Minbarra l-park nazzjonali u l-area fejn it-teatru miftuħ, jista' il-Ministru jgħid xi pjani hemm biex jissebbħu l-wesgħat frekwentati ġewwa Ta' Qali minn familji Maltin fi ġranet sbieħ tax-xitwa? Hemm il-ħsieb li jinbnew toilets u faċilitajiet oħra biex it-tfal jilagħbu f'ambjent nadif u ta' sigurta'?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-estensjoni tal-Park ta’ Ta' Qali ser ikompli din is-sena bit-taħwil u embellishment tal-parti ta' quddiem l-entratura tal-Park. Hemm pjanijiet anke għar-riabilitazzjoni tar-runway u iktar taħwil fil-parti informali ta' Ta' Qali, li jinkludu toilets u anke playing fields għat-tfal.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17189, jista' il-Ministru jgħid liema xogħol b'kuntratt qed isir fis-sit tal-Magħtab u jagħti lista sħiħa tal-kuntratti, kuntratturi u ħlasijiet li ħadu fis-sena 2005?
Fid-dawl tat-telf ta' impjiegi u ta' telf ta' bejgħ li qed jissokta fl-industrija lokali tat-tjur tas-simna, jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-pjan tal-gvern sabiex din l-industrija terġa' tilħaq lura l-produzzjoni ta' 10 miljun kilo (life weight)?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 17058.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17386 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura u li parti mit-tweġiba tagħha ġiet riferuta lilek, tista' jekk jogħġbok tgħid il-BOV kellhomx xi kondizzjoni mill-MEPA biex jibnu l-Bieb ta' Wignacourt meta applikaw għall-bini tagħhom (taċ-ċentru) fil-post fejn qiegħed? Hemm xi idea fejn qegħdin il-ġebel ta' dan il-bieb li twaqqa' fil-gwerra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-kundizzjoni relevanti ġiet imposta mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fil-permess bin-numru PA 751/00 datat 17/05/2001. Il-kundizzjoni tinqara hekk:
“The applicant shall be deemed to make a bank guarantee of LM50,000 (fifty thousand five hundred Malta liri), prior to the issue of the development permit, to cover the reconstruction of the former Wignacourt Gate or the rehabilitation of the Aquaduct at the discretion/approval of the Planning Authority, and to cover the improvement of the Mdina Road/Fleur De Lys Road roundabout. The design of this junction improvement will be agreed by the Planning Authority, and will include landscaping along the northern boundary of the development. The total amount of the bond will be returned to the applicant subject to completion of the works to the approval and satisfaction of the Planning Authority.”
Fil-fatt din il-bank guaranteesaret.
Għall-aħħar parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari Numru 17386.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid kemm hemm talbiet lill-MEPA mill-awtorita' tad-djar li huma pendenti? Għal liema inħawi jikkonċernaw u għalfejn qed jintalab il-permess? Kemm ilhom li ġew sottomessi tali talbiet? Jista' jagħti n-numru ta' kull applikazzjoni f'kull każ?
Possibbli il-Ministru jwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jieħu passi biex jitneħħa ħajt tal-konkos li bena bidwi ma' l-għalqa tiegħu fit-triq li mill-Magħtab tieħu għal Baħar iċ-Ċagħaq u issa qed jgħarraq it-triq bl-ilma tal-wied li qabel kien jibqa' għaddej?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li hemm diversi toroq li mill-Magħtab jieħdu għal Baħar iċ-Ċagħaq. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika iżjed preċis fejn dan il-ħajt jinstab ħalli jkunu jistgħu jsiru l-investigazzjonijiet neċessarji.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-persuni mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li siefru fuq xogħol uffiċjali matul l-2005? Fejn marru, x'kienet ir-raġuni u kemm kienet l-ispiża għal kull safra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ma nistax nifhem x’utilitá jista’ jkollha l-informazzjoni dettaljata li qed jitlob l-Onorevoli Membru. Għalhekk, kif ukoll għaliex il-ħin estensiv li jkun meħtieġ sabiex tinġabar din l-informazzjoni jista’ jintuża aħjar, ma nħossx li hemm il-ħtieġa li tingħata l-informazzjoni li qed tintalab.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA tieħux ħsieb xogħlijiet li jsiru fuq il-baħar, bħal tħammil u r-rimi tar-radam li qed isir fl-inħawi tal-Freeport? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'għamlet il-MEPA minn mindu beda x-xogħol sal-lum biex tħares il-baħar u l-patrimonju ta' ġo fih u sabiex ix-xogħol isir skond il-permess, jekk huwa l-każ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li kull tip ta' rimi ta' radam fil-baħar jeħtieġ permess mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma għandiex records ta' permessi eżistenti biex isir rimi ta' radam fl-inħawi tal-freeport. Normalment, rimi ta' radam (inert waste) ikun permess biss li jsir fis-sit uffiċjali 'l barra mill-Port il-Kbir u mhux fl-inħawi tal- freeport.
