Siġar tal-Bajtar ta' San Ġwann — tħawwil ta' siġar
Question
Billi jidher li numru sostanzjali ta' siġar tal-bajtar ta' San Ġwann mietu matul l-aħħar xhur, jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru nvestigax ir-raġuni għal dan il-mewt ta' siġar? Minbarra hekk, jista' jagħti tagħrif dwar jekk hux qed jitfassal xi pjan partikulari biex jitħawlu iktar minn dawn is-siġar, biex tkun tista' tiġi salvata din is-siġra partikulari?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond informazzjoni mgħoddija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-mewt tas-siġar tal-bajtar ta’ San Ġwann u tin qed tiġi kkawżata minn insett magħruf bħala Hypocryphalus scabricollis (bark borer) li jtaqqab fiz-zokk tas-siġar. Dan l-insett ilu magħruf sewwa mal-kommunità tal-bdiewa għal bosta snin.
Id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti għamel numru kbir ta’ spezzjonijiet matul l-aħħar snin qabel wasal għal konklużjoni li dan l-insett qed jikkawża l-mewt ta’ dawn is-siġar. Id-Direttorat beda joffri għajnuna teknika dwar il-kontroll ta’ dan l-insett.
Il-Ministeru, permezz tad-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti ħejja pjan ta’ azzjoni għall-kontroll tal-insett
Hypocryphalus scabricollis
li ġie preżentat għall-approvazzjoni tal-Bord għall-Protezzjoni tal-Pjanti. Il-Pjan, li mistenni jiġi mniedi fil-ġimgħat li ġejjin jinkludi azzjonijiet sabiex il-pubbliku jiġi mgħarraf aħjar dwar dan l-insett, dwar ir-riċerka, kif ukoll dwar it-tnissil ta’ dawn is-siġar permezz taċ-Ċentru ta’ Mikropropogazzjoni. L-għan aħħari hu li jiġi kkontrollat dan l-insett u jitħawlu siġar biex jissostitwixxu dawk li mietu.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk waslux rapporti ġodda ta' preżenza tat-tuta absoluta fit-tadam, f'Malta u f'Għawdex? Jekk iva, x'passi qed jieħu l-Ministeru biex jassigura li ma nerġgħux nitilfiu ammont sostanzjali ta' tadam, bħalma kien ġara numru ta' snin lilu? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru tax xi pariri partikulari dwar din il-problema?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond informazzjoni mgħoddija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari d-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti jikkonferma li rċieva xi rapporti fejn jindikaw li l-inċidenza tat-Tuta absoluta jista’ jkun reġgħet żdiedet xi ftit din is-sena meta mqabbla ma’ dawn l-aħħar snin.
Id-Direttorat kompla jagħmel spezzjonijiet ta’ monitoraġġ kemm fis-serer fejn issa l-produzzjoni waqfet, kif ukoll fl-għelieqi fejn bħalissa qed jitkabbar it-tadam għall-ipproċessar. Dan il-monitoraġġ iservi sabiex tiġi kkwantifikata l-problema ta’ infestazzjoni kif ukoll sabiex dan id-Direttorat ikun f’pożizzjoni li jagħti pariri u linji gwida fuq kif għandha tiġi kkontrollata l-marda, u milli tkompli tinfirex aktar.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li fl-aħħar ġimgħat kien hemm bidla fil-biljetti li jintużaw fil-Pitkalija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li skond informazzjoni mgħoddija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari t-tibdil ta’ kupuni tal-kaxxi tal-Pitkalija beda f’Ottubru tal-2014 u għalaq ftit tal-ġranet ilu. Il-bdil sar ma’ kupuni li issa huma iktar diffiċli li jkunu falsifikati.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra x'wassal għal din il-bidla fil-biljetti li jintużaw fil-Pitkalija?Jista' jispjega kif saret it-transizzjoni? X’pre-avviż ingħata u kemm ingħata żmien biex wieħed jibdel minn sistema għall-oħra? Kemm ingħata żmien biex persuna tbiddel il-biljetti l-qodma għal dawk ġodda? Ingħatat soluzzjoni għal min inqabad b'ammont ta' biljetti antiki biex jibdilhom għal dawk ġodda?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li skond informazzjoni mgħoddija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari r-raġuni primarja għalfejn inbidlu l-kupuni hija li kien hemm numru konsiderevoli ta’ kupuni foloz fl-idejn kif ukoll il-kupuni l-antiki setgħu jiġu faċilment ikkupjati. Il-kupuni l-ġodda ġew maħduma b’tali mod illi jkun diffiċli ferm li dawn jiġu kkupjati. Il-kupuni bdew jinbidlu bil-mod sa minn Ottubru 2014. Wara li għaddew numru sew ta’ xhur li fihom kien hemm żmien biżżejjed li kullħadd jinduna x'qed jiġri ġie deċiż li jkun magħluq iż-żmien li fih setgħu jinbidlu l-kupuni anke biex tkun evitata l-possibiltà potenzjali li xi ħadd jipprova jaċċellera xi falsifikazzjonijiet.
