Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-unika toilet li hemm fis-suq tal-belt tħalla daqstant zdingat tant li lanqas jeżisti bieb? Jista' d-dipartiment konċernat jara li jiġu rimedjati l-ħsarat?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 24271 f`din l-istess Seduta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li tiġi esproprijata parti mill-għalqa li hemm fi Triq Richard Taylor, l-Iklin billi minħabba fiha, it-triq tidjieq sostanzjalment b'inkonvenjent kbir għar-residenti ta' l-istess triq li jkunu jridu jsibu parking għall-karozzi tagħhom? Jista' jsir xi ħaġa dwar il-ħajt tas-sejjieħ ta' l-istess għalqa li spiss jaqa' ma' kull xita li tagħmel? Jaf il-Ministru li parti minn din l-għalqa qed tintuża wkoll bħala rubbish dump b'inkonvenjent addizzjonali għall-istess residenti?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi d-Dipartiment ta` l-Artijiet ma għandu l-ebda talba għall-esproprijazzjoni ta` xi art fit-triq li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant.
Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija ninsab infurmat, illi għalkemm il-Pulizija qatt ma kellha rapporti dwar il-ħajt imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija ser tieħu l-passi meħtieġa sabiex is-sid ikun notifikat skond il-liġi sabiex il-ħajt jissewwa. Infurmat ukoll illi ma jirriżultax li din l-għalqa qed tintuża bħala rubbish dump.
Dipartiment ta' l-Artijiet — Qbila - Reġistrazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jikkunsidra li l-bdiewa, li qabel l-aħħar ta' Frar laħqu għamlu l-arranġamenti kollha mad-dipartiment tal-biedja biex ikunu konformi ma' l-iskema tar-reġistrazzjoni ta' qbila tar-raba' iżda ma laħqux irreġistraw l-applikazzjonijiet tagħhom minħabba l-queue kbir li qed ikun hemm fid-dipartiment ta' l-artijiet, jingħataw iċ-ċans li jirreġistraw ir-raba' bħal bqija tal-bdiewa li għad iridu jiġu reġistrati l-applikazzjonijiet tagħhom għal pagamenti?
Peress li ġimgħa qabel il-Ministru rċieva ittra mis-segretarju permanenti dwar id-diffikultajiet li nħolqu fl-aħħar ġimgħa ta' l-għeluq ta' l-iskema, jista' ġentilment jinformana biċ-ċirkostanzi ġenwieni u li ġaladarba l-proċess min-naħa ta' l-agrikoltura kien sar tant qabel l-aħħar ta' Frar, jawtorizza lid-dipartiment ta' l-artijiet biex ma jiċħadx dawn l-applikazzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern laqgħet kull applikazzjoni li ġiet imwassla fil-Berġa tal-Baviera qabel l-aħħar ta` Frar 2001, dan wara li l-għeluq ta` l-istess skema ġie mġedded b`xahar mill-aħħar ta` Jannar. Peress li fl-aħħar jumejn tax-xahar ta` Frar ġew imwassla fil-Berġa tal-Baviera elf disa` mija u erbgħa u tmenin (1984) applikazzjoni, nħasset il-ħtieġa illi tmien mija u ħdax (811) minnhom jiġu rreġistrati biss, bil-ħsieb illi jiġu aċċettati aktar tard. Dan sar biex in-nies li kien hemm preżenti ma jibqgħux jistennew għal sigħat twal. Peress li l-iskema issa għalqet mhux possibli li jiġu aċċettati aktar applikazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jinfurmani x'kienet il-policy tal-Gvern għas-suq tal-Belt matul dawn l-aħħar sentejn u dik tal-mument? Kemm huwa numru ta' ħwienet fil-mument li hemm fis-suq tal-Belt u kemm minnhom għandhom kuntratt?
Response (BORG, TONIO)
Ma tbiddlet l-ebda 'policy' tal-Gvern għas-Suq tal-Belt f`dawn l-aħħar sentejn.
