Legislature:
Category:
Reset
Active:

Logħob tat-Tazza tad-Dinja

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm qabel iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-World Cup ittieħdet id-deċiżjoni li din u l-ewwel logħba tat-tazza tad-dinja jixxandru fuq TVM? Min ħa din id-deċiżjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li d-deċiżjoni biex jixxandru fuq TVM iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-World Cup u l-ewwel logħoba tat-Tazza Tad-Dinja ittieħdet mill-Management tal-PBS wara li ġie finaliżżat il-ftehim bejn il-Melita Cable u l-PBS dwar ix-xandir ta' dawn l-avvenimenti, u cioe' meta ġie ffirmat il-kuntratt, jiġifieri fit-28 ta' April 2006.

Eurovision Song Contest 2006

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta saret ix-xandira diretta tal-Eurovision Song Contest 2006 kienx hemm engineer tal-PBS fil-Greċja? Jista' jgħid kemm kien hemm nies fil-kontinġent Malti fil-Greċja li ħallas għalihom il-Gvern Malti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ma kienx hemm engineer tal-PBS meta saret ix-xandira diretta tal-Eurovision Song Contest 2006 mill-Greċja u l-Ministeru tiegħi ma kellux nies fil-kontinġent Malti fil-Greċja. Dettalji dwar il-kontinġent Malti fil-Greċja jistgħu jintalbu mill-Ministru konċernat.

Ġarr ta' Vetturi Kummerċjali bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inbigħu biljetti għall-ġarr ta' vetturi kummerċjali kull sena mill-1992 'il hawn skond it-tariffa mħallsa u separatament fuq ir-rotta Imġarr-Sa Maison-Imġarr u fuq ir-rotta Imġarr-Ċirkewwa-Imġarr?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Website

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux ġustifikat li fuq is-sit ta' l-internet tal-ministeru tiegħu qed jiġu attakkati l-Partit Laburista, il-General Workers Union, il-ġurnali "It-Torċa" u "l-orizzont" u l-Onor. Kap ta' l-Oppożizzjoni u Mexxej tal-Partit Laburista Alfred Sant, f'ċerti każi anke b'aġġettivi xejn diċenti u tgħajjir personali, meta dan is-sit huwa ffinanzjat minn fondi pubbliċi tal-gvern u mhux minn fondi tal-Partit Nazzjonalista? Skond it-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 17537 il-Minstru qal li r-responsabbilta' finali ta' dak li jidher fuq is-sit ta' l-internet hija tas-segretarju permanenti u tal-kap tas-segretarjat tiegħu, jista' il-Ministru jgħid jekk itteħdux passi fil-konfront ta' dawn iż-żewġ uffiċjali pubbliċi minħabba li kienu huma responsabbli għall-propaganda partiġġjana kontra l-partit Laburista u l-General Workers Union u tat-tghajjir personali kontra l-Onor. Kap ta' l-Oppożizzjoni u Mexxej tal-Partit Laburista Alfred Sant, fuq website tal-gvern iffinanzjata minn fondi pubbliċi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Websajt tal-Ministeru tiegħi iġġorr l-istqarrijiet ippubblikati mill-Ministeru tiegħi. Ma naqbel xejn li xi waħda minn dawn l-istqarrijiet iġġorr aġġettivi xejn diċenti iżda forsi d-definizzjoni tiegħi u ta' l-Onorevoli Interpellant ta' kif aġġettiv ikun jew ma jkunx diċenti huma differenti. Għaldaqstant ma nqisx li hemm il-ħtieġa ta' xi passi fil-konfront tal-persuni responsabbli mill-websajt tal-Ministeru tiegħi.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Top-up cards

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17379 fejn il-Ministru kkonferma li d-direttur programme development and policy implementationqed jingħata allowance ta' Lm10 f'top-up cards tal-mobile fix-xahar? Jikkonferma jekk dan l-istess uffiċjal hux juża jew kienx juża servizz ieħor tal-mobile bil-kuntratt? Jista' jgħid kemm ingħataw sal-lum globalment top-up cards lil dan l-uffiċjal u l-valur globali tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li d-Direttur Policy Development and Programme Implementation ma jużax servizz ieħor tal-Mobile. Il-Permanent Secretary f'Novembru 2005 approva li, minħabba x-xogħol tiegħu dan id-direttur ingħata Lm10 fix-xahar kumpens għall-użu tal-mobile. B'hekk sa April 2006 ingħata Lm50.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Top-up cards