Għalhekk fis-6 ta’ Mejju 2015 inħareġ avviż ġewwa l-Pitkalija li l-kupuni l-antiki ser jibqgħu jiġu aċċettati sat-22 ta’ Mejju 2015, fejn dan il-perjodu ġie estiż sat-12 ta’ Ġunju 2015 b’avviż ieħor li nħareġ fil-25 ta’ Mejju, 2015. Dawn l-avviżi ġew ippublikati wkoll fil-Gazzetta tal-Gvern nhar it-12 ta’ Mejju kif ukoll fit-2 ta’ Ġunju, 2015.
Barra minn hekk f'kull każ intbagħtu SMS’s lill-bdiewa kollha li huma rreġistrati mal-ARPA.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15263, jista’ l-Ministru jgħid fiex se tkun tikkonsisti l-politika agrikola nazzjonali hekk kif ġiet proposta mill-Ministru fir-risposta tiegħu? Jista’ jgħid fiex tikkonsisti l-konsultazzjoni nazzjonali u wiesgħa li ssuġġerixxa l-Ministru fit-tweġiba? Minn meta bdiet din il-konsultazzjoni u ma’ min saret s’issa? Min se jkun involut f’din il-konsultazzjoni wiesgħa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-politika agrikola nazzjonali ser tkun tikkonsisti f’dak li ser joħroġ mill-eżerċizzju hekk kif prevvist fit-termini tat-tender MSDEC 4/2015 kif ipubblikat iżjed kmieni dis-sena. Il-konsultazzjoni ser tkun ibbażata wkoll skond dak il-proċess, u beda b’konsultazzjoni ma’ entitajiet pubbliċi nvoluti fl-aspetti diversi relatati mal-agrikoltura li twassal għall-pubblikazjoni ta’ issues paper sabiex tiggwida avveniment ta’ konsultazzjoni nazzjonali mifrux fuq jumejn li għalih ikunu jistgħu jattendu l-istakeholders kollha interessati.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma s-slipways li hemm f'San Pawl il-Baħar għandhom parati li għandhom bżonn jinbidlu? Jekk iva liema huma, u meta hu mistenni li dawn il-parati jinbidlu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħal ma digà kelli l-okkazjoni ninfurmah f’interventi preċedenti, il-Kunsilli Lokali huma responsabbli għall-manutenzjoni ta’ slipways pubbliċi. Dan skond l-Att tal-Kunsilli Lokali li jistipula li waħda mill-funzjonijiet ta’ kull Kunsill Lokali għandha tkun dik li jipprovdi biex jinżamm fi stat tajjeb u għall-manutenzjoni ta’, jew titjib ta’, fost l-oħrajn, xatt il-baħar, il-mollijiet jew postijiet oħra ta’ passaġġ jew aċċess pubbliku. Għalhekk fil-każ speċifiku li qed isemmi l-Onor. Interpellant huwa l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li huwa responsabbli għat-tibdil tal-parati ta’ slipways fejn dawn huma ta’ aċċess pubbliku u li mhumiex proprjetà privata.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-ħaxix li hemm taħt is-siġar taż-żebbuġ fix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, jinqata' qabel ma jingħata jew jieħu n-nar?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jassigura li l-bdiewa jkollhom biżżejjed kaxxi fil-Pitkalija biex ikunu jistgħu jwasslu l-prodotti tagħhom fil-Pitkalija? Kemm hu preżentement in-numru ta' kaxxi li għadhom qed jintużaw?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor.Interpellant li skond l-informazzjoni mgħoddija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari ma jidhirx li fil-passat kien jinżamm rendikont ta’ kemm kaxxi nxtraw, kemm kaxxi nbiegħu, kemm minn dawn il-kaxxi tkissru, kemm huma maħżuna għand bdiewa jew pitkala jew xerrejja, u kemm minnhom marru għal xi użu ieħor. Għaldaqstant, mhux possibbli li jingħad kemm hu preżentament in-numru ta’ kaxxi li hemm fl-użu.
