Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li rreġistraw il-proprjeta tagħhom fl-iskema li kien hemm tul l-ewwel xahrejn tas-sena għal reġistrazzjoni volontarja tal-propjeta? Jista' jaqsamhom lokal b'lokal?
Response (BORG, TONIO)
L-iskema volontarja ta` reġistrazzjoni ta` proprjeta` fil-Belt Valletta, Floriana, Birgu, Bormla u l-Isla fetħet fit-12 ta` Novembru 2001 u għalqet fit-28 ta` Frar 2002 peress li ġiet estiża.
Ninsab infurmat illi l-ammont ta` applikazzjonijiet li saru minn sidien li wrew interess li jirreġistraw il-proprejta` tagħhom huwa kif ġej:
Belt Valletta 470
Floriana 329
Birgu 275
Bormla 690
L-Isla` 384
Jista' l-Ministru jgħid min hu responsabbli mill-huts u kmamar li kienu tas-servizzi ingliżi f'Għajn Tuffieħa u li sa ftit ilu kienu mifthuħin tant li kienu jintużaw temporanjament għar-rikrejazzjoni minn familji li kienu jmorru fl-inħawi?
Billi huwa allegat li dawn ġew magħluqin dan l-aħħar tista' tindika jekk dawn ġewx magħluqin mill-gvern innifsu jew minn membri tal-pubbliku illegalment?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi f`Għajn Tuffieħa hemm diversi huts u kmamar li kienu tas-servizzi Ingliżi u dawk kollha jaqgħu f`waħda jew oħra minn tlett areas li huma separatament mogħtija mill-Gvern b`ċens temporanju lil Ħal Ferħ Holidays Co. Ltd., lill-Assoċjazzjoni tal-Iscouts u lill-Partit Laburista Malti.
Jista' l-Ministru jgħid b'kollox kemm hemm lukandi li allegatament ħadu beach concessions akbar milli suppost kienu intitilati għalihom?
X'passi qed jittieħdu mill-awtoritajiet dwar dan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment ta` l-Artijiet ma jirriżultalux illi xi lukanda ħadet 'beach concession' akbar milli hi intitolata għaliha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma t-talbiet pendenti li għandha quddiemha l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għall-iżvilupp tat-tuna penning fl-ibħra tal-kosta tas-sajd Maltija? Kemm ilhom pendenti dawn l-applikazzjonjiet u x'kienet ir-raġuni li ġew approvati applikazzjonijiet oħrajn li saru wara dawn it-talbiet? Meta fil-fatt l-Awtorita' se titratta dawn l-applikazzjoniijiet tat-tuna penning pendenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħalissa hemm 7 applikazzjonijiet għall-iżvilupp tat-tuna penning li qegħdin quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar li tnejn minnhom għadhom mhux validati.
Iż-żmien illi ddum applikazzjoni sakemm tittieħed deċiżjoni dwarha hu rregolat mill-Att dwar l-Ippjanar; dan ivarja skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, u ta` kemm idum l-applikant sakemm jgħati l-informazzjoni kollha meħtiega. Għalhekk, l-Awtorita` mhix marbuta illi tikkunsidra l-applikazzjonijiet skond id-data ta` meta ntefgħet l-applikazzjoni, jew id-data illi ntefgħet xi applikazzjoni oħra, imma tieħu d-deċizjoni meta l-informazzjoni (li tkun aċċetabbli) tingħata lill-Awtorita` u wara li l-konsultazzjonijiet meħtieġa jkunu saru.
Irid jingħad li fit-3 ta` Mejju 2001, wara konsultazzjoni ma` dipartimenti u agenziji oħra, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar iddeċidiet li ma jiġux deċiżi applikazzjonijiet ġodda, li jidħlu wara dik id-data, għal siti anqas minn 1 mil nautiku jew f`sit fejn il-fond tal-baħar ikun anqas minn 50m, sakemm tkun ifformulata Policy Nazzjonali dwar l-Akwakultura, flimkien ma` l-Awtorita` Marittima, id-Dipartiment tas-Sajd, iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Akwakultura, id-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Ambjent u l-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp. Din il-policy hija mistennija li titlesta fl-aħħar ta` dan ix-xahar.