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17379 fejn il-Ministru kkonferma li l-information management officer fil-ministeru tiegħu qiegħed jingħata allowance ta' Lm10 top-up cards tal-mobile fix-xahar, jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw sal-lum globalment top-up cards lil dan l-uffiċjal u l-valur globali tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-valur tal-kumpens għall-użu tal-mobile phone li ngħata lill-uffiċċjal imsemmi mil-Onor. Interpellant kien ta' Lm60 fl-2005 u Lm10 fix-xahar fl-2006.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Top-Up cards

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17379 fejn il-Ministru kkonferma li qegħdin jinxtraw top-up cards tal-mobile fil-ministeru tiegħu, jista' il-Ministru jgħid jekk dan jistax iwassal għall-abbuż minħabba li top-up cards jistgħu jintużaw faċilment minn terzi persuni u mhux mill-uffiċjali tal-gvern biss?

Response (GATT, AUSTIN)

Ma naħsibx.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Karozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'tip huma l-karozzi uffiċjali tiegħu ? Dawn il-karozzi nkrew jew inxtraw, u jekk inxtraw meta nxtraw u kemm tħallsu flus għalihom? X'inhu n-numru uffiċjali u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-karozzi?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-karozza uffiċjali tiegħi hija Volvo s80 li nxtrat f'Awissu 1999. Għal-prezz ta' Lm14,120 waq li t-tieni karozza hija Ford Focus li qed tinkera. B'riferenza għat-tieni parti tal-mistoqsija l-Onor Interpellant huwa mitlub jindika x'rilevenza għandha dil-parti tal-mistoqsija.

Tecom — Fixed and mobile network

Question

Billi int għedt li Tecom se jinvestu 68m euros f'fixed and mobile network fil-Maltacom sas-sena 2009, tista' tgħid dan l-investiment huwiex se jiġi ffinanzjat permezz ta' direct capital injection jew inkella billi jiġu wtilizzati liquid funds li kellha l-Maltacom li skond il-financial statements sa Diċembru 2005 kienu jlaħħqu għal 62m euros net of loans li kienu circa 50m euros?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress illi l-Maltacom u t-Tecom huma kumpaniji privati, l-Onor. Interpellant jifhem li jiena ma nistax nirrispondi għalihom.

Pembroke — Bini ta' substation

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19378 u jgħid b'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19034 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li parti mir-risposta ġiet riferuta lilek, tista' jekk jogħġbok tgħid jekk il-gvern hux beħsiebu jagħti konsiderazzjoni lill-petizzjoni miġbura mill-kunsill lokali ta' Pembroke kontra l-bini ta' substation fil-car park użat minn Pembroke Athleta Sports club u dan minħabba l-fatt li minbarra li se jkerrah l-ambjent ta' l-akwati se jelimina wkoll il-postijiet ta' parkeġġ li jintużaw mill-membri ta' dan il-klabb u b'hekk se tinħoloq problema ta' parkeġġ u traffiku f'dawn l-akkwati? Tista' tgħid ukoll x'inhi l-pożizzjoni ta' l-Enemalta?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Enemalta ġiet infurmata bl-oġġezzjonijiet li saru sew mill-Kunsill Lokali u anke mir-residenti kontra l-bini taċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni ġewwa Pembroke. Meta l-Kunsill Lokali ssuġġerixxa post alternattiv għal bini ta' dan iċ-Ċentru, l-Korporazzjoni Enemalta kkunsidrata b'mod favorevoli. Madankollu l-MEPA oġġezzjonat peress li din l-art hija barra ż-żona ta' żvilupp. Il-Korproazzjoni Enemalta laħqet ftehim mal-MEPA li ssir 'landscaping' biex dan il-bini ma jkerraħx l-ambjent ta' l-akwati.

Kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19394 u jekk jogħġbu jinvestiga l-kont tad-dawl u l-ilma li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament fejn is-surcharge waħdu telgħa għall- Lm226.84 u l-kont totali huwa ta' Lm622.55?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-post in kwestjoni kien dejjem magħluq u l-meter reader qatt ma rnexxielu jaqra l-meters. Il-konsumatur kien dejjem iħallas l-istimi li kienu baxxi u qatt ma pprovda aċċess għall-meters jew ċempel il-qari tiegħu. Għaldaqstant il-kont li rrefera għalih l-Onor Interpellant huwa għal konsum akkumulat fuq żmien itwal milli jkopri l-kont. Il-kont se jkun riferut lill-Korporazzjoni Enemalta biex din tara hux il-każ li l-ammont ta' surcharge ikun rivedut invista taċ-ċirkustanzi msemmija.

Żebbiegħ — Ġibjuni

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jew le jekk hemmx fondi mill-Unjoni Ewropea li bihom il-ġibjuni ta' l-ilma taż-Żebbiegħ, l/o Imġarr u Għajn Tuffieħa jiġu bbatmati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ma hemmx fondi mill-Unjoni Ewropeja biex isir ix-xogħol fuq il-ġibjuni msemmija mill-Onor Interpellant.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Petrol

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa l-allowance ta' petrol li huma intitolati għalih is-segretarju permanenti, diretturi ġenerali, diretturi, l-assistent personali tiegħu u s-segretarju tiegħu? Kemm nefaq kull wieħed minnhom petrol xahar b'xahar bejn Jannar, 2004 sa Novembru, 2005?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-allowance ta' petrol li huma ntitolati għalih is-Segretarju Permanenti, Diretturi Ġenerali, Diretturi, l-Assistent Personali u s-Segretarju huwa regolat miċ-ċirkulari tal-Ministeru tal-Finanzi 5/1998 u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għaliha. Matul is-sena 2004, in-nefqa globali tal-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti kienet ta' Lm775 filwaqt li n-nefqa tas-Segretarjat tiegħi kienet ta' Lm1067. Matul is-sena 2005 in-nefqa globali tal-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti kien ta' Lm1543 filwaqt li n-nefqa tas-Segretarjat tiegħi kienet ta' Lm819.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Kontijiet tad-Dawl u l-Ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f'kontijiet tad-dawl u l-ilma matul is-snin 2004 u 2005 fil-ministeru tiegħu u fid-dipartimenti li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid għandux pjan kif se jassorbi ż-żieda tas-surcharge fuq id-dawl meta l-vot allokat għal konsum tad-dawl għall-2006 baqa' bħal dak tas-sena 2005? Jista' jgħid kemm kienet in-nefqa fuq bozoz energy savers matul is-snin 2004 u 2005? Jista' jgħid jekk hux qegħdin jittieħdu miżuri sabiex jitnaqqas il-konsum tad-dawl u f'każ li fl-affermattiv x'miżuri qegħdin jittieħdu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-nefqa tal-kontijiet tad-dawl u ilma matul is-sena 2004 u s-sena 2005 huwa kif ġej: DAWL 2004 2005 Lm4,510 Lm11,926 ILMA 2004 2005 Lm663 Lm1,337 Id-Dipartiment qiegħed jagħmel ekonomija mill-użu ta' enerġija (mingħajr ma jtellef xejn mill-effiċjenza tad-dipartiment). L-ispiża għall-konsum tal-elettriku tkun monitored il-ħin kollu. Fejn huwa possibli qiegħed isir bdil ta' bozoz ma dawk 'energy savers'. Matul is-snin 2004 u 2005 ma nxtrawx bozoz 'Energy Savers' sa kemm intużaw xi ftit bozoz normali li kien għad fadal fl-istock. S'issa din is-sena ġa ġew mibdula numru sostanzjali ta' bozoz normali ma oħrajn Energy Savers. Qed jiġi studjat kif titnaqqas sostanzjalment in-nefqa tad-dawl u ilma.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi membri fil-private staff u d-dekasteru tiegħu li qegħdin jiġu sponsorjati mill-istess ministeru għal xi tip ta' studju, kemm Malta kif ukoll barra minn Malta? F'każ li fl-affermattiv, kemm hi l-ispiża, kemm hemm u min huma l-persuni, xi grad huma u min awtorizza l-ispiża?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li bħalissa l-Ministeru tiegħi qed jisponsorja żewġ uffiċċjali. Wieħed qed jistudja għal Doctorate in Business Administration u l-ieħor International Bachelor Information System – BCIS. Fl-ewwel każ dan huwa part – sponsorship ta’ Lm3,600 mibni fuq 4 snin, bil-bqija ta’ l-ispiża titħallas mill-uffiċċjal innifsu. Fit-tieni każ, dan huwa sponsorship ta’ Lm2,600 fuq perjodu ta’ sena u nofs. Il-Grad tal-uffiċċjali konċernati huma ta’ Senior Prinipal, li bħalissa qed jaqdi dmirijiet ta’ Head Secretariat, u ta’ Skrivan. Dawn ġew approvati skond il-proċeduri stabbiliti.

