Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCCAA – każijiet il-Qorti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il liġi l-MCCAA tħares u kemm resqet każijiet il-Qorti mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum għal xi infrazzjoni ta’ xi waħda mil-liġijiet li hija tenforza?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-MCCAA tenforza dawn il-liġijiet: L-Att dwar il-Kompetizzjoni L-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur L-Att dwar Kuntratti fuq l-Għatba tal-Bieb L-Att dwar Sigurezza ta’ Prodotti L-Att dwar il-Metroloġija L-Att dwar Deskrizzjonijiet Kummerċjali L-Att dwar il-Kontroll tal-Pestiċidi Mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-llum, l-Awtorita’ resqet 5 każijiet il-Qorti fuq ksur ta’ xi waħda minn dawn il-liġijiet. Ma nbdewx proċeduri ġudizzjarji oħra wara din id-data.

Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumaturi – tul ta’ każijiet sakemm jinqatgħu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid bħala medja, kemm jieħu żmien każ minn meta l-konsumatur iresqu quddiem it-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumaturi sakemm jinqata’ d-deċiżjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li kull każ huwa soġġettiv fil-mertu tiegħu għaldaqstant wieħed ma jistgħax jasal biex jagħti medja ta’ kemm każ partikolari jieħu żmien. Ċerti każijiet jintlaħaq ftehim bejn iż-żewġ partijiet waqt is-seduta stess, oħrajn wara seduta jew tnejn u il-każ jgħaddi għas-sentenza u oħrajn ikunu pendenti fit-tul minħabba: · Rikorsi għal differimenti meta xi parti ma tkunx tista’ tattendi minħabba raġuni valida · Rapporti ta’ esperti tekniċi · Bżonn ta’ aktar provi · Bżonn ta’ persuni li jagħtu evidenza fil-kawża

MCCAA – ilmenti sottomessi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’dawn l-aħħar ħames snin, sena b’sena, kemm-il ilment ġew sottomessi għand l-MCCAA minn konsumaturi li jikkonċernaw: a) Il-kwalità ta’ after sales services ; b) Rispett tal-garanzija legali c) Reklamar qarrieqi; d) Termini u kundizzjonijiet sfavorevoli għall-konsumaturi; e) Prattiċi kummerċjali mhux ġusti f) Nuqqas ta’ wiri ta’ prezz ta’ prodotti offruti għall-bejgħ; g) Servizz mhux sodisfaċenti fit-telefonija mobile; h) Servizz mhux adegwat tal-internet; u i) Terminazzjoni tas-servizz fil-qasam tal-komunikazzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li statistika kif qed jitlob hu ma tinżammx. Iżda l-istatistika li tista tipprovdi l-MCCAA u li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra hija skont il-kategoriji tal-ilmenti kif mitluba mill-Unjoni Ewropea.

Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumaturi – każijiet deċiżi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il każ iddeċieda t-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumaturi mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum? Kemm minnhom inqatgħu favur il-konsumatur u kemm minnhom inqatgħu favur il-kummerċjant? Kemm minn dawk id-deċiżjonijiet li nqatgħu favur il-konsumatur ġew rispettati mill-kummerċjant? Tista’ tgħid x’passi ħadet l-MCCAA f’dawk il-każijiet li d-deċiżjonijiet tat-tribunal ma ġewx onorati mill-kummerċjanti fil-konfront tal-konsumaturi?

Response (DALLI, HELENA)

Il-każijiet deċiżi mit-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum kienu mitejn u tnax (212). Minn dawn kien hemm tnejn u disgħin (92) li nqatgħu favur il-konsumatur, seba’ u sebgħin (77) favur il-kummerċjant u tlieta u erbgħin (43) in parte. Minn dawn s’issa kien hemm erbgħatax (14)-il konsumatur li nfurmaw lill-Uffiċċju li l-kummerċjant ma kienx onora d-deċiżjoni tat-Tribunal. L-Uffiċċju se jippublika l-ismijiet ta’ dawk il-kummerċjanti li ma jkunux ħadu passi biex jikkonformaw mad-deċiżjonijiet tat-Tribunal.

MCCAA – Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – persuni impjegati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni jaħdmu fl-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-MCCAA?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li hemm 43 persuna jaħdmu fl-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur. Minn dawn hemm 22 persuna full time u 21 part time.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista ta' ideat u proġetti ġodda li se jitressqu mill-aġenziji, l-awtoritajiet, l-azjendi u l-kumpaniji li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha biex jitwettqu minn fondi Ewropej?

Response (DALLI, HELENA)

Ngħid lill-Onor. Interpellant biex jekk jogħġobha tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — top management positions

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-persuni li kienu jokkupaw top management positions fid-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha u li l-kuntratt tagħhom jew twaqqaf jew ma ġiex imġedded wara li skada mid-9 ta’ Marza s’issa? Tista’ tipprovdi lista ta’ nies li ġew appuntati għal top management position mid-9 ta’ Marzu s’issa?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema management postions qed jagħmel referenza għalihom.

Ministeru għad-Djalog Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — lista ta' direct orders

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 7056 u tagħti, sena b’sena, lista kollha ta’ direct ordersli ngħataw mill-Ministeru, inkluż mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, minn Settembru 1998 sat-8 ta’ Marzu 2013?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba

MCCAA – prezzijiet tal-mediċini/farmaċewtiċi

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista tal-mediċini/farmaċewtiċi li roħsu fil-prezzijiet mill-bidu ta’ Marzu 2013 sal-lum permezz tal-Ħidma tal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)? Tista’ tippubblika l-prezzijiet ta’ dawn il-mediċini/farmaċewtiċi li roħsu u b’kemm roħsu?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li kont tajt għall-mistoqsija parlamentari 4822.