Fil-ġimgħat li ġejjin huwa kkalkulat li ser jidħlu għall-użu 25,000 kaxxa ġdida
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari rigward siġar li qed imuru fl-inħawi ta' Kennedy Grove, billi jidher li hemm xi siġar oħra li qed imuru, jista' l-Ministru jindaga jekk hemmx xi raġuni partikolari li għaliha dawn l-istess siġar qed imutu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond it-tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, minn testijiet li saru s’issa fuq is-siġar li mietu jidher li l-problema ġejja minn tip ta’ fungus li għadu ma giex identifikat. It-testijiet biex jiġi identifikat dan il-fungus għadhom għaddejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex inbidlu l-ħinijiet tal-bdiewa Għawdxin li fihom jistgħu jidħlu fil-Pitkalija ta’ Malta? Jista’ l-Ministru jinnota li l-bidla f’dawn il-ħinijiet wasslet biex issa bidwi Għawdxi li jiġi bil-prodotti minn Għawdex qed idum ħafna aktar sigħat biex jiġi bil-prodotti u jmur lura? Min ħa din id-deċiżjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Jidher li l-Onor Interpellant mhux aġġornat. Fil-fatt meta saret il-mistoqsija, it-Tnejn 8 ta’ Ġunju 2015, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Biedja u l-Ministru għal Għawdex kienu diġa ltaqgħu mal-bdiewa u l-burdnara Għawdxin nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Mejju 2015 u kien diġa ntlaħaq ftehim aċċettabli għall-kulħadd biex mit-Tnejn 1 ta’ Ġunju 2015, il-bdiewa u burdnara Għawdxin jibdew jidħlu - kif fil-fatt għamlu fl-1 ta’ Ġunju, fl-4 ta’ Ġunju, fit-8 ta’Ġunju, fil-11 ta’ Ġunju u l-bieraħ 15 ta’ Ġunju - fil-Pitkalija fl-erbgħa u nofs ta’ filgħodu, għas-sodisfazzjon tal-istess bdiewa Għawdxin. Dawn l-arranġamenti għandhom jibqgħu fis-seħħ għaż-żmien li ġej.
Animal Welfare – każijiet ta’ moħqrija ta’ Annimali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każijiet ta’ moħqrija ta’ annimali jew rapporti li annimali mhux qed jinżammu b’mod xieraq lis-sezzjoni tal-Animal Welfare tul din is-sena sal-1 ta’ Ġunju 2015? F’kemm minnhom jirriżulta li fil-fatt kien hemm każ ta’ moħqrija jew trattament mhux xieraq ta’ annimali? X’passi ttieħdu kull każ? Jista’ jwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari, minn Jannar sa l-1 ta’ Ġunju 2015, in-numru ta’ każijiet ta’ moħqrija tal-annimali rrapurtati kien ta’ 386.
Minn dawn ir-rapporti nstab li f’101 każ kien hemm xi forma ta’ moħqrija u / jew negliġenza. Fil-maġġoranza tal-każijiet, il-persuna ntalbet tirranġa s-sitwazzjoni mill-aktar fis possibli stipulat mill-uffiċjali tad-Direttorat.
Kien hemm każ wieħed biss fejn bdew proċeduri kriminali fil-konfront ta’ persuna waħda fuq moħqrija tal-annimali, kif ukoll ir-rimi ta’ tali karkass f’post mhux awtorizzat.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jiġi assigurat li l-bdiewa jiġu infurmati meta prodotti tagħhom ikunu se jintremew? Min iżomm rekords ta’ tali prodotti li jkun mormija? Kemm intremew prodotti matul l-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena? X’kienu l-prodotti li ntremew?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari, bħalma dejjem kienet il-prassi ġol-Pikalija, il-prodott li jidħol ġol-Pitkalija jibqa’ propjetà tal-bidwi sakemm dan jinbiegħ. Il-bidwi għandu kull dritt illi fi kwalunke ħin jiċċekkja l-prodotti tiegħu, u jiddeċiedi li jiddisponi minnhom b’mod ieħor.
Il-Pitkal, kif mitlub bil-ligi, irid jirrekordja u jżomm t-transazzjonijiet kollha relatati mal-moviment ta’ dawn il-prodotti, li jinkludi dettalji ta’ meta l-prodott tal-bidwi jkun se jintrema. Dawn id-dettalji jiġu mgħoddija lill-Amministrazzjoni tal-Pitkalija u jinżammu wkoll fis-sistema ċentrali tal-informatika.
Fil-
Voucher
li jirċievi l-bidwi jkun jinkludi rendikont bid-dettalji tal-prodotti mibjugħa, x’fadal għal-bejgħ u l-prodotti li jkunu ntremew.
Statistika dwar x’qiegħed jitlob l-Onor. Membru fl-aħħar parti tal-mistoqsija ma tinżammx.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-bidliet fil-Common Agricultural Policy li mistennija jaffettwaw lill-bdiewa Maltin? Kif se jiġi assigurat li l-bdiewa jkunu infurmati bil-bidliet li qed iseħħu jew li se jseħħu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari, l-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali nidiet kampanja ta’ informazzjoni relatata mat-tibdil li qiegħed iseħħ fil-Politika Agrikola Komuni (PAK) mis-sajf tal-2014. Il-kampanja informattiva relatata mal-ewwel pilastru li jinvolvu l-iskemi tal-Pagamenti Diretti kienet ilha li bdiet mis-sajf tal-2014, fejn l-Agenzija għamlet diversi laqgħat mar-rapreżentanti tal-bdiewa u raħħala rigward l-iskemi l-ġodda u l-implimentazzjoni tagħhom. Dawn il-laqgħat kienu jiffukaw fil-biċċa l-kbira tagħhom fuq it-tibdil li sar fuq il-PAK u kif din se taffettwa lill-bdiewa u r-raħħala Maltin.
F’Marzu tal-2015, l-Onor. Galdes nieda l-iskema tal-Pagamenti Diretti u l-iskemi marbutin magħha. Għal din il-laqgħa kienu mistiedna rappreżentanti tal-bdiewa u r-raħħala, fejn uffiċjali tal-Ministeru spjegaw fid-dettal l-iskemi u t-tibdil li sar. Barra dawn il-laqgħat, l-Agenzija ħejjiet 5 laqgħat għall-bdiewa u r-raħħala li saru ġewwa Malta u Għawdex. Waqt dawn il-laqgħat il-partecipanti ngħataw informazzjoni dettaljata rigward dawn l-iskemi l-ġodda, kif se jiġu implimentati u kif jistgħu japplikaw għalihom. Il-parteċipanti ngħataw il-possibiltà li jaqsmu d-diffikultajiet tagħhom u jistaqsu d-domandi relati ma’ dawn l-istess skemi.
Il-bdiewa u r-raħħala ġew provduti ktejjeb fuq dawn l-iskemi li qed timplimenta Malta fuq l-iskemi tal-Pagamenti Diretti. Waqt il-kampanja tal-applikazzjoni, l-bdiewa u r-raħħala kellhom l-opportunità li jistaqsu għal aktar informazzjoni fl-uffiċċju tal-Aġenzija li hemm ġewwa l-Pitkali, ta’ Qali, Malta jew il-farm sperimentali ġewwa x-Xewkija, Għawdex.
Bħalissa l-Aġenzija tal-Pagamenti Agrikoli u Rurali flimkien mal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali, qegħda tħejji għat-tnedija ta’ kampanja ta’ informazzjoni relatata mal-Pjan ta’ Żvilupp Rurali 2014-2020.
Wied il-Għajn – Park tal-Familja – stat ta’ abbandun
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Park tal-Familja ta' Wied il-Għajn jinsab fi stat ta' abbandun skont ma kien irrappurtat fil-media dan l-aħħar? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li bl-iktar mod immedjat jibda jingħata kura u titranġa t-telqa li hemm f’dan il-Park ta' Wied il-Għajn? Jista' jgħid jekk jikkonsidrax li t-telqa tal-Park tal-Familja tista’ tirrifletti diżrispett lejn in-nies tan-Nofsinhar ta' Malta meta dan hu l-uniku park viċin tagħhom fejn jistgħu imorru jirrekrejaw ruħhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Wieħed kien jistenna li l-Onor. Interpellant kien ser jibbaża ruħu fuq il-fatti u mhux jistrieħ fuq ritratti mingħajr data, kif dehru riċentement fil-ġurnal tal-partit tiegħu stess ftit jiem qabel ma saret l-interpellanza.
Qed nieħu gost li l-Onor. Interpellant f'daqqa waħda qed juri li qalbu taħarqu għan-nies tan-Nofsinhar ta' Malta, meta sa ftit jiem ilu biss, il-Mexxej tal-istess Partit tiegħu u l-Viċi Kap kollega tiegħu, taw x'jifhmu li ma għandniex nibqgħu nirreferu għas-South u għan-North ta' pajjiżna, tant li l-Onor. De Marco fit-
TIMES TALKING POINT
tat-22 ta’ Mejju 2015, qal li “aħna lkoll Maltin u dawn l-attentati tal-Prim Ministru li jdaħħal distinzjoni bejn in-nies tan-naħa ta’ fuq u tas-South mhix aċċettabbli u bla sens filwaqt li din id-distinzjoni hija xi ħaġa ta’ stmerrija ..........”
Billi l-Onor. kollega spiss allega li aħna qed nuru jew urejna diżrispett lejn in-nies tas-South, nixtieq ġentilment infakkru li d-diżrispett lejn in-nies tan-Nofsinhar ta' Malta ntwera mill-Amminstrazzjoni Nazzjonalista li ġiet sfiduċjata fl-Elezzjoni Ġenerali tas-sena 2013 wara li rriżulta, b'mod konkret, li daħqet sfaċċatament bin-nies fuq diversi
issues
u f'għadd ta' okkażjonijiet, fosthom dawk dwar il Park tal-Familja.
Każ tipiku ta’ diżrispett intwera meta l-Gvern ta’ qabel kien għażel li jinawgura l-istess Park litteralment lejliet l-Elezzjoni Ġenerali għall-skopijiet purament elettorali, meta kien għad hemm ħafna xoghlijiet mhux kompluti, u meta lanqas kellhom id-diċenza li jaraw li jkun hemm is-
safety measures
fil-post għal dawk li jżuruh jew jieħdu ħsieb l-aċċess għall-persuni b’diżabbiltà.
Daqstant ieħor intwera diżrispett lejn in-nies tas-South meta minħabba l-ferneżija elettorali l-Gvern li l-Onor. Interpellant kien jagħmel parti minnu, qabbad u għadda t-tmexxija tal-Park lid-Direttorat tal-Parks b'sempliċi telefonata mingħajr ma kienu attrezzati ghal dan, mingħajr ma ndenja ruħu jaħtar maniġment tim kif għamlet din l-Amministrazzjoni filwaqt li flok alloka fondi għall- bżonnijiet tal-Park, għażel li juża fondi kapitali oriġinarjament maħsuba għall-operat tal-WasteServ, ħafna drabi permezz ta'
direct orders
fejn l-approvazzjoni tal-Finanzi nkisbet wara li saru l-ordnijiet diretti.
Kien ta’ diżrispett għan-nies tas-South li jiftħilhom Park tal-Familja bħal dan fejn il-
water feature
tant kienet mibnija ħażin li wara ftit sfrundat.
Kien ta’ diżrispett għat-
taxpayers
Maltin meta rriżulta li ħafna mill- infiq żejjed kien ġej mill-fatt li kien hemm bosta tibdiliet 'ad hoc' fl-aħħar minuta, għall-pjani li kienu diġà ġew approvati dwar il-proġett.
Konferma li dan it-tberbiq kollu u li x-xogħol sar bl-għaġla għal skopijiet purament elettorali, joħroġ mill-fatt li l-proġett ġie inawgurat mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien nhar l-24 ta’ Frar 2013, jiem biss qabel l-Elezzjoni Ġenerali. U dan meta nhar l-inawgurazzjoni l-proġett kien għadu mhux lest u kien għad hemm żvilupp għaddej, b'ħafna
heavy machinery
on site
b'periklu għall-viżitaturi fil-Park u b’nuqqas ta’ għadd ġmielu ta’
completion certificates
.
Ir-rapport tal-
Management Efficiency Unit
(MEU) ddatat Ġunju 2013 u ppubblikat 29 ta’ Lulju 2013 u li għadu
online
fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment tal-Informazzjoni jistqarr li d-dipendenza qawwija fuq varjazzjonijiet u
direct orders
kellha impatt sproporzjonat fuq l-infiq ippjanat. Jidher li l-Onor Interpellant għadu ma xtarx jew ma feliex sew dan ir-rapport, għaldaqstant nissuġġerilu jagħmel dan.
Eżempju tipiku li joħroġ mill-istess rapport ikun il-
Visitor's Centre
, li ġie jiswa €700,000 - nofs miljun ewro aktar milli ppjanat.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond informazzjoni mgħoddija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti flimkien mad-Direttur tal PARKS u l-
Family Park Management Unit
(FPMU), is-sitwazzjoni attwali fil-Park mhix fi stat ta’ abbandun kif irrapportat fl-istess sezzjoni partikolari tal-midja dan l-aħħar. Dan għaliex il-programm ta’ manutenzjoni u ż-żamma tal-Park ta’ Wied il-Għajn qed jiġu kontinwament indirizzati, dan minkejja diffikultajiet li jeżistu minħabba deċiżjonijiet ħżiena li ttieħdu fil-passat.
Mill-kummenti pożittivi tal-pubbliku, illi riċentement attenda bi ħġaru fil-Park tal-Familja għall-attivitajiet tal-
Fields of Joy u
nhar il
-World Environment Day
, jidher ċar li altru illi m’hemmx diżrispett lejn ir-residenti tan-Nofsinhar ta’ Malta li qed jallega dwaru l-Onor. Interpellant.
Anness ma’ din ir-risposta bħala
Annex 1
hemm lista sħiħa ta’ xogħlijiet li saru fil-Park tal-Familja kemm ilu li nħatar il-
Family Park Management Unit
(FPMU), struttura li mal-bidla fil-Gvern sibna li qatt ma eżistiet fil-Park, kif lanqas qatt ma kien hemm
Management Plan
. Anness ukoll bħala
Annex 2
hemm kopja tal-artiklu fit-Times of Malta tal-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr. Mario De Marco li kkwotajt dirett.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-bdiewa għadhom ma tħallsux is-sussidju fuq it-tadam li nqata’ fis-sena 2014 meta l-gvern preċedenti dejjem ħallas dan is-sussidju sa Marzu, meta issa diġà qegħdin f’Ġunju?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, l-istqarrija tiegħu li l-gvern preċedenti dejjem ħallas f’Marzu ma tirriżultax korretta, u li fil-fatt meta wieħed iħares lejn il-leġiżlatura preċedenti jinnota li:
· Fl-2009 tħallas sussidju bl-arretrati tas-snin ta’ qabel matul Marzu, April, Lulju, Settembru u Ottubru,
· Fl-2010 tħallas f’Jannar b’bilanċi mħallsin anki f’April u Mejju;
· Fl-2011 tħallas f’Mejju,
· Fl-2012 tħallas f’April,
· Fl-2013 sa Marzu ma kienux għadhom thallsu mill-gvern precedenti
Jien infurmat ukoll li s-sussidju tal-2014 dam ftit iżjed mill-prevvist minħabba li dan huwa l-aħħar sussidju taħt il-programm SMPPMA u għalhekk kien meħtieġ li jsiru l-verifiki amministrattivi kollha neċessarji sabiex jingħalaq il-programm u jibda reġim ġdid ta’ ħlasijiet ġodda akkopjati taħt Fondi Ewropej.
Huwa mistenni li l-ħlas approvat isir fil-jiem li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk u kemm jista’ jinqabad tonn minn sajjieda full-time, part-time u min jipprattika s-sajd bħala passatemp?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond it-tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari tul l-istaġun ta’ dis-sena, is-sajjieda full-time u dawk part-time li jistadu permezz ta’ konz, kollettivament jistgħu jaqbdu sa 39,837 kg ta’ tonn, skond l-Awtorizzazzjoni tas-Sajd tat-Tonn maħruġa lilhom. Il-purse seiner jista’ jaqbad sa 130,667kg. filwaqt li dawk li jipprattikaw is-sajd bħala passatemp u għandhom l-awtorizzazzjoni meħtiega, jistgħu jaqbdu sa 2,000 kg bejniethom.
Jista’ l-Ministru jixtarr li fil-park tal-klieb il-kbar f’Ta’ Qali jkun hemm kjosk żgħir ħafna minn fejn dak li jkun hemm ikun jista’ jixtri xi ħaġa tal-ikel jew xorb waqt li jkun mal-kelb tiegħu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont it-tagħrif mgħoddi lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-għoti ta’ art tal-Gvern sabiex jitqiegħed Kiosk fuqha ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi. Għalhekk nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16579 li tagħmel referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12561, billi s-Segretarju Parlamentari indirizza konferenza stampa dwar dan is-suġġett fejn ħabbar dettalji dwar kemm bdiewa kienu se jibbenefikaw minn din l-iskema, jista' l-Ministru jgħid kif alura issa qed jitlobni nagħmel il-mistoqsija tiegħi lill-Ministru kkonċernat?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li nirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 16852, infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li t-tweġibiet li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari 12561 u 16579 kienu qed jirreferu għall-iskema tat-tiswijiet ta’ toroq tal-bdiewa li ħarġet fid-9 ta’ Settembru 2014 mill-MEAIM u allura ma kinitx tikkonċerna dan il-Ministeru. Il-Konferenza Stampa li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant kienet tikkonċerna skema tal-istess tip li ħarġet f’Mejju 2013 taħt id-dekasteru tas-Segretarju Parlamentari.
Jista’ l-Ministru jgħid liema kunsilli lokali ser jieħdu għajnuna mill-fondi ta’ nofs miljun ewro li ser jintużaw biex jitranġaw toroq rurali li jintużaw mill-bdiewa? Jista’ jgħid kemm hu l-ammont li ser jieħu kull kunsill? Jista’ jgħid liema toroq ser jiġu rranġati b’dawn il-fondi f’kull lokalità u x’tip ta’ xogħol ser isir? Kemm kien hemm talbiet li ma ġewx milqugħa u ta’ liema kunsilli kienu dawn it-talbiet?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba. Għall-aħħar parti tal-mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm talbiet minn Kunsilli Lokali li ma ġewx milqugħa.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li se jibbenefikaw mill-fond ta’ madwar €500,000 mill-Rural Development Programme li s-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes ħabbar dawn l-aħħar ġranet illi ser jkunu qed jingħataw lil 20 kunsill lokali biex jirranġaw toroq u passaġġi f’żoni rurali? Jista’ jagħti wkoll elenku u jgħid liema huma dawn it-toroq u l-passaġġi?