Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korp tal-Pulizija – complement f’kull branka

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamenatri 19593 u jgħid kemm ġie stabbilit li għandu jkun il-complement għal kull branka (branch) tal-Korp tal-Pulizija? Jista’ jgħid kemm kien hemm stazzjonati pulizija f'kull branka tal-Pulizija, branka b'branka fl-aħħar ta’ Settembru 2015?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li sa l-aħħar ta’ Settembru 2015 kien hemm 1,136 il-membru stazzjonati fil-branches tal-Pulizija. Dwar il-compliment fil-branches jigi determinat u jiżdied skont l-esiġenzi tas-servizz u dan wara li jittieħdu in konisderazzjoni diversi fatturi inkluż il-perjodu u r-reati li jkunu qegħdin isseħħu skont iż-żminijiet. Dawn kienu mqassmin skont it-tabella li qed noġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pulizija stazzjonati f’kull distrett

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamenatri 19592 u jgħid kemm kien it-total ta' pulizija stazzjonati fid-distretti, distrett b'distrett, fl-aħħar ta’ Settembru 2015? Jista’ jgħid kemm ġie stabbilit li għandu jkun l-complement ta’ pulizija f'kull distrett, distrett b'distrett? Jista’ jgħid liema huma d-distretti tal-Pulizija li bħalisssa ma għandhomx stazzjonati fihom l-full complement kif stabbilit mill-korp stess u jgħid, distrett b'distrett, kemm allura hemm inqas mill-complement stabbilit bħalissa f'kull distrett?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li t-total ta’ Pulizija mqassim fid-distrett sa l-aħħar ta’ Settembru 2015 hu ta’ 1,051. Dawn kienu mqassmin kif jidhru fuq it-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pulizija — Fond Ġenerali - awditjar

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17688, jista’ l-Ministru jagħti aktar informazzjoni jekk kienx hemm xi riżultat mill-verifika tal-Internal Audit Investigations Directorate (IAID), u jekk kien hemm, x’irriżulta minn din l-investigazzjoni?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onoervoli Interpellant li ninsab infurmat li l-investigazzjoni tal-Internal Audit Investigations Directorate (IAID) għadha mhux konkluża.

Raħal Ġdid — Reklamar fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20227 u jgħid jekk il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jew l-Għassa tal-Pulizija humiex jiġġestixxu l-ispazju għar-reklamar fuq il-ħajt li hemm ħdejn il-latrina pubblika fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid? Jekk iva, min qed jieħu ħsieb dan ir-reklamar sabiex kulhadd ikollu l-istess opportunitajiet?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li d-diriġenza tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hija tal-fehma li ħadd ma jwaħħal reklamar mal-ħajt imsemmi u ser jiġu kuntatjati min iwaħħal l-imsemmi reklamar biex jitteħħew.

Kawża — ħlas minn fondi pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20237 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u mistoqsija parlamentari 20238 li saret lill-Prim Ministru u li issa ġew riferuti lilu u ċjoè: B'referenza għall-ftehim milħuq fl-2014 fil-kawża lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li kienet qed tinstema’ quddiem il-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili, fiex kien jikkonsisti dan il-ftehim u kemm tħallsu flus minn fondi pubbliċi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-ftehim li għalih qiegħed jirreferi, li kien iffirmat fil-25 ta’ Ġunju 2014, wara li ntlaħaq ftehim amikevoli bejn il-persuna msemmija u l-Kummissarju ta’ dak iż-żmien, jagħti kumpens ta’ €57,245 għall-perjodu li din il-persuna kellha sservi, kieku baqgħet fil-Pulizija u d-differenza fil-pensjoni li hi kellha tirċievi. Il-kumpens ikopri wkoll l-ispejjeż tal-Qorti. Ninsab infurmat li dan il-ftehim intlaħaq wara li l-persuna imsemmija kien rebaħ b’suċċess il-vertenza mqanqla kemm fil-Prim’Istanza tal-Qorti Ċivili kif ukoll fl-Istadju tal-Appell, fejn wara dan kollu, jirriżulta li huwa kellu jiftaħ kawża kontra l-Kummissarju tal-Pulzija, il-Prim Ministru u s-Segretarju Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru sabiex jinibixxi lill-istess Kummissarju tal-Pulizija milli jinizja proċeduri dixxiplinarji ġodda fil-konfront tiegħu. Wara li l-każ tiegħu kien reġa’ ġie eżaminat mill-ġdid mill-Kummissarju tal-Pulizija nnifsu fejn ma nstabet l-ebda evidenza oħra li setgħet tinfluwenza l-każ tiegħu u il-persuna msemmija obbligat ruħha li tirtira l-proċeduri tagħha kontra l-Kummissarju, kien ġie redatt u ffirmat dan il-ftehim’