MIA — Interviews

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord li qegħdin jagħmlu l-interviews għall-officers u assistant officers fil-Malta International Airport? Jista' jgħid hux minnu li quddiem dan il-bord kienet intervistata qariba ta' wieħed mill-membri tal-bord ta' l-għażla?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12068

Imġarr, Għawdex — Sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata s-sistema tad-drenaġġ fi Triq ix-Xatt, fl-Imġarr, Għawdex meta sal-lum dan dejjem qed ifur minn fosos bil-konsegwenzi li qed ikun ta' detriment għas-saħħa ta' kulħadd, inkluż turisti li qegħdin jinżlu mit-triq il-ġdida tal-Moll ta' l-Imġarr, Għawdex?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma miexja bid-disinji tas-sistema ġdida li ser issir ġewwa l-Imġarr Għawdex kollu. Preżentament ma hemm l-ebda sistema għajr dik privata ta' fosos. Hija r-responsabilta tas-sidien tal-propjeta li ma jħallux il-fosos ifuru. Ix-xogħol fuq is-sistema il-ġdida ser issir waqt il-kostruzzjoni tat-Triq tal-Imġarr.

Impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid fejn waslu t-tħejjijiet għall-bini ta' tliet impjanti ġodda għat-tisfija tad-drenaġġ? Meta mistenni jibda x-xogħol fuq kull wieħed minn dawn l-impjanti? Kemm se jkun jista' jipproduċi ilma kull impjant? Kemm mistennija tkun in-nefqa fuq kull impjant u jekk il-flus hux se joħroġhom kollha l-gvern Malti? Meta mistenni jitlesta x-xogħol fuq kull impjant?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol fuq l-impjant t'Għawdex inbeda fi Frar ta' din is-sena u għandu jitlesta għal nofs is-sena 2007. In-nefqa kapitali fuq l-impjant tammonta għall-madwar 3.2 miljun Lira Maltin. Wieħed u ħamsin fil-mija ta' l-ammont huwa kopert minn fondi ta' l-Unjoni Ewropeja. L-impjant ser jipproduċi madwar 6,000 metru kubu ta' ilma kuljum. Ix-xogħol fuq l-impjant fit-Tramuntana ta' Malta inbeda f'Mejju ta' din is-sena u mistenni jitlesta għal nofs is-sena 2007. In-nefqa kapitali mistennija tilħaq l-4 miljun Lira Maltin. Il-proġett huwa ffinanzjat mill-ħames Protokol Taljan. Dan l-impjant ser jipproduċi madwar 7,000 metru kubu ta' ilma kuljum. L-Impjant fin-Nofsinhar ta' Malta qiegħed fl-istadju ta' disinn preliminari. L-iffinanzjar ta' l-impjant għadu qed jiġi deċiż. Dan l-impjant ser jipproduċi madwar 50,000 metru kubu ta' ilma kuljum.

Qtugħ tas-servizz tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni li nqatalhom is-servizz tad-dawl u l-ilma din is-sena? Kemm hawn persuni u stabilimenti li waqgħu lura fil-ħlasijiet tal-kontijiet tagħhom illum?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-ewwel tas-sena sa l-4 ta' Mejju 2006, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ssospendiet 304 servizz domestiku tad-dawl u 300 servizz domestiku ta' l-ilma fil-waqt li hemm 7,386 kont domestiku li waqgħu aktar minn tlett xhur lura fil-ħlas. Minn naħa tal-Korporazzjoni Enemalta inqatgħu 226 servizz ta' l-elettriku sal-aħħar ta' April 2006.