Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kera — Spiża

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-ispiża f'ċifra ta' flus li tħallset f'kera għall-bini li nkera għall-uża tal-Ministeru u jew tad-Dipartiment, kumpaniji, korporazzjonijiet eċċ li jaqgħu taħt id-dekasteru ta' dan il-Ministeru minn għand il-privat matul is-sena li għaddiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-ammont ta' kera li tħallset mill-Ministeru, mid-Dipartimenti u Korporazzjonijiet huwa hekk: Entita' Ammont ta' Kera Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili Propjeta tal-Gvern Direttorat għall-Liċenzji u Testijiet Propjeta tal-Gvern Direttorat għat-Toroq Propjeta tal-Gvern Dipartiment tat-Telegrafija Propjeta tal-Gvern mingħajr Fili Awtorita' Marittima ta' Malta Propjeta tal-Gvern Ministeru għat-Trasport u Propjeta tal-Gvern Komunikazzjoni Direttorat għat-Trasport Pubbliku LM6,000 (Jannar - Ġunju, 2001- minn dak iż-żmien trasferita fi propjeta tal-Gvern) Awtorita' ta' Malta dwar Komunikazzjoni Lm13,200 Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi Lm12,101 u Uffiċju tar-Review

Tħassir ta' Linji

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal-liema raġuni lukandi ewlenin f'Tas-Sliema, fosthom The Diplomat fi Triq it-Torri, tħassrulhom il-linji fit-toroq quddiemhom u tneħħietilhom il-possibilita' li jtellgħu u jniżżlu turisti? X'sens tagħmel miżura bħal din? Liema lukandi ntlaqtu minn miżura bħal din?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li minn stħarriġ li għamel id-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku flimkien mal-Kunsill Lokali ta' tas-Sliema, irriżulta li r-reserved parking bays for loading and unloading li ġew allokati lill-lukandi matul iż-żmien ma kienux qed jintużaw għall-iskop intenzjonat meta dawn kienu oriġinarjament approvati. Diversi minn dawn il-parking bays kienu qed jibqgħu vojta jew qed jintużaw b'abbuż mill-istess staff tal-lukandi. Għal din ir-raġuni ttieħdet id-deċiżżjoni li l-loading and unloading bays tal-lukandi jsiru bħal dawk ta' entitajiet oħra kummerċjali u għal mhux iktar minn erba' siegħat konsekutivi filgħodu u erba' siegħat konsekutivi wara nofsinhar. Il-Kunsilli Lokali kollha u s-Segretarju tal-Malta Hotel and Restaurants Association ġew infurmati b'dawn ir-regolamenti ġodda u ġew infurmati biex jaġġornaw is-sinjali tat-traffiku billi juru l-ħinijiet li l-parking bays kienu riservati għalihom. Peress li l-lukandi ma ħadu ebda passi biex jaġġornaw is-sinjali tat-traffiku, id-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku assuma li dawn ma kien baqa' ebda bżonn għalihom u talab lill-Kunsilli Lokali biex is-sinjali jiġu mneħħija. Rigward il-każ tad-Diplomat Hotel partikolari, id-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku mhux talli ma neħħiex il-post riservat iżda indika fejn dan għandu jsir waqt l-embellishment project li kien f'idejn il-Ministeru għall-Ambjent.

Mistra — Bridge

Question

Jista' l-Ministru jara li d-direttorat tat-toroq jivverifika l-istat tal-bridge li hemm fit-triq li tagħti għall-bajja tal-Mistra peress li viżwalment jidhru li hemm ħsara strutturali fih?

Response (GALEA, ĊENSU)

Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari Nru. 31671, jien infurmat li s-sejħa għall-offerti biex isiru l-ispezzjonijiet waslet biex tiġi ppubblikata.

