MCAST – eNGOs – base placements għal studenti tal-Environmental Engineering
Question
Jista’ l-Ministru jispjega l-prattika adottata fuq base placement għal studenti tal-Environmental Engineering fl-MCAST fil-Livell 5 fejn l-istudenti ġew assenjati aktar placements mal-eNGOs milli ma’ kumpaniji wara li kellhom ifittxu kumpaniji huma stess, mingħajr ebda għajnuna, sabiex jagħtuhom it-taħriġ relatat mal-kors tagħhom? Jista’ jikkonferma dan?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li din il-mistoqsija hi dwar il-kors tad-degree li parti mill-programm hu “block internship” fejn l-istudenti huma mistennija jqattgħu erba’ ġimgħat kull sena akkademika jaħdmu ma’ xi organizzazzjoni fil-qasam ambjentali. L-organizzazzjonijiet magħżula huma taħlita ta’ kumpaniji kummerċjali, entitajiet pubbliċi kif ukoll organizzazzjonijiet mhux governattivi. L-għażla tiddependi minn dawk l-organizzazzjonijiet li juru interess li jieħdu student f’dik is-sena partikolari. Dan hu fil-fatt proċess li hu xprunat mill-industrija. L-istudenti tal-MCAST huma ggwidati u megħjuna mill-amministrazzjoni tal-Istitut. Però, fil-livell ta’ degree, l-istudenti huma mistennija li jieħdu r-responsabbiltà li jidentifikaw u jikkomunikaw mal-organizzazzjonijiet. Dan il-proċess hu fil-fatt parti mill-programm innifsu.
MCAST – Kors tal-Applied Sciences – metodu ta’ assessjar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-metodu ta’ assessjar għall-kors tal-Applied Sciences ġewwa l-MCAST, partikolarment tal-Environmental Engineering, ikunx deċiż mill-għalliema matul is-sena jew inkella jkunx deċiż bil-quddiem mill-bidu tas-sena akkademika? Jekk ikun deċiż fil-bidu tas-sena akkademika, jista’ jipproduċi kopja li tiċċertifika l