Tribunal dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur – talbiet sottomessi

Question

Tista’ l-Ministru tagħti d-dettalji dwar kemm kienu n-numru ta’ talbiet li ġew sottomessi quddiem it-Tribunal dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur matul l-2010, l-2011, l-2012 u l-2013 separatament? Kemm minn dawn il-każijiet ġew deċiżi? Kemm minnhom ġew deċiżi favur il-konsumatur? Kemm hu n-numru ta’ każijiet pendenti li hemm bħalissa quddiem dan it-Tribunal?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba

Ex Malta National Laboratory — likwidazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħd fejn waslet il-likwidazzjoni tal-ex- Malta National Laboratory? Jekk din għadha ma saritx, għalfejn ma saritx u x’qed iżomm milli din issir?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess tal-likwidazzjoni għadu għaddej. Bħalissa qed isir l-awditjar tal-'accounts' tal-Malta National Laboratory. Wara dan il-likwidatur ikompli bix-xogħol tiegħu. F'dan l-istadju mhux magħruf meta l-likwidatur mistenni jikonkludi l-likwidazzjoni.

MCCAA – ċertifikazzjoni ta’ standard internazzjonali

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7276, tista’ l-Ministru tgħid meta sar l-aħħar awditjar tal-ISO 9001 mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u li hija l-entità akkreditata li tiċċertifika għall-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħħar awditjar tal-kumpanija msemmija sar fil-11 ta’ Marzu 2013. L-awditjar li jmiss għandu jsir f’Marzu li ġej.

Nefqa fuq vjaġġi barra minn Malta

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet is-somma li ntefqet fi vjaġġi barra minn Malta matul l-2013 liema ċifra għandha tinkludi wkoll in-nefqa fi trasport, per diem, assikurazzjoni tal-ivvjaġġar, parkeġġ u spejjeż oħra relatati ma’ dawn il-vjaġġi?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili matul is-sena 2013 nefaq is-somma ta’ tletin elf, erba’ mija u tlieta u erbgħin ewro (30,443 ewro) fuq safar.

Nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jaħdmu fis-settur pubbliku bħalissa? Kemm kien hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet qabel l-10 ta’ Marzu 2013?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Proġett Gender Balance in Decision Making

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-miri tal-proġett Gender Balance in Decision Making li qed tmexxi l-NCPE permezz tal-fondi mill-Unjoni Ewropea (ESF3.196)? Tista’ tgħid ukoll min rebaħ is-Service Tender for Research and Policy Recommendation Services marbut ma’ dan l-istess proġett?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miri tal-Proġett Gender Balance in Decision Making huma: - Li jiżdied in-numru ta’ nisa li jokkuppaw pożizzjonijiet li jirrikjedu teħid ta’ deċiżjonijiet - Li titrawwem fin-nisa l-konvinzjoni li jistgħu jidħlu għal pożizzjonijiet ta’ teħid tad-deċiżjonijiet - Li tingħata l-għajnuna u l-pariri meħtieġa lill-policy makers dwar il-bilanċ bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Is-Service Tender for Research and Policy Recommendation Services għadu qed jiġi evalwat u għaldaqstant dan it-tender għadu ma ingħatax.

Marka tal-Ugwaljanza — kumpaniji

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm kumpaniji f’Malta li ħadu l-Marka tal-Ugwaljanza? Tista’ tgħid sena b’sena kemm kien hemm kumpaniji li ħadu l-istess marka minn meta bdiet din l-iskema fl-2010 sal-lum?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Equality Mark kien ġie żviluppat fi ħdan il-proġett tal-Fond Soċjali Ewropew Unlocking the Female Potential li kien implementat bejn l-2008 u l-2012. Waqt dan il-perjodu l-NCPE kienet ingaġġat uffiċjal sabiex jieħu ħsieb il-promozzjoni tal-Equality Mark. Xogħolu kien intemm mat-tmiem tal-proġett. Is-sena l-oħra ġew iċċertifikati dawk il-kumpaniji li kienu lesti kif ukoll sar x-xogħol fuq il-proċess ta’ riċertifikazzjoni ta’ kumpaniji li diġa għandhom l-Equality Mark, liema proċess irid isir kull sentejn. Bħala totali kien hemm erba’ u ħamsin (54) kumpanija li ħadu l-Marka tal-Ugwaljanza mindu bdiet din l-iskema. Sena b’sena dawn kienu mqassma hekk: 2010 : 10 kumpaniji 2011 : 22 kumpanija 2012 : 19-il kumpanija 2013 : 3 kumpaniji

NCPE — Budget

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 4484 u tgħid jekk il-budget tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni ta' l-Ugwaljanza (NCPE) approvat f’April ġiex imnaqqas wara l-approvazzjoni tal-istess budget? Jekk iva b’kemm u x’kienet ir-raġuni

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-prattiċi użati mill-gvern preċedenti il-Ministeru għall-Finanzi kien informa lil dan il-Ministeru li mill-Budget allokat għas-sena 2013 għall-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) tnaqqset is-somma ta’ tletin elf ewro (30,000 ewro).

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — direct orders

Question

Tista’ l-Ministru tagħti l-lista ta’ direct orders kollha li ngħataw mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha mid-9 ta’ Marzu 2013 sad-9 ta’ Jannar 2014?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — lista ta' varjazzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti, sena b’sena (bejn l-2008 u t-8 ta' Marzu 2013), lista ta’ varjazzjonijiet kollha li ngħataw mill-Ministeru inkluż mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? Tista’ tagħti n-natura tal-kuntratt, min ingħata dan il-kuntratt, il-valur oriġinali tal-kuntratt u l-valur finali tal-kuntratt?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.