L-Awtorita` qed tkompli bl-ipproċessar ta` dawn l-applikazzjonijiet li jrid jingħad li jikkonformaw mal-kundizzjoni deċiża. Sadanittant l-applikazzjoni PA 6330/99 tal-Mediterranean Tuna Ltd. ser tiġi diskussa mill-Bord tal-Awtorita` fis-seduta tad-19 ta`April 2002, wara li tlesta r-rapport tad-Direttorat a bażi tal-informazzjoni sottomessa mill-applikant u l-aġenziji kkonsultati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti is-sena l-oħra fuq reati konessi mad-droga?
X'tip ta' reati kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2001, kien hemm 341 persuna li ġew imressqa quddiem il-Qorti fuq reati konnessi mad-droga. Minnhom 110 kienu akkużati bi traffikar filwaqt li l-231 l-oħra kien akkużati b`pussess.
Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl ta' rapporti fil-media li ġew ornati 70 bullet-proof vest għall-pulizija, jista' jgħid kemm minnhom se jkunu jistgħu jintkisbu minn nisa fil-korp tal-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-bullet proof vests jistgħu jintlibsu minn kull membru tal-Korp, skond ma tkun il-ħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser isir il-ħlas ta' kumpens għall-fond 6 Triq l-Ajkla Bormla li kien ittieħed sabiex sar il-proġett ta' slum clearance f'Bormla?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment ta` l-Artijiet qiegħed fil-proċess li jistabbilixxi l-valur tal-fond imsemmi, biex tkun tista` titkompla l-proċedura neċessarja u jitħallas il-kumpens dovut.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-PQ 31737 dwar shooting ranges?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-1997 `l hawn, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar approvat 2 applikazzjonijiet għal shooting ranges. Id-dettalji ta` dawn il-każijiet jidhru hawn taħt:
5011/97 Site at Triq Għajn Melel, Żebbuġ, Gozo
3612/97 Site at Triq il-Qortin Isopo, Nadur, Gozo
Infurmat ukoll illi bħalissa quddiem l-Awtorita` ta` l-Ippjanar, hemm 6 applikazzjonijiet pendenti għal dan it-tip ta` żvilupp.
F`Diċembru 2001 l-Awtorita` ippublikat topic paper (għal kummenti tal-pubbliku) fuq ir-rikrejazzjoni u l-ħin liberu.
L-Awtorita` tirrikonoxxi l-importanza ta` dan l-isport u fil-fatt qiegħda fil-proċess li tfassal policy paper fuq shooting ranges.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari nru. 32374, jista' jispjega kif il-pulizija se tivverifika jekk il-karozzi li jkunu ipparkjati fl-Imdina humiex ta' persuni mill-Imdina skond kif titlob il-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Naħseb illi t-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 32374 hija ċara biżżejjed.
Jista' l-Ministru jgħd jekk hemm xi ħsieb li toħroġ white paper fuq l-armi awtomatiċi? U jekk hu hekk, kif sejra taffettwa d-dilettanti li jġemgħu dawn l-armi bħala delizzju?
Response (BORG, TONIO)
Il-White Paper dwar "Att ġdid dwar l-Armi" li fih il-proposti tal-Gvern għal liġi ġdida li tirregola l-pussess u ġarr ta` l-armi f`Malta ġiet ippublikata fis-26 ta` Marzu 2002.
Jista' l-Ministru jgħidli fiex waslu l-investigazzjoni li kellhom jsiru dwar il-fond imsemmi fil-mistoqsija parlamentari nru. 31869?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li minn informazzjoni addizzjonali li rċieva l-Uffiċċju Konġunt mingħand il-Fondazzjoni għal Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, mhux il-każ li l-fond huwa okkupat minn squatter.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fond li d-dettalji tiegħu qed jingħataw taħt separate cover u li kien għadda f'idejn il-gvern wara l-ftehim li sar mal-Knisja dwar proprjeta' immobbli, ġiex trasferit lil xi ħadd? Jekk iva, lil min u taħt liema titolu? Kienet pubblikata xi tender, u jekk iva fejn? Jekk le, jista' jgħid jekk dan l-aħħar sarux xi xogħolijiet ta' żebgħa fuq il-bieb ta' barra u l-gallarija? Jekk iva, dawn ix-xogħolijiet saru mill-gvern jew minn ħaddieħor?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-kera fuq il-fond imsemmi qed titħallas kif kien indikat mill-Enti Ekklesjastiku li kien jamministra dik il-proprjeta` qabel m`għaddiet għand il-Gvern. L-Uffiċċju Konġunt la ħareġ sejħa għal offerti u lanqas m`għamel xi xogħolijiet ta` żebgħa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq il-Bettija, Ħ'Attard, li tidher fil-ħarġa tal-gazzetta tal-gvern tat-18 ta' Mejju 2000, hijiex proprjeta' tal-gvern jew tal-privat?