Persuni fuq xogħol ta’ prostituzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni fuq tlajjar għal skopijiet ta’ prostituzzjoni, ta’ liema nazzjonalità huma u f’liema lokalità nqabdu jagħmlu dan it-tlajjar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li matul din is-sena, sa Settembru, 2015 kien hemm 32 persuna li bejniethom tressqu l-Qorti 118 darba fuq akkuzi ta’ tlajjar għall-skop ta’ prostituzzjoni. Dawn kollha kienu Maltin u kienu fil-lokalitajiet tal-Gzira, Marsa, Msida u Ta’ Xbiex.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — residenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Ottubru 2015, fil-Faċilità Korretiva ta’ Kordin kien hemm ħames mija erba’ u sittin resident.

Swieqi – monitoring mill-pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi u x’miżuri ulterjuri se jkun qed jieħu sabiex is-Swieqi tiġi monitored aħjar mill-pulizija u dan in vista tal-vandaliżmu, illegalitajiet, parking bl-addoċċ u serq li qed isir fil-lokal? Jekk hemm il-ħsieb illi jittieħdu xi passi u miżuri ulterjuri, jista’ l-Ministru jgħid meta dawn il-passi u l-miżuri se jiġu implimentati?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li bħal ma kelli l-opportunità nirrispondi għal mistoqsija relatata oħra ftit tal-ġranet ilu, l-Għassa tal-Pulizija tas-Swieqi tkun miftuħa u jkollha l-uffiċjali 24 siegħa kuljum. Dawn qegħdin hemm biex jikkontrollaw l-illegalitajiet deskritti fil-mistoqsija, u dan ix-xogħol ilu jsir u se jibqa jsir. Inżid li barra il-Pulizija tas-Swieqi, issir ronda wkoll mill-Uffiċjali tal-RIU, f’din il-lokalità.

Għawdex – karozzi abbandunati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il karozza abbandunata nġabret mill-Pulizija f’Għawdex matul l-2014 u din is-sena? Huwa minnu li l-pulizija f’Għawdex mhux qed jiġbru karozzi abbandunati madwar Għawdex għaliex mhemmx post fejn jinżammu? X’se jagħmel il-Ministeru biex jipprovdi post fejn jinġabru dawn il-vetturi li jkunu tneħħew mit-toroq?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – membri parlamentari tal-Oppożizzjoni ingaġġati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri parlamentari tal-Oppożizzjoni preżenti jew passati li kienu jew għadhom jaħdmu jew jokkupaw xi kariga f’xi entità li taqa’ taħt ir-responsabilità tiegħu sa mill-2008 sal-lum? Jista’ jgħid ukoll x’kariga jokkupa/tokkupa u x’pakkett finanzjarju u perkaċċi oħra hemm marbuta mal-kariga?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Is-Swieqi – frekwenza ta’ rondi mill-pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ssir ir-ronda mill-Pulizija fit-toroq tas-Swieqi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li r-ronda mill-Pulizija tas-Swieqi issir regolarment kemm matul il-jum kif ukoll matul il-lejl. Skond il-ħtieġa r-ronda ssir kemm b’vettura tal-għassa ta’ San Giljan meta jkun hemm il-bżonn, ħafna drabi ssir permezz ta’ foot patrol.

