Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tfal li nħarġulhom care orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-etajiet tat-tfal li nħarġilhom care order bejn l-1 ta’ Jannar 2015 sal-1 ta’ Frar 2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 23131.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn min kienu komposti l-bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fis-snin 2013, 2014 u 2015? Jista’ jgħid x’kienu r-remunerazzjonijiet, ħlasijiet u benefiċċji li kienu qegħdin jirċievu dawn il-membri?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba minnu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pensjoni tad-Diżabilità Severa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji sabiex persuna tkun intitolata għall-Pensjoni tad-Diżabilità Severa (SVP)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, sabiex persuna tikkwalifika għall-Pensjoni tad-Diżabilità Severa, trid l-ewwel tissodisfa t-test tal-mezzi, kif stabbilit fit-Taqsima V tat-Tieni Skeda tal-Att dwar is-Sigurta` Soċjali (Kap 318), u wara li tidher quddiem Panel Mediku sabiex jiġi stabbilit jekk id-diżabilità hijiex elenkata fid-definizzjoni fl-Artikolu 2 tal-istess Att.

Pensjoni tad-Diżabilità Severa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li qed jieħdu l-Pensjoni tad-Diżabilità Severa (SVP) llum u jgħid ukoll kemm minnhom qegħdin f’impjieg full-time jew part-time?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, in-numru ta’ persuni li qed jieħdu Pensjoni tad-Diżabilità jammonta għal 3087 persuna. Minn dan in-numru, hemm jaħdmu 339 persuna full time, filwaqt dawk li jaħdmu part time huwa ta’ 248 persuna.

Social Work Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' anzjani li jagħmlu użu mis-Social Work Unit? Jista' jgħid jekk hemmx anzjani li qegħdin jistennew li jingħataw dan is-servizz u jgħid ukoll kemm idumu jistennew sabiex jingħataw dan is-servizz?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, matul is-sena 2015 ġew reġistrati 361 każ soċjali ġdid li jirrigwardjaw persuni anzjani. Minn dan l-ammont id-Dipartiment għadu jsegwi 89 każ; liema każijiet jirrikjedu moniteraġġ fit-tul. Il-bqija tal-każijiet imsemmija hawn fuq, li daħlu fis-sena 2015 ġew konklużi.

Home Help – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ ta’ individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward problema li għandu fuq home help?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fil-preżent il-każ imsemmi minnu huwa magħluq.

Applikazzjoni għall-bdil ta’ post – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward bdil ta’ post?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ imsemmi qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Kartuna Roża – Schedule V

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20439 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u jara x’inhu jsir mal- persuni dijabetiċi kollha li suppost għandhom id-dritt għall-kartuna r-roża, peress li numru ta’ persuni qegħdin jilmentaw li minkejja li l-kartuna r-roża ilha għandhom għall-aktar minn għaxar snin, iċ-Ċentri tas-Saħħa qed jaqbdu u jaqtgħu kollox mill-kartuna r-roża u jitfgħu kollox fuq Schedule V minkejja li dawn il-persuni għandhom dritt għal kartuna r-roża?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minħabba tibdil li kien sar fis-27 ta’ Marzu 2012, persuni li jbatu minn dijabete li kellhom dritt awtomatiku għal-karta r-roża, bdew jikkwalifikaw għal din il-karta biss jekk jgħaddu mit-test tal-mezzi. Minħabba lmenti li kien hawn dak iż-żmien, il-gvern preċedenti kien ddeċieda li min ried jibqa’ fuq il-karta r-roża kellu żmien sal-1 ta’ Ġunju 2012 sabiex jagħmel dan. Infatti d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għadu jġedded karti roża ta’ persuni li jbatu mid-dijabete, basta jipprovdu d-dokument SLH 145/MED 145, imġedded mid-Diabetic Clinic. Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali mhux f’pożizzjoni jgħid jekk kienx hemm persuni li nqalbu fuq Schedule V. Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jibqa’ jgedded karti roża ta’ persuni li jbatu mid-dijabete u mingħajr ma jagħmel test tal-mezzi lil dawk biss li jġibu dokument imġedded mid-Diabetic Clinic.

Pensjoni tal-Irtirar – żidiet fil-pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-pensjonanti li qed igawdu minn Pensjoni tal-Irtirar u li llum qed jibbenefikaw minn żidiet fil-pensjoni tagħhom (eskluż il-bonus u ż-żieda għall-għoli tal-ħajja) skont kif imħabbra fil-Budget 2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23049.

Awtorità tad-Djar – blokok ta’ appartamenti — sistema ta’ lifts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il binja għandha l-Awtorità tad-Djar konsistenti fi blokok ta’ appartamenti li huma attrezzati bis-sistema ta’ lift imma li attwalment mhumiex qed jiffunzjonaw? Jista’ jgħid fejn huma dawn il-lifts u jsemmi l-blokka konċernata bl-indirizz sħiħ? Jista’ jgħid kemm ilu wieqaf kull lift u jagħti d-data meta dawn il-lifts se jkunu qed jerġgħu jibdew jiffunzjonaw?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, mill-aħħar informazzjoni li kisbet l-Awtorità tad-Djar jirriżulta li, hemm 13-il lift li mhux qed jiffunzjonaw, li d-dettalji dwarhom qed jingħataw fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward dawk il-lifts fejn qiegħed ikun indikat illi t-tender tagħhom qed tiġi evalwata, huwa mistenni li jitlestew din is-sena, dejjem jekk kien hemm sottomissjoni teknikament u finanzjarjament aċċettabli. Il-bqija tal-informazzjoni fuq il-lifs l-oħra, hemm indikat fit-tabella, bir-rimarki ta’ f’liema stadju wasal il-proċess.