Jista' il-Ministru jgħid x'sorveljanza qed tagħmel il-MEPA fuq il-fish farms li hemm fil-Ħofriet ġewwa Delimara? Jista' jgħid ukoll jekk meta jingħataw permessi għall-fish farms, isirux konsiderazzjonijiet marbuta mhux biss ma' x'impatt negattiv dawn ikollhom fuq il-baħar, imma wkoll dwar il-patrimonju li hemm mistur fl-ibħra Maltin? Kien hemm talbiet li ġew rifjutati minħabba dan il-fatt?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li bħala parti mill-kondizzjoni tal-permess ta’ żvilupp, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tesiġi li jkun hemm programm ta’ monitoraġġ li jiġi esegwit minn konsultenti independenti, għal spejjeż ta’ l-operatur. Il-proċess tal-permessi, li jinkludi l-proċess ta’ Environmental Impact Assessment iqis il-preżenza ta’ oġġetti li huma ta’ valur kulturali. Eżempju huwa l-Blenheim bomber ftit ‘il barra mill-Ħofriet, fejn is-sit tar-razzet tat-tonn li ntgħażel b'mod li dan ikun l-bogħod kemm jista’ jkun mill-ajruplan mġarraf. Il-kondizzjonijiet tal-permess esiġu li jkun hemm monitoraġġ ta’ dan is-sit ta’ importanza kuturali.
B'riferenza għar-rapporti li dehru fil-ġurnali lokali l-"Orizzont" dwar kaxxi (dugħ) maħmuġin u mimlija skart, jista' il-Ministru jifnormani x'irriżulta mill-investigazzjonijiet li għamilt dwar dak li ġie rrapportat u cioe' allegat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-ħasil tal-kaxxi tad-dugħ huwa responsabbiltà tal-kumpanija Pitkali Crates Ltd. Id-Dipartiment ta’ l-Agrikultura flimkien ma' Spettur tas-Saħħa qegħdin jagħmlu spotchecks regolari fuq l-operat tal-ħasil ta’ dawn il-kaxxi. Ir-riżultat ta’ dawn l-ispotchecks mifruxa fuq medda ta’ xahar huwa li minn kull 110 kaxxa spezzjonati nstabu biss medja ta’ 13-il kaxxa nadifa wara l-ħasil. Ta’ min igħid ukoll li ntbagħtet ittra li d-diriġenti tal-kumpanija sabiex jindirizzaw is-sitwazzjoni u jtejbu l-operat tagħhom mill-aktar fis.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għal fuel tal-ministeru, enti, kumpanniji eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu matul l-2005?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2005 il-Ministeru ta’ l-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, li jinkludi dawk id-direttorati kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu inkluż il-Biċċerija, l-Għammieri u ċ-Ċentru ta’ l-Akwakultura f’San Luċjan, ħallas l-ammont ta’ Lm202, 307.41 għax-xiri ta’ fuel.
In-nefqa globali għal fuelli l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għamlet matul s-sena 2005 tammonta għal Lm 26,226.56.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa globali għall-fuel matul is-sena 2005 mill-kumpanija Wasteserv Malta Co Ltd kienet ta’ Lm 36,527.59.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16112 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jikkonferma li l-aquifer fir-Rabat, Malta minħabba l-użu tal-fertilizzant għandu nitrati eċċessivi sa 100mg u anke 300mg kull litru kif jingħad fir-rapport ambjentali Blue Plan (2004) ta' Margat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-programmi, l-inizjattivi, l-iskemi, il-proġetti u x-xogħlijiet li d-dipartimenti tal-gvern u l-enti, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu se jwettqu f'Għawdex sena sena minn din is-sena sa l-2008?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-programmi, l-inizjattivi, il-proġetti u x-xogħlijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħi jitħabbru fil-ħin propizju.
Jista' il-Ministru jivverifika jekk huwiex minnu li f'razzett partikolari il-majjali qegħdin jinqatlu nhar ta' Ħamis u jiddaħlu l-biċċerija nhar ta' Sibt?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-majjali ma jinqatlux fl-irziezet iżda fil-biċċerija biss.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra impressjoni grafika ta' kif suppost jidher il-carpark ta' Qui-si-Sana meta dan ikun lest?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra impressjoni grafika ta’ kif hu maħsub li jsir il-ġnien fi Qui-si-Sana. Dan il-proġett kif propost mill-applikant għad irid jiġi approvat mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) a bażi tad-Development Brief.
Qed inpoġġi wkoll ritratt mill-ajru ta’ kif inhu l-ġnien illum. Meta wieħed iqabbel iż-żewġ immaġni jinduna li l-area tal-ġnien ser tikber b’2350 metri kwadri għaliex iż-żewġ żoni li bħalissa huma surface parking ser isiru parti integrali mill-ġnien.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex id-direttorat għal ħarsien ta' l-ambjent fil-MEPA għadu sal-lum mingħajr direttur wara aktar minn sentejn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Bħalissa l-funzjonijiet ta' Direttur ta' l-Ambjent huma moqdija mid-Direttur Generali ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Kienu nħarġu diversi applikazzjonijiet għal dan il-post, u wara li kien intgħażel persuna addatta, dan irrifjuta l-pożizzjoni. Bħalissa hemm proċeduri għaddejjin sabiex terġa’ tinħareġ sejħa pubblika.
Matul is-sena 2005, jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bdiewa, raħħala/produtturi u sajjieda żgħażagħ reġistrati f'Malta u Għawdex separatament?
Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun iktar speċifiku dwar x’qed ifisser b’ “reġistrati”.
B'riferenza għas-sussidji ta' flus lill-bdiewa, jista' il-Ministru jinformana kemm żdiedet il-produzzjoni lokali tat-tadam għall-ipproċessar matul l-2005 sabiex din tilħaq il-livell tas-27,000 tunnellata? X'effett kellhom dawn is-sussidji biex jivvantaġġjaw iż-żieda fil-produzzjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Għall-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt għal Mistoqsijiet Parlamentari Nru 15914 u 15915.
L-effett li kellhom is-sussidji huwa li l-prezz li ħallsu l-proċessuri għall-materja prima ippermettielhom li jkollhom prodotti li jikkompetu ma' dawk impurtati. Għalhekk setgħu ikomplu l-operat tagħhom, u jiffirmaw kuntratti ma' bdiewa u għaqdiet tal-produtturi għall-provvista ta' tadam għall-ipproċessar mingħajr ma jirrikorru għall-importazzjoni tal-materja prima.
B'riferenza għas-sussidji ta' flus lill-bdiewa, jista' il-Ministru jinformana kemm żdiedet il-produzzjoni lokali tat-tjur tas-simna matul l-2005 sabiex din tilħaq il-livell ta' 10,000 tunnellata live weight? X'effett kellhom dawn is-sussidji biex jivvantaġġjaw iż-żieda fil-produzzjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sussidju li ngħata lill-industrija tat-tjur tas-simna kien intenzjonat sabiex jitraħħsu l-prezzijiet tal-prodott lokali u b'hekk ikun aktar kompetittiv. Il-livell ta’ produzzjoni jiddependi minn fatturi oħrajn importanti fosthom id-domanda fis-suq, il-marketing li jsir minn proċessuri approvati.