Għaxaq — Żejtun Road

Question

Peress li fil-parti ta' Ħal Għaxaq fuq is-side taż-Żejtun u cioe fil-bidu ta' Żejtun road, kien hemm letter box li nqagħlet u tneħħiet sabiex ġiet impoġġija aktar il-ġewwa fil-parti ta' Bir id-Deheb, jista' l-Ministru jara li titwaħħal letter box oħra fl-istess post jew f'post ieħor qrib tal-letter box li kien hemm li wara kollox kienet ilha fl-istess post għal għexieren ta' snin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-kaxxa ta' l-ittri li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant tneħħiet mill-post imsemmi biex setgħet titqiegħed Depository Box ġdida ħdejn il-Knisja tal-Ħniena f'Bir id-Deheb. Dan sar biex id-Depository Box isservi wkoll għal skopijiet ta' tqassim. Fiċ-ċirkostanzi, la d-distanza m'hiex daqshekk kbira ma jinħassx li hemm bżonn li titwaħħal kaxxa oħra.

Iklin — Triq l-Awrakarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq l-Awrakarja fl-Iklin tinkesa bit-tarmac?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fuq spezzjoni li saret mill-periti mid-Direttorat għat-Toroq jirriżulta li t-triq għad baqgħala ħafna żvilupp xi jsir fiha mill-privat biex tinfetaħ, u għalhekk għalissa ma tistax tinkesa bil-hot asphalt.

B'Kara — Triq Psaila

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex waqaf ix-xogħol fi Triq Psaila, B'Kara?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol fuq il-proġett ta' Triq Psaila qiegħed fl-aħħar fażijiet tiegħu. Sadanittant se jinbeda xogħol fil-venda u fil-parti t'isfel ta' Triq Fleur De Lys biex l-istorm water system ta' Triq Psaila tiġi mwassla sal-wied.

Pjanti — Spejjeż

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża li tħallset lill-kumpaniji privati lill-Ministeru u jew id-Dipartimenti, kumpaniji eċċ li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għas-servizz taż-żamma tal-pjanti jew xtieli matul is-sena li għaddiet? Kemm għat-tindif?

Response (GALEA, ĊENSU)

Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba. Informazzjoni dettaljata fuq infiq attwali għal dak li għandu x'jaqsam ma Dipartimenti tal-Gvern tingħata fir-Rapport Finanzjarju li t-Teżor jippubblika aktar tard fis-sena, u għar-rigward ta' Korporazzjonijiet u Awtoritajiet, fir-rapporti annwali partikulari tagħhom.

San Gwann — Sleeping Policemen

Question

Jista' l-Ministru jgħid jistax jsir sleeping policemen fis-service road li hemm quddiem il-highway butcher fil-parti ta' fuq ta' Naxxar road, San Gwann billi meta d-dwal jkunu ħomor qed isir użu spiss minn din is-service road minn ħafna vetturi kultant b'velocita' qawwija biex jegħlbu t-traffic lights?

Response (GALEA, ĊENSU)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku biex jara x'jista' jsir.

Baħar iċ-Ċagħaq

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-parti tat-triq li minn Triq Sant Andrija taqbad ma' ta' Baħar iċ-Ċagħaq jistgħu isiru linji ċari fit-triq u jitwaħħlu cat's eyes?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku biex jimplimenta x-xogħol meħtieġ.

B'Buġia

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li l-biċċa triq li tinsab bejn Triq iċ-Ċief u Triq ir-Rizzo li fadal mit-Triq il-Gandoffa f'B'Buġia tingħata t-tarmac għax għadha qatt ma saret?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant hija asfaltata u tinsab f'kundizzjoni tajba. Ix-xogħol ta' resurfacing f'din it-tip ta' triq isir mill-Kunsill Lokali.

San Ġwann — Naxxar Road

Question

Jista' l-Ministru jgħid tistax tiġi asfaltata il-parti li tagħti għall-Naxxar Road ta' Fuxa Str, San Ġwann, li qatt ma kienet ġiet asfaltata sal-lum minħabba l-bini ġdid li kien qed jinbena fl-inħawi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq qiegħed jieħu passi biex il-propjeta li qiegħda barra mit-triq tinxtara biex it-triq tkun tista' tinfetaħ.