Fil-preżent hemm 28 ħanut fis-Suq tal-Belt, li kollha għandhom kuntratt ta` kirja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw permessi mill-1990 sal-lum biex jintramaw posti ġodda fuq il-Monti? Bħalissa qegħdin jingħataw permessi? Jekk le, għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` permessi għall-posti fuq il-Monti tal-Belt huwa limitat għal 115 u għalissa għad m`hemmx il-ħsieb li jkun hemm żieda f`dan in-numru. Infurmat ukoll illi mill-1990 ma kienx hemm żieda fin-numru ta` posti.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari preċedenti tiegħi dwar l-istess suġġett, x'passi qed tieħu l-pulizija biex tiżgura li dak il-garage li hemm fi Triq Pawlu Grech, l-Iklin c/w M. Butcher Road ma jibqax juża parti mit-triq matul il-ħinijiet kollha tal-ġurnata biex jipparkja trucks, cranes u trailers kbar, b'inkonvenjent għar-residenti, aktar u aktar billi Triq Pawlu Grech issa ġiet triq one way?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi b`effett tal-passi li l-Pulizija ħadet u li ser tkompli tieħu, sid il-garage imsemmi naqqas ħafna mill-ipparkjar ta` vetturi kbar fit-triq li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant. Infurmat ukoll li minkejja li t-triq hija fil-fatt one way, ma nstab li kien qed jiġi kkaġunat l-ebda nkonvenjent.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 23394, peress li fis-seduta tat-Tlieta, 20 ta' Frar 2001, filgħodu s-segretarju parlamentari ta x'jifhem li diġa' ttieħdu passi meħtieġa kontra l-mastrudaxxa msemmi, jista' jgħid fil-fatt x'passi ttieħdu u jagħti garanzija li dan il-mastrudaxxa m'għandux jopera llegalment?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-passi li ttieħdu dwar il-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant jikkonsistu fil-ħruġ tal-Avviż biex Tieqaf u ta` Twettieq ECF 886/99, (li huwa ordni biex jieqaf l-iżvilupp mingħajr permess), kif ukoll spezzjonijiet oħra fejn is-sid ġie mwaqqaf milli jkompli bix-xogħol. Fil-fatt l-aħħar spezzjoni saret fis-27 ta` Frar 2001, u s-sid ġie ordnat jieqaf mix-xogħol. Intant il-każ qed jibqa` jiġi segwit sabiex dan il-mastrudaxxa ma jibqax jopera llegalment.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li tiswa l-art li il-Gvern ta' lill-komunita Musulmana biex fuqa jinbena ċemeterju? Jista' jgħid jekk din ingħatax b'xejn jew ġietx mibjuha u jekk l-oqbra humiex se jkunu propjeta tal-komunita' li tmexxi iċ-ċimiterju jew humiex se jkunu jistgħu jiġu mixtrija min musulmani li jgħixu Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma saret l-ebda stima ta` l-art li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant peress li din ma ġietx mibjugħa. Il-Gvern ta permess, taħt it-titlu ta` "encroachment" lill-komunita` Musulmana biex tagħmel użu mill-art bħala ċimiterju. Dan it-titolu hu għalhekk wieħed kompletament "prekarju".
Il-permess hu soġġett għall-miżata ta` Lm50 fis-sena. Għalkemm l-oqbra ser jitħaffru mill-istess komunita` u ser ikunu amministrati minnhom, dawn ma jistgħux jiġu mibjugħa, u l-art b`kull ma jista` jsir fiha, tibqa` il-proprjeta` esklussiva tal-Gvern Malti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każi ta' serq mill-1 ta' Frar 2001 sat-28 ta' Frar 2001? Jista' jikklassifika s-serq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Frar 2001 ġew irrapurtati lill-Pulizija 710 każ ta` serq. Dawn kienu kklassifikati kif ġej:
Hold up 4
Pick pocketing 33
Snatch & grab 18
Theft from seacraft 6
Theft of seacraft 3
Theft of vehicle 58
Theft from vehicle 258
Theft from residence 56
Theft from bars/hotels 71
Theft from beaches 2
Theft from factories 5
Theft from retail outlets 31
Other theft 165
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari no. 22330, jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu, jekk qatt set jittieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant diġa` beda jinstema`, u qiegħed appuntat għal-20 ta` Marzu biex jinstema` l-aħħar xhud.
Jista' l-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tingħata ċ-ċittadinanza doppja li jimmeritha mingħajr dewmien żejjed?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant avviċinat lid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza dwar il-każ tagħha fit-2 ta` Marzu 2001, jiġifieri anqas minn ġimgħatejn ilu. Dakinhar hi ma ġabitx evidenza biżżejjed biex tipprova li għexet barra minn Malta għal perijodu ta` mhux anqas minn sitt snin u għalhekk għandha ġġib aktar evidenza.
Ninsab infurmat ukoll li l-każ ta` din il-persuna jkun jista` jiġi ffinalizzat wara li jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet li tressqu qabel din id-data.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm żwiġijiet ma' barranin matul is-snin 1999, 2000 u 2001?
Jista' jagħti statistika ġenerali ta' kemm rġiel iżżewġu nisa barranin u nisa iżżewġu rġiel barranin matul l-istess perjodu? Kemm minn dawn iż-żwiġijiet spiċċaw fi proċedura għas-separazzjoni personali?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel u t-tieni partijiet tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif ġej:-
Sena
Total ta` żwiġijiet ma` barranin
Irġiel Maltin ma` nisa barranin
Nisa Maltin ma` rġiel barranin
1999
343
146
197
2000
323
132
191
2001*
40
11
29
* sat-28 ta` Frar.