Għassa tas-Swieqi — ronda

Question

Jikkonferma l-Ministru jekk waqt li l-pulizija jkunu qegħdin jagħmlu r-ronda tagħhom fit-toroq tas-Swieqi, l-għassa tas-Swieqi kemm-il darba tkun magħluqa?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onoervoli Interpellant li ninsab infurmat li matul il-jum ikun hemm tlett uffiċċjali tal-Pulizija xogħol fl-imsemmija Għassa. Ġeneralment tnejn joħorġu fuq xogħol barra, filwaqt li wieħed jibqa l-Għassa. F’każijiet fejn tingħalaq l-għassa minħabba xogħol fuq barra, jiġu assigurat li l-egħluq ma jkunx għall-ħinijiet twal. L-istess irid jingħad għal matul il-lejl fejn ikun Pulizija wieħed li meta joħroġ fuq xogħol, il-ħin ta’ assenza mil-għassa ikun qasir kemm jista jkun.

Proċess tal-bdil tal-Karta tal-Identità

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-bdil tal-Karta tal-Identità? Jista' jgħid f'kull lokalità kemm kienu l-persuni eleġibbli sabiex jibdlu l-Karta tal-Identità tagħhom u kemm kienu dawk li wieġbu għas-sejħa tal-Uffiċċju għall-Immaniġġar tal-Identità u marru jibdlu l-Karta tal-Identità tagħhom? Jista' jgħid meta se jkun qed jitlesta dan il-proċess?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s’issa diġa inbidlu madwar 97% tal-karti tal-identita’ u dan il-proċess se jibqa sejjer sal-aħħar ta’ din is-sena. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba

Visas lill-barranin għal raġunijiet mediċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ingħataw visas mal-wasla fl-ajruport (border visas) lill-barranin għal raġunijiet mediċi minn Marzu 2013 sal-lum? Lil liema nazzjonalità ngħataw? Jista’ jispeċifika n-numru ta’ visas skont in-nazzjonalità?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Raħal Ġdid — Reklamar fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jew l-Għassa tal-Pulizija humiex jiġġestixxu l-ispazju għar-reklamar fuq il-ħajt li hemm ħdejn il-latrina pubblika fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid? Jekk iva, min qed jieħu ħsieb dan ir-reklamar sabiex kulhadd ikollu l-istess opportunitajiet?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onoervoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Għassa tas-Swieqi – ħinijiet tal-ftuħ

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 17320, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li l-għassa tas-Swieqi kemm-il darba qed tkun magħluqa peress li l-pulizija li jkunu assenjati hemm ikollhom jagħlqu u jmorru l-għassa ta’ San Ġiljan biex jassistu hemm?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li għalkemm li jista jkun li kien hemm xi okkazzjonijiet rari fejn il Pulizija tas-Swieqi jagħlqu l-għassa biex jassistu lill-Pulizja ta’ San Giljan, din mhiex il-prassi il-għaliex min ikun iddettaljat hemmhekk jibqa jaqdi id-doveri tiegħu fil-post. Madankollu jkun hemm diversi okkazzjonijiet fejn il-pulizija ta’ l-għassa ta’ San Giljan imorru jassistu lill-Pulizija tas-Swieqi, speċjalment f’ħinijiet fit-tard.

San Ġiljan — għassa – pulizija assenjati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ pulizija assenjati fl-għassa ta’ San Ġiljan? Jista’ jgħid jekk in-numru jvarjax matul ix-xhur tas-Sajf u fil-weekend?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li n-numru ta Pulizija assenjati fl-għassa ta’ San Giljan ivarja matul il-weekend, u cioe il-Gimgħa, is-Sibt u il-Ħadd, fejn jintbagħtu bejn sitta u tmien Pulizija oħra biex jassitu fil-bon ordni ġewwa Paceville.

Għassa tas-Swieqi – żieda fil-pulizija assenjati

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 17324, jista’ l-Ministru jgħid jekk skont l-istħarriġ li għamel kienx hemm indikazzjoni li jridu jiżdiedu n-numru ta’ Pulizija li jkunu assenjati fl-għassa ta’ San Ġiljan?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Ninsab infurmat li l-compliment tal-Pulizija f’kull għassa u sezzjoni jiġi studjat regolarment u l-uffiċċjali jiġu assenjati skond il-ħtieġa speċjalment meta jsir ingaġġ ġdid, fost possibilitajiet oħra. Għaldaqstant il-probabilita li jiżdiedu il-Pulizija fl-għassa tas-Swieqi definitivament tiġi mistħarġa meta jsir it-tqassim ta’ membri ġodda jew skond dak il-bżonn partikulari.