Traffic Lights

Question

Jista' l-Ministru jara li isiru xi traffic lights fi Triq Kampanella, San Ġwann, minħabba li diversi ġenituri jkunu jridu jaqsmu bit-tfal tagħhom biex jeħduhom l-iskola?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Direttorat għat-Toroq u dak għall-Maniġġ tat-Traffiku biex jikkunsidraw is-suġġerimenti magħmula mill-Onor. Interpellant.

Karozzi tal-Linja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn karrozzi tal-linja jaħdmu il-lum. Kemm għandhom żmien u kemm ġew introdotti ġodda f'dawn l-aħħar 10 snin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari Nru. 29218.

Traffic Management

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-miżuri ta' traffic calming u traffic management fil-parti tat-triq bejn il-Forum Hotel u Baħar iċ-Ċagħaq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku biex jara x'inhu l-aħjar li jsir.

Imtarfa

Question

Jista' l-Ministru jispjega r-raġuni għala parti min Triq Sir Leslie Rundle, Imtarfa saret one-way?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li parti ta' Triq Leslie Rundle li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ilha one way għal dawn l-aħħar seba' snin. Peress li din it-triq hija dejqa u għadha ma ġietx żviluppata bħal diversi toroq oħra fl-inħawi u li minnha jgħaddu l-karozzi tal-linja, id-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku huwa tal-fehma li din it-triq għandha tibqa' one way.

Ħal Qormi — Triq iċ-Ċawsli

Question

Jista' l-Ministru jara x'azzjoni għandha tittieħed biex tiġi mgħeluba l-problema li qed taffettwa koppja anzjana li l-indirizz tagħhom qed jintbagħat separatament u li ġiet maħluqa min meta Triq iċ-Ċawsli, Ħal Qormi ingħata t-tarmac bħala parti mill-proġett ta' Triq l-Imdina? B'konsegwenza li t-triq ġiet taqleb fuq in-naħa ndikata qed jinġabar l-ilma quddiem ir-residenza msemmija?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Direttorat għat-Toroq biex jara l-każ u skond iċ-ċirkustanzi li jirriżultaw jara x'hemm bżonn li jsir.

Low Floor Buses

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'progress sar fil-pjanijiet għall-importazzjoni tal-low floor buses?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li f'Diċembru tas-sena 2000 ħarġu speċifikazzjonijiet għall-karozzi tal-linja ġodda. Sakemm is-sid jagħżel skond l-ispeċifikazzjonijiet maħruġa kif approvati, l-Awtorita' ma tindaħalx minn fejn jixtri s-sid. Fil-fatt l-Awtorita' għat-Trasport diġa' approvat 5 mudelli ta' karozzi li jikkonformaw ma' l-ispeċfikazzjonijiet mitluba, u diversi sidien għamlu l-arranġamenti għax-xiri tal-karozzi l-ġodda.

Santa Venera — Triq il-Markiż John Scicluna

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm offerti mixħuta għall-offerta mħabbra fil-gazzetta tal-Gvern tat-12/10/01 nru 17,150, avviż nru 128, għal kisi mill-ġdid ta' Triq il-Markiż John Scicluna, Santa Venera? Kemm kienet kull offerta? Min ħa l-kuntratt? Mill-liema fondi tħallset jew se titħalla l-Gvern Ċentrali jew il-Kunsill Lokali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li għall-avviż Nru. 128 biex isir xogħol fi Triq il-Markiż John Scicluna, Santa Venera intefgħu żewġ offerti, waħda ta' Lm10,015 u l-oħra ta' Lm10,104. Il-kuntratt ingħata lill-kumpanija CJP Tarmac Ltd. għall-prezz ta' Lm10,015 u l-ispejjeż ser jitħallsu mill-fondi tal-Gvern Ċentrali.