Servizz ta’ home help – nominal fee lura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed titħallas lura n-nominal fee li jħallas fil-ġimgħa kull anzjan li jagħmel użu mill-home help meta dan is-servizz ma jingħatax?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, ir-rifużjoni tat-tnaqqis li jseħħ mill-pensjoni ta’ persuna li tuża l-home help, tiżdied mal-pagament tal-pensjoni li jkun dovut jirċievi l-pensjonant, wara li tinħadem l-istess rifużjoni.

Servizz ta’ Home Help – verifiki biex ma jitnaqqsux flus mill-pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’verifiki qegħdin isiru mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex jiżguraw li pensjonanti li ma jkunux qed jirċievu s-servizz ta’ home help ebda ħlas għas-servizzi ma jitnaqqsilhom mill-pensjoni tagħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nirreferri lill-Onor. Interpellant li, bis-saħħa tas-simplifikazzjoni li qed issir f’għadd ta’ proċessi u proċeduri fil-Ministeru tiegħi, issa r-rifużjonijiet lil mijiet ta’ pensjonanti qegħdin jinħadmu b’mod awtomizzat. Fil-fatt fejn sa sena ilu konna qegħdin b’madwar sena u nofs rifużjonijiet b’lura, sal-aħħar ta’ dan nix-xahar ser inkunu qegħdin tlett xhur biss b’lura. Dak huwa il-massimu li wieħed jista’ jilħaq għaliex l-informazzjoni ta’ dawk il-pensjonanti li jkollhom dritt għal rifużjoni tinġabar sħiħa kull 3 xhur bi proċess awtomizzat.

Servizz ta’ Telecare u Telecare Plus – tariffi u charges

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma t-tariffi u ċ-charges kollha li qed jitħallsu mill-anzjan li diġà jagħmel użu mis-servizz ta’ Telecare jew li diġà qed jagħmel użu mis-servizz ta’ Telecare Plus, f’kull każ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, it-Tariffi tat-Telecare huma mqassmin hekk: · Telecare Biss: It-tariffi għadhom dawk li kienu taħt l-amministrazzjoni preċedenti : €2.33 + VAT (€2.50) kull xahar mal-kont tal-GO plc; · TelecarePlus: €4.00 inkluż il-VAT kull xahar mal-kont tal-GO plc; · Min għandu il-karta r-Roża u huwa eliġibbli, il-kera tat-Telecare/TelecarePlus ma titħallasx.

Servizz ta’ Telecare Plus – tariffi u charges

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma t-tariffi u ċ-charges kollha li jridu jitħallsu mill-anzjan li se jibda jagħmel użu mis-servizz ta' Telecare Plus? Jista' jgħid jekk hemmx ħlasijiet marbuta mal-installazzjoni tal-hub? Jekk hemm ħlasijiet, jista' jgħid kemm huma dawk il-ħlasijiet u min iħallashom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, t-tariffi u ċ-charges kollha li jridu jitħallsu mill-anzjan li se jibda jagħmel użu mis-servizz ta' Telecare Plus huma dawn: · €25 deposit mal-installazzjoni lit-Technician; · TelecarePlus: €4.00 inkluż il-VAT kull xahar mal-kont tal-GO plc · Min għandu l-karta r-Roża u huwa eliġibbli, il-kera tat-TelecarePlus ma titħallasx. Il-hub huwa l-istess package tat-TelecarePlus u għalhekk jitħallsu mill-klijent tat-TelecarePlus.

Iċ-Ċina,l-IStati Uniti, l-Indja, il-Bulgarija,il-Kambodja, ir-Russja ,il-Gana, iċ-Ċili, il-Brażil, Kosovo, l-Albanija u s-Slovakkja — adozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji u informazzjoni dwar fiex wasal il-proċess għal adozzjoni miċ-Ċina, mill-Istati Uniti, mill-Indja, mill-Bulgarija, mill-Kambodja, mir-Russja, mill-Ghana, miċ-Ċili, mill-Brażil, mill-Kosovo, mill-Albanija u mis-Slovakkja minn koppji / individwi Maltin aġġornata sal-31 ta’ Jannar 2016 u għal kull pajjiż?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li: · l-Awtorijitajiet taċ-Ċina, nfurmaw lill-Awtoritajiet Maltin li diġà għandhom numru kbir ta’ pajjiżi ma’ min jikkoperaw fil-qasam tal-adozzjoni. Għaldaqstant, l-Awtorijiet Maltin ġew mgħarrfa li f’dan l-istadju, l-Awtoritajiet taċ-Ċina mhux qed iħarrsu lejn kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi ġodda. · Il-proċess tal-adozzjoni mill-Istati Uniti ġie mwaqqaf minħabba li l-proċess propost mill-aġenzija fl-Istati Uniti ma nstabx li kien skont kif tipprovdi l-Konvenzjoni tal-Ajja u skont l-ispirtu tal-ligijiet lokali. · S’issa ntbagħtu seba’ (7) applikazzjonijiet ta’ ġenituri adottivi prospettivi Maltin lill-Awtoritajiet fl-Indja. · L-Awtorijitajiet Maltin qed jistennew risposta min-naħa tal-Awtoritajiet Bulgari dwar jekk jistgħux jiġu pprovduti riżultati ta’ testijiet mediċi kif mitlub mill-Awtorijiet tas-saħħa Maltin . · L-adozzjonijiet mill-Kambodja għadhom mhux miftuħa għall-pajjiżi terzi. · L-adozzjonijiet internazzjonali mir-Russja għall-ġenituri prospettivi adottivi Maltin mhumiex magħluqa. · It-taħdidiet bejn l-Awtorijiet tal-Ghana u l-Awtoritajiet Maltin jinsabu weqfin peress li l-Ghana għadha ma rratifikatx il-Konvenzjoni tal-Ajja. Id-diskussjonijiet jitkomplew hekk kif il-Ghana tirratifika l-Konvenzjoni tal-Ajja. · L-Awtorijiet taċ-Ċili ikkomunikaw mal-Awtoritajiet Maltin fir-rigward tal-adozzjoni. L-aġenziji akkreditati lokalment ser jiġu mgħarrfa dwar il-proċess tal-adozzjoni minn dan il-pajjiż . · L-aġenziji akkreditati lokalment huma liberi li jagħmlu kuntatt dirett mal-Awtorijiet tal-Brażil. · L-Awtoritajiet tal-Kosovo nfurmaw lill-Awtorijitajiet Maltin li n-numru ta’ tfal li huma eliġibbli għall-adozzjoni internazzjonali huwa limitat ħafna. It-tfal eliġibbli għall-adozzjoni internazzjonali għandhom problemi serji ta’ saħħa. · L-adozzjonijiet internazzjonali mill-Albanija għall-ġenituri adottivi prospettivi Maltin huma miftuħa. · L-adozzjonijiet internazzjonali mis-Slovakkja għall-ġenituri adottivi prospettivi Maltin huma miftuħa.

Il-Brażil — adozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk fil-jiem / ġimgħat li ġejjin hux ser titla’ delegazzjoni minn Malta biex tiltaqa’ mal-Awtoritajiet Brażiljani b’rabta ma’adozzjonijiet mill-Brażil, minn koppji / individwi Maltin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm il-ħsieb li fiż-żmien li ġej isiru laqgħat ġewwa l-Brażil, fir-rigward ta' adozzjonijiet minn koppji jew individwi Maltin.

Adozzjonijiet – problemi mad-Dipartiment tas-Saħħa f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jelenka ma’ liema pajjiżi qed ikun hemm problemi mad-Dipartiment tas-Saħħa f’Malta, b’rabta ma’adozzjonijiet minn pajjiżi barranin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, id-Dipartiment tas-Saħħa qed jitlob li jkun hemm testijiet u riżultati mediċi speċifiċi mill-Bulgarija kif jiġi pprovdut minn pajjiżi oħra u dan fl-akbar interess tat-tfal infushom u l-ġenituri addottivi prospettivi.

Adozzjonijiet – problemi mad-Dipartiment tas-Saħħa f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-problemi li qed ikun hemm fil-proċess ta’ adozzjoni relatati mad-Dipartiment tas-Saħħa f'Malta ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nrreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23123.

Adozzjonijiet – aġenziji akkrediati f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista aġġornata ta’ aġenziji akkreditati f’Malta li jistgħu jaħdmu fil-qasam tal-adozzjonijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-aġenziji akkreditati mill-Awtorità Ċentrali li jistgħu jaħdmu fil-qasam tal-adozzjoni huma: · Adoption Legal Services , · Adoption Opportunities , · Aġenzija Appoġġ, · Aġenzija Tama, u · Beyond Borders Adoption Agency .

Adozzjonijiet – talbiet ta’ aġenziji privati biex jiltaqgħu mal-Awtorità Ċentrali Maltija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba saret minn aġenziji privati nvoluti fl-adozzjonijiet sabiex jiltaqgħu mal-Awtorità Ċentrali Maltija bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u l-31 ta’ Jannar 2016? Jista’ jindika kemm-il laqgħa saret fl-istess perjodu ma’ dawn l-aġenziji?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma jinżammx rendikont ta’ kemm laqgħat isiru. Kull aġenzija akkreditata li toffri servizzi relatati mal-adozzjoni, tagħmel talba biex tiltaqa’ mal-Awtorità Ċentrali, din ta’ l-aħħar dejjem tilqa’ tali talba. L-Awtorita’ Ċentrali ikollha diskussjonijiet ma’ diversi aġenziji privati nvoluti fl-addozzjonijiet.