Ninsab infurmat ukoll li ma tinżammx statistika dwar it-tagħrif mitlub fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm stabbilimenti kummerċjali fil-Bajja ta' l-Għadira tal-Mellieħa li għandhom il-permessi meħtieġa biex joperaw bħala beach concessions u kiosks fuq ir-ramel?
Meta ħarġu l-permessi meħtieġa? Hemm min il-permessi ġġeddulu? Meta? Liema minnhom? Kien hemm tibdil fil-kundizzjonijiet oriġinali? X'tip ta' tibdil?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-postijiet ta' negozju liċenzjati f'Santa Venera kull sena mill-1994 sa tmiem is-sena li għaddiet u x-xorta ta' kull negozji liċenzjati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar postijiet ta` negozju liċenzjati f`Santa Venera hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-ħwienet u l-postijiet l-oħra ta' negozju fi Triq il-Kbira San Ġużepp (bejn numri 271 u 590), fi Triq il-Kanun u fi Triq il-Lunzjata, l-Ħamrun, li fuq id-diskette li toħroġ il-Pulizija lill-Kunsilli Lokali qed iħallsu l-liċenzja tagħhom fil-kunsilli lokali Ħamrun? Jista' jara li dawn il-liċenzji jkunu fil-fatt trasferiti fuq il-Kunsill Lokali Santa Venera billi dawn il-ħwienet u postijiet oħra ta' negozji jagħmlu - skond l-Att ta' 1993 dwar il-Kunsilli Lokali u l-emendi ta' 1999 - parti mill-konfini ta' Santa Venera u mhux mal-konfini tal-Ħamrun?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond ir-records disponibbli għand il-Pulizija, fi Triq il-Kbira San Ġużepp (bejn numri 271 u 590) hemm 4 ħwienet li jidhru taħt il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun. Fi Triq il-Kanun hemm 1, filwaqt li fi Triq il-Lunzjata m`hemm xejn. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, kif diġa` kelli l-okkażżjoni ngħid fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24003, diskrepanzi fil-konfini tal-Kunsilli Lokali jiġu aggustati biss fuq struzzjonijiet mingħand id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każi ta' hit and run is-sena l-oħra u kemm weġġgħu persuni fihom? Kemm ġew solvuti minn dawn il-każi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000, ġew irrappurtati lill-Pulizija 12-il każ fejn persuni ntlaqtu minn vettura li baqgħet sejra. F`kull każ kienet weġgħet persuna waħda. Seba` minn dawn il-każi ġew solvuti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew misjuba persuni ħatja talli tlajjaw għal skopijiet ta' prostituzzjoni, talli ħajru jew għixu minn qligħ ġej minn prostituzzjoni? X'weħħlu f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000, kien hemm 33 każ fejn 24 persuna ġew imressqa quddiem il-Qorti fuq reati konnessi ma` prostituzzjoni. Kien hemm 14-il każ fejn il-persuna ġiet liberata mill-akkuża, 7 każi fejn il-persuna nstabet ħatja u ġiet mogħtija ċanfira u twiddiba, f`4 każi ġiet mogħtija sentenza ta` ħabs sospiża, f`każ ġiet mogħtija multa u f`każ ieħor ġiet mogħtija sentenza ta` priġunerija, filwaqt li 6 każi għadhom mhux deċiżi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iscrap yard li hemm quddiem Triq Ġuże Galea, fl-Iklin għandhiex l-permessi meħtieġa? Jekk le, x'passi qed jittieħdu kontra dan l-inkonvenjent għar-residenti tal-inħawi? Jekk ma hemmx permessi, hemm xi talbiet pendenti għall permessi simili?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-iscrapyard li rrefera għalih l-Onor. Interpellant m`għandiex il-permessi meħtieġa. Wara investigazzjonijiet mill-Ispetturi mis-Sezzjoni ta` l-Infurzar ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar, ġie kkuntatjat is-sid u dan neħħa l-imsemmi scrap minn fuq is-sit.
Jista' l-Ministru jgħid jistgħux jittieħdu passi mill-awtoritajiet konċernati wara li sid razzett li hemm fi Triq Ġuże Galea, l-Iklin qiegħed juża għalqa fil-viċin bħala rubbish dump b'inkonvenjent għar-residenti tal-inħawi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-sid ta` l-għalqa li qiegħda tintuża bħala rubbish dump fit-triq li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant ġie kkuntatjat mill-Ispetturi ta` l-Infurzar ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar u dan neħħa l-imsemmi rubbish dump minn fuq is-sit.