Jekk tal-privat, jista' jagħti indikazzjoni dwar min huwa s-sid ta' din it-triq?
Jista' jgħid min ħallas għax-xogħol li sar biex jitwaħħlu arbli tad-dawl f'din it-triq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-triq li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant mhix proprjeta` tal-Gvern u skond informazzjoni miżmuma fid-database tar-Reġistru tal-Artijiet, din it-triq tifforma parti minn art akbar reġistrata f`isem ta` ditta privata. Jekk joġgħbu l-Onor. Interpellant nista` nagħtih l-isem ta` din id-ditta b`mod kunfidenzjali. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferiha lill-Ministru ikkonċernat.
Jista l-Ministru jgħid għaliex fiċ-ċentru fejn jinżammu r-refuġjati ġew trasferiti 3 surġenti
tal-pulizija mid-distrett li qegħdin jaħdmu bit-12 il-siegħa u mhux qed jiġu trattati bħal
surġenti sħabhom li huma stazzjonati fl-SAG peress li dawn ta' l-aħħar qegħdin jingħataw
Lm 25 allowance u huma baqgħu b'xejn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ċ-Ċentru ta` l-Immigrazzjoni ta` Ħal Far, ma hux parti mit-Taqsima ta` l-S.A.G.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' applikanti li għaddejjin mill-proċess, jew għamlu l-proċeduri kollha biex jieħdu d-dual citizenship mix-xahar ta' Jannar 2002 sa l-aħħar ta' Marzu 2002?
Mil-liema pajjiżi kienu u kemm għandhom żmien kull applikant?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellanti hi kif tidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellanti li ma tinżammx statistika ta` l-eta` ta` dawn il-persuni, ngħarrafha li bħalissa hemm 224 talba ta` dawk li jikkwalifikaw awtomatikament li għadhom qed jiġu pproċessati filwaqt li n-numru pendenti ta` dawk li għamlu talba għal reġistrazzjoni jew naturalizzazzjoni huwa 168.
Jista' l-Ministru jgħid xi trading licences għandha l-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mir-records disponibbli, ma jirriżultax illi l-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant għandha xi liċenzja tan-negozju maħruġa mill-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-investigazzjonijiet fil-mewt tal-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jidhru separatament?
Jista' jikkonferma li wieħed miż-żewġ persuni Libjani li kienu qegħdin jinżammu mill-pulizija libjana in konnessjoni ma' dan il-każ inħeles mill-arrest?
Jista' jgħid x'sehem taw il-pulizija maltija fl-investigazzjoni ta' dan il-każ?
Response (BORG, TONIO)
L-awtoritajiet Maltin segwew dan il-każ bl-akbar attenzjoni; intalbu mill-awtoritajiet Libjani diversi dettalji; uħud minn dawn ġew inklużi f`rapport li l-istess awtoritajiet issottomettew f`Ottubru 2001. Hu mistenni li jintbagħtu aktar dettalji mill-awtoritajiet Libjani. L-investigazzjonijiet qed isiru mill-Pulizija Libjana peress li huma biss huma kompetenti li jinvestigaw reati jew allegazzjonijiet ta` reati li jsiru fit-territorju Libjan.
Jista' l-Ministru jgħid jekk persuni li jkunu bidlu is-sess tagħhom jistgħux jiżżewġu hawn Malta jekk l-ID Card tkun inbidlet wara decision tal-Qorti fejn persuna li genetikament u fiżikament twieldet bħala tifel u issa saritlu sex change operation?
Response (BORG, TONIO)
Il-materja ta` din id-domanda ma taqax strettament taħt l-iStanding Orders tal-Kamra peress li din mhix materja dwar l-amministrazzjoni, iżda hija ekwivalenti għal pariri legali.
Għalkemm ma hemmx definizzjoni ta` żwieġ fil-Kap 255 tal-Liġijiet ta` Malta, il-partijiet għandhom ikunu mara u raġel skond l-artikolu 15 ta` l-istess Kap.
Fl-Ingilterra il-projbizzjoni ta` żwieġ bejn persuni li ma humiex bioloġikament ta` sess oppost ma ġietx meqjusa bħala li tmur kontra il-Konvenzjoni Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem.