Jista' l-Ministru jara li timtela' u tingħata asfalt il-ħofra li tinsab faċċata tad-dar "Bucks", Triq Bjaġju Galea, Tarxien li ilha hekk għal ħafna żmien?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu direttament lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jara li fi Triq Dun Karm Sant, Ħal Tarxien fil-liwja li tiġi f'nofs din it-triq, tonqos il-bankina b'madwar pied kull naħa tat-triq peress illi din il-liwja hija perikoluża għax karozza li tgħaddi tispiċċa kważi toħroġ għal nofs it-triq, b'possibbilta' kbira ta' head-on collison ma' karozza li tkun ġejja mid-direzzjoni opposta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jara li jittella' ċint madwar il-parti ta' l-għalqa li tmiss mat-triq fi Triq il-Pellikani, kantuniera ma' Triq ir-Russett f'Ħal Tarxien, peress illi din qed titħalla żdingata?
Jista' l-Ministru jara li titnaddaf din l-għalqa mill-ħmieġ mġemma' fiha li qed ikun ta' detriment għal saħħet l-abitanti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-plot in kwestjoni hija proprjeta' privata, filwaqt li l-area msemmija taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jara li jitkompla x-xogħol ta' tqegħid tal-kanen ta' l-ilma fi Triq San Tumas Tarxien/Fgura li kien beda iżda li waqaf, mill-kantuniera ma' Triq il-Pellikani għad-direzzjoni ta' Ħal Tarxien? Jaf il-Ministru li dan ix-xogħol wieqaf, qed jikkawża inkonvenjent kbir għar-residenti fl-inħawi u għal dawk li jgħaddu minn Triq San Tumas?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13537, jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija u cioe' meta saru dawn l-istudji u riċerki?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li r-riċerka msemmija f'Mistoqsija Parlamentari numru 13537, bdiet issir immedjatament wara l-inċident taċ-Ċirkewwa, u kienet tinkludi wkoll żjara fil-Ġermanja. Saret ukoll xi riċerka dwar x'tip ta' gassijiet jiġu ċċekjati f'pajjiżi oħra, bħal l-Ingilterra.
Dan l-istħarriġ wassal ukoll biex ikun identifikat x'tip ta' apparat hemm bżonn biex ix-xogħol isir b'anqas periklu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk rampa li tagħti għall-baħar u li saret fil-bajja ta' San Ġiljan ħdejn il-pont magħruf bħala "Tal-Banis" u li saret bl-aktar mod traskurat, saritx mill-ħaddiema ta' xi dipartiment li jaqa' taħt id-dikasteru tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid: min ordna li din ir-rampa ssir; kemm ġiet tiswa fi spejjeż; jekk hemmx permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar; jekk kollox sar bla permess x'passi se jittieħdu; u jekk ix-xogħol sar mill-ħaddiema ta' xi dipartiment li jaqa' taħt id-dikasteru tiegħu mingħajr il-proċedura u l-approvazzjonijiet meħtieġa, x'passi se jittieħdu kontra min kien responsabbli li ordna dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol oriġinali ta' dan l-iskall sar mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Sezzjoni tal-Marine fis-snin 1984/1985 jiġifieri ferm qabel ma ġiet stabbilita l-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Minn dak iż-żmien 'l hawn saret ħafna ħsara kawża tal-maltemp u ġiet innotata li saru xi modifiki minn terzi persuni mhux magħrufa.
Jista' l-Ministru jgħid f'din l-aħħar sena fis-segretarjat permanenti għall-ministeru ta' l-Ambjent, kemm siefru uffiċjali? Jista' jgħid min kienu? Fejn marru? X'kienet l-okkażjoni ta' kull żjara? Kemm laħqet l-ispiża f'kull okkażjoni ta' kull individwu nvolut?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13565, jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni, it-tielet u r-raba' parti tal-mistoqsija?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-provvista ta' lbies protettiv, fuq bażi ta' sena b'sena jew xahar b'xahar, tista' tingħata biss mill-"store officer" tad-Dipartiment. Ir-responsabbilta' li jinxtara u jitqassam dan il-materjal hija wkoll tal-"store officer".
Mill-esperjenza ta' din l-aħħar sena jista' jingħad li mhix l-ewwel darba li kien hemm nuqqas ta' xi tip jew ieħor minn dan l-ilbies protettiv. Ħafna drabi dan in-nuqqas ikun wieħed temporanju kkaġunat min-nuqqas ta' ħażna adekwata.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-proġett ta' embellishment tal-proġett tal-promenade ta' Tas-Sliema se jieħu perijodu ta' sena u nofs biex jitlesta, meta oriġinarjament dan kien ippjanat li jitlesta f'iqsar żmien?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-pjan oriġinali ta' upgrading tal-promenade f'Tas-Sliema kien:
L-ewwel fażi, minn ħdejn il-Fortizza sa fejn it-Torri, Novembru 1999 - Ġunju 2000. Il-parti l-kbira tax-xogħol ta' l-ewwel fażi mistenni jitlesta sa l-aħħar ta' Ġunju barra x-xogħol ta' paving li ser jittardja minħabba dewmien fl-għoti tal-kuntratt.
It-tieni fażi, minn ħdejn it-Torri sa fejn il-pjazza ħdejn it-Taormina Kiosk, minn Novembru 2000 sa Ġunju 2001.
Jista' l-Ministru jgħid xi studji saru dwar l-impatt ta' l-irziezet tal-ħut fuq l-ekosistema tal-baħar fejn jinsabu?
Jirriżulta li qed inniġġsu l-inħawi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Kull applikazzjoni għall-irziezet tal-ħut tiġi sottoposta għal studju ta' l-impatt ambjentali bħala parti mill-proċessar ta' l-istess applikazzjoni mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Barra minn hekk, bħala kundizzjoni għal permess maħruġ mill-Awtorita', l-iżviluppatur hu rikjest li jimmoniterja s-sit bil-għan li jiġi stabbilit l-impatt li l-iżvilupp ikollu fuq l-ambjent. Ir-rapporti ta' dan il-monitoraġġ jintbagħat lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jibda u jitlesta x-xogħol ta' embellishment f'Paceville?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fir-rigward ta' xogħol ta' embellishment f'Paceville, fil-preżent perit mid-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija qed jaħdem in kollaborazzjoni ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex jitħejja pjan wieħed għat-tisbiħ ta' Bay Street.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-platform li saret għall-okkażjoni taż-żjara ta' l-Onor. Romano Prodi fil-garage tal-gvern fil-Marsa Job Number 000179 OPM? Jista' jagħti dawn id-dettalji: (1) minn min ġiet ordnata; (2) x'materjal intuża; (3) kemm jiswa l-materjal li ntuża; (4) kemm huwa kkalkolat li laħaq fi spejjeż il-manpower biex saret din il-platform?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-platform li saret għall-okkażżjoni taż-żjara tal-Prim Ministru tas-Slovenia Dr. Janes Drnovsek u li ntużat ukoll għaż-żjara ta' l-Onorevoli Prof. Romano Prodi ġiet tiswa total ta' Lm1268.61, u din ġiet ordnata mill-istess Gvern.
Il-materjal li ntuża huwa Iroko, Marine Plywood u ħadid hollow section u dan laħaq is-somma ta' Lm467.81.
Jista' l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jibda u jitlesta x-xogħol ta' embellishment f'San Ġiljan?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Rigward ix-xogħol ta' embellishment f'San Ġiljan, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li:
1) Saret applikazzjoni lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal
embellishment tal-promenade minn quddiem il-knisja tal-Balluta
sa Spinola. Din l-applikazzjoni tinsab fi stadju ta'
konsultazzjoni bejn l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u l-perit
tat-Taqsima tax-Xogħlijiet.
2) Qed isir studju bl-għajnuna ta' l-esperti Ġermaniżi u uffiċjali
tekniċi oħra fid-Dipartiment tat-Toroq, biex titħejja proposta
għat-titjib u tisbiħ tal-junction fi Pjazza Spinola, San Ġiljan.
Għal dan il-għan, sar 'traffic survey' biex jiġi stabbilit
l-ammont u l-kwantita' ta' traffiku li jużaw dan il-junction importanti.
Jista' l-Ministru jara li ssir xi ħaġa sabiex il-ground ta' quddiem l-iskola primarja ta' Bormla jkun jista' jintuża mingħajr periklu mit-tfal ta' l-istess skola u anke mit-tfal ta' l-akkwati?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jista' l-Onorevoli Interpellant jispjegali għaliex dan il-ground ma jistax jintuża? Ma hemm l-ebda periklu fil-ground. Apparti minn hekk il-ground ingħalaq b'kanċell li huwa taħt il-kontroll ta' l-Iskola Primarja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mal-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu mis-7 ta' Mejju, 1987 sal-25 ta' Ottubru, 1996?
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' mpjieg ingħataw dawn il-ħaddiema?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Bħal ma kelli l-okkażżjoni nirrispondi f'dan it-tip ta' mistoqsijiet, sakemm ma tingħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Dipartiment tad-Drenaġġ — Konsulenti Dorsch Consult
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol ġew imqabbda jagħmlu fid-Dipartiment tad-Drenaġġ, il-konsulenti Dorsch Consult?
Jista' jgħid kif ġiet mogħtija x-xogħol din il-kumpannija u x'inhu l-valur tax-xogħol li se jagħmlu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-konsulenti Dorsch Consult huma 'Project Managers' li ngħataw kuntratt sabiex jiġu segwiti l-proġetti tal-Master Plan tad-Drenaġġ, sa nofs is-sena 2003.
Il-kumpanija ġiet mogħtija x-xogħol wara sejħa għall-offerti li għalqet fit-12 ta' Frar 1998. Il-valur tal-kuntratt jammonta għal Lm607,609.00 li jitħallas fuq perjodu ta' tlett snin.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jintemm ix-xogħol f'St James Cavalier, Valletta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol huwa ppjanat li jitlesta sa l-aħħar ta' Mejju ħlief għal xi xogħol konness ma' materjal li dam biex jasal minn barra. Qed nirreferi prinċiparjament għal ħġieġ li jifforma l-poġġaman tat-taraġ prinċipali. Huwa mistenni li sa l-aħħar ta' Ġunju dan ikun imwaħħal fil-post.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li se jispiċċa x-xogħol ta' embellishment li qiegħed isir f'Tas-Sliema, fil-fażi ppjanata għal din is-sena?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-parti l-kbira tax-xogħol ippjanat fl-ewwel fażi ta' l-upgrading tal-promenade f'tas-Sliema ser ikun lest sa l-aħħar ta' Ġunju.
Ix-xogħol ta' pavimentar tal-promenade ser jaqa' xi ftit lura minħabba li kien hemm dewmien fl-għoti ta' l-offerta għal dan ix-xogħol.