Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kera ta' postijiet tal-gvern

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi s-sitwazzjoni għal dawk li jsibu jikru u jistgħu japplikaw għas-sussidju governattiv tal-kera iżda s-sid ma jkunx irid jikrilhom għax bis-sussidju u allura ismu jkun magħruf mal-gvern għall-iskop ta' taxxa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Persuna ma tistax tibbenefika minn sussidju fuq il-kera ta' fond mikri mill-privat jekk ma tipproduċix riċevuta tal-kera u/jew il-kuntratt tal-kera.

Akkomodazzjoni Alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta se tiġi kkonsidrata l-applikazzjoni ta' koppja anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li r-raġel hu marid serjament, li kellhom jitilqu mid-dar ikkundannata tagħhom fl-Isla u issa qed ikollhom jgħixu bi tbatija f'kera privata ta' Lm100 fix-xahar b'pensjoni ta' Lm250 fix-xahar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-applikazzjoni għal akkomodazzjoni alternattiva, ninsab infurmata li din qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' oħrajn simili. Inżid ngħid li ninsab infurmata li f'Awissu 2003, il-koppja ndikata mill-Onor. Interpellant kienet applikat taħt Skema 5 ta' l-Awtorita' tad-Djar għal sussidju fuq xogħlijiet ta' rranġar u titjib fi djar privati mikrija lill-inkwilini. Din l-applikazzjoni kienet approvata u kienet determinata s-somma dovuta. Jirriżulta lill-Awtorita' li dawn sabu diffikulta' biex isibu l-kuntratturi għax-xogħlijiet u f'Marzu 2004 infurmaw l-Awtorita' li kienu ddeċidew li se jmorru jgħixu f'post ieħor. Din il-koppja ma għamlet ebda kuntatt ieħor ma l-Awtorita'. L-Onor. Interpellant jista' jagħti parir lil din il-koppja li tista' tapplika l-Awtorita' tad-Djar għas-sussidju tal-kera fuq ir-residenza li qed tgħix fiha preżentement.

Isla — Binja San Filippu

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-binja San Filippu, Triq is-Sirena, l-Isla, hix milquta mil-liġi "possession and use" ? Jekk fl-affermattiv, din il-proprjeta' tista' tinxtara?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Bormla — Binja San Nikola

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk hemmx ħsieb li jsirx aġġornar tal-binja San Nikola, Bormla? Tista' tara li l-ħsarat li hemm fuq il-bejt, permezz tas-saqaf ta' l-appartament ta' taħtu, liema appartament għandu d-dettalji mehmuża, jiġi rranġat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt il-mistoqsija ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga dwar iż-żewg talbiet u jieħu l-azzjoni meħtieġa.

Awtorita' tad-dar — Applikazzjoni għall-bini f'Ħaż-Żabbar

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk saritx applikazzjoni mill-awtorita' tad-djar jew mid-dipartiment tal-bini u kostruzzjoni tal-gvern quddiem il-MEPA f'Ħaż-Żabbar? Jekk fl-affermattiv, meta saret l-applikazzjoni, x'mistenni jinbena, meta mistenni jinbeda x-xogħol, kemm mistenni jiġi jiswa? Tista' tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjani u l-applikazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar għandha applikazzjoni waħda mal-MEPA dwar binja f'Ħaż-Żabbar. Din l-applikazzjoni tirrigwarda proposta għal bini ta' 36 appartament u 28 garaxx. Peress li l-applikazzjoni għadha fil-fażi inizjali, hu kmieni wisq biex wieħed jagħti aktar dettalji.

Birżebbuġa — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tara li l-persuna minn Birżebbuġa, bid-dettalji mehmuża, li ma taħdimx u qed ikollha tħallas kera ta' Lm150 fix-xahar, tiġi mogħtija post mid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni tal-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' oħrajn simili.

Bormla — Servizz ta' care and repair

Question

Tista' il-Ministru tara li l-persuna minn Bormla bid-dettalji mehmuża, tibbenefika mill-inizjattiva care and repair?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ma jirriżultax mir-rekords ta' l-Awtorita' tad-Djar li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair. Ninsab infurmata wkoll li, b'dankollu fil-futur qarib l-Awtorita' ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.

Sigurta' Soċjali — Children's allowance

Question

Tista' il-Ministru tara li jinħareġ iċ-cheque ta' children's allowance lil familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.

Maternity leave

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm nisa ħadu l-14-il ġimgħa maternity leave fis-settur pubbliku u fis-settur privat sena b'sena, mill-2000 sal-lum? Tista' tgħid kemm sewa kull sena dan il-maternity leave separatament għas-settur pubbliku u għas-settur privat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-istatistika miżmuma mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali tirrigwarda persuni li jirċievu l-Benefiċċju għall-Maternita' u mhux dwar minn jieħu l-leave għall-maternita'. Ebda Dipartiment jew entita' li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ma jżommu statistika kif mitluba mill-Onor. Interpellanti.

Dar biex takkomoda lill-immigranti irregolari

Question

Tista' il-Ministru tiċħad jew tikkonferma li d-dar li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, se tintuża biex takkomoda lill-immigranti irregolari u/jew refuġjati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nikkonferma li d-dar indikata mill-Onor. Interpellant ser tintuża biex takkomoda immigranti rregolari kkunsidrati bħala vulnerabbli u preċiżament familji bit-tfal u minuri mhux akkumpanjati.

Ta' Pennellu, Mellieħa — Stallar ta' Lift

Question

Tista' il-Ministru tara li jiġi investigat l-istallar tal-lift fi Block B3 fil-Qasam ta' Pennellu, Mellieħa peress li mhux jaħdem tajjeb u jirriżulta minn spezzjoni teknika tiegħu, dettalji qed jintbagħtu separatament, li sar xogħol ħażin oriġinarjament meta twaħħal u issa qed jikkaġuna problemi għar-residenti minkejja li l-kuntrattur tħallas għax-xogħol tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar irċeviet l-ewwel ilment dwar il-liftindikat mill-Onor. Interpellant fis-26 ta' Settembru 2006 minkejja li kien ilu jintuża mit-22 ta' Ġunju 2005. Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita' talbet lill-inġinier tagħha biex jispezzjona l-liftu jistħarreġ l-ilmenti tar-residenti. Dawn ta' l-aħħar jiġu nfurmati bir-riżultat hekk kif l-Awtorita' jkollha r-rapport ta' l-inġinier.

Każ dwar tifel b'diżabilita'

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta se tinħareġ l-allowance tad-disabilita' lil tifel li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.

Dipartiment tad-Djar

Question

Tista' il-Ministru tinvestiga l-każ ta' housing ta' mara anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li toqgħod ma' binha u qed tħallas Lm100 kera fix-xahar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' oħrajn simili. Ninsab infurmata wkoll li din il-persuna ilha tibbenefika mis-sussidju fuq il-kera minn Lulju 2006.

Saqaf ta' garaxx tal-gvern

Question

Peress li xhur ilu ġejt imwiegħed f'risposta għall-mistoqsija parlamentari li se ssir spezzjoni ta' garaxx tal-gvern li għandu mikri għandu persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minħabba periklu ta' saqaf bil-ħsara, tista' il-Ministru tgħid meta se ssir l-ispezzjoni meħtieġa peress li baqgħet ma saritx?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-ispezzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant trid issir mid-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni fit-Taqsima tax-Xogħlijiet fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, peress li l-fond mhux wieħed residenzjali. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Tpartit ta' appartament

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'irid isir sabiex il-persuna li tokkupa flat b'kera f'Ħal Farruġ li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibdel ma ieħor f'Ħ'Attard?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Onor Interpellant għandu jagħti parir lill-persuna ndikata biex jagħmel talba formali biex jibdel il-post fil-Customer Care Section tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

ETC — Persuni boarded-out

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm ġew boarded out persuni din is-sena, kemm dawk li kienu qed jaħdmu u kemm dawk li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li din is-sena, sal-15 ta' Settembru, n-numru totali ta' persuni li ħadu għall-ewwel darba Pensjoni għall-Invalidita' mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, kien 489.

Awtorita' tad-Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'sar mill-applikazzjoni tal-persuna, li hi mara anzjana minn Ħaż-Żabbar, u bid-dettalji qed jintbagħtu separatament li bħalissa qed tgħix f'garaxx ix-Xgħajra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal applikazzjoni għal akkomodazzjoni alternattiva, ninsab infurmata li, skond ir-rekords tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali, ma jirriżultax li l-persuna ndikata qed tgħix f’garaxx. L-Onor. Interpellant jista’ jagħti parir lil din il-persuna li tmur il-Customer Care Section ta’ l-imsemmi Dipartiment biex temenda l-applikazzjoni tagħha.

Housing Department

Question

Tista' il-Ministru tara li l-housing department jirranġa katusa ta' mara anzjana li tinsab waħedha u li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Applikazzjoni ma' l-Awtorita' tad-Djar

Question

Tista' il-Ministru tara li jitmexxa każ li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament peress li minn Jannar qatt ma kellha risposta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li peress li l-proprjeta' li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant applikat biex tixtri taħt l-iskema Sir Sid Darek hi amministrata mid-Dipartiment ta' l-Artijiet, l-Awtorita' tad-Djar trid tistenna li tirċievi awtorizzazzjoni minn dan id-Dipartiment qabel ma tkun tista' tkompli tipproċessa l-applikazzjoni.

Każ dwar Pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tat lid-dipartiment id-dokumenti neċessarji ħalli tkun mgħarrfa dwar il-pensjoni tagħha? Tista' din l-anzjana tiġi informata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.