tajjeb.
Jista' jkun illi fl-ewwel ġimgħa tas-sena skolastika s-servizz ma bediex ileħħaq maż-żieda inaspettata fid-domanda. Dan issa ġie rrimedjat peress li l-ewwel ħin tas-6.45 ta-rotta 300 li taqdi n-naħat ta' l-Isla, l-Birgu, Żabbar, Fgura u Raħal Ġdid qiegħda tiġi servuta bit-tlett karozzi tal-linja minflok bit-tnejn kif kienet qabel. Barraminhekk l-istudenti li jmorru l-MCAST jagħmlu użu mir-rotot kollha li jitilqu min-naħa tal-Cottonera perss li dawn kollha jgħaddu mir-Raħal Ġdid, filwaqt li n-noll huwa irħas minn dak tar-rotta ta' l-Universita'.
Għaldaqstant, l-ADT u l-ATP ma jirriżultaliex li hemm problemi fil-lokalitajiet msemmija.
Jisa' il-Ministru jgħid meta se jinħarġu t-tenders għal car parks skond kif ġie rrapportat li stqarr iċ-chief executive ta' l-ADT?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat min-naħa tal-Kap Eżekuttiv ta’ l-Awtorità li hu qatt ma stqarr li se jinħarġu tenders għal car parks. Li seta’ semma kien il-ħsieb ta’ l-Awtorità li torganizza b’mod aħjar id-diversi parkeġġi pubbliċi li hawn u li huma regolati minnha, anki permezz ta’ inizjattivi bi sħubija bejn l-Awtorità u l-privat.
Jista' il-Ministru jara li l-bypass ta' San Pawl il-Baħar, fejn bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet estensivi, tiġi mdawwla b'mod adegwat matul il-lejl u mhux ikun dlam bħalma kien fil-21 ta' Ottubru, 2006 b'konsegwenza li joħloq riskju serju għal kulmin juża din it-triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ix-xogħol fuq il-Bypass ta' San Pawl il-Baħar, qed ikun imdawwal permezz tas-sistema li kienet eżistenti fit-triq. Ma’ din is-sistema ġew miżjuda żewġ flood lights fit-truf tad-devjazzjonijiet sabiex iżidu l-viżibilita f’dawn l-inħawi fejn qed issir devjazzjoni tat-traffiku minn karreġġjata għall-oħra.
Jirriżultalna li l-ħsara msemmija mill-Onorevoli Nterpellant kienet kkawżata minn xi nuqqas ta’ enerġija elettrika li m'hijiex relatata mal-kostruzzjoni tat-triq.
Jista' il-Ministru jgħid b'konnessjoni ma' proġetti ta' bini ta' toroq, liema mhedded tal-mains tad-drenaġġ ġew spezzjonati permezz tas-CCTV qabel ma nbeda x-xogħol matul dawn l-aħħar 12-il xahar?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jinformana bl-iżvilupp ta' mistoqsija parlamentari 21483 dwar il-problema ta' Vjal il-Ħaddiem, Rabat?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li saru l-ispezzjonijiet meħtieġa fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Nterpellant sabiex tkun mistħarġa l-problema ta’ flooding minħabba l-ilma tax-xita.
Soluzzjoni għal din il-problema x'aktarx trid it-tibdil ta’ medda konsiderevoli ta'
stormwater culvert
fi Vjal il-Ħaddiem biex din tkun tista' tieħu iktar ilma. L-Awtorita' qiegħda tevalwa jekk tali xogħol ta'
stormwater culvert
hux responsabilita' tagħha jew tal-Kunsill Lokali.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-kuntratturi ta' kull triq li ġew magħżula wara proċess ta' tender biex jagħmlu toroq f'Ħaż-Żebbuġ u meta hu mistenni li jibda u jispiċċa kull xogħol f'kull triq rispettiva?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li s’issa rigward toroq f'Ħaż Żebbuġ kienet ippreparata tender waħda għal Triq l-Għeneb.
Hemm ippjanat li fi żmien qasir jinħarġu
tenders
għall-bini ta’ Dawret in-Niżla ta’ San Pawl u Triq Geraldu Farruġia fi Mdina Road Żebbuġ.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-kuntratturi ta' kull triq li ġew magħżula wara proċess ta' tender biex jagħmlu toroq fir-Rabat u meta hu mistenni li jibda u jispiċċa kull xogħol f'kull triq rispettiva?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-Awtorita’ dwar it-Trasport bħalissa m’għandha ebda tender fi stadji ta’ aġġudikazzjoni jew order to start works għal toroq residenzjali fir-Rabat. Il-programm ta’ xogħlijiet għall-perjodu 2006-2008 jinkludi erba’ toroq fir-Rabat, cioe’ Triq San Martin, Triq il-Mitħna, Triq Doni l-Qadima u Triq Ta’ Namura, liema xogħol isir skond il-programm ta’ l-ADT.
Sadattant, fil-ġimgħat li għaddew għadu kif tlesta x-xogħol tal-bini ta’
culvert
u asfaltar ta’ Triq Bir ir-Riebu. Ix-xogħol sar kollu mill-Awtorita' dwar it-Trasport. Ix-xogħlijiet tat-tqegħid ta'
storm water culvert
saru mill-kuntrattur tal-General Ltd filwaqt li x-xogħol ta'
resurfacing
sar mill-kuntratturi Bonnici Brothers Ltd.
Jista' il-Ministru jgħid kemm siefru delegazzjonijiet mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2006? X'kienet ir-raġuni ta' kull safra, minn min kienet komposta u x'kienet l-ispiża ta' kull safra?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu stmat ix-xogħol ta' kostruzzjoni għall-irranġar ta' dik il-parti tal-bypass ta' San Pawl il-Baħar li ċediet minħabba xogħol ta' eskavar minn kuntrattur privat? Min se jħallas għal dan ix-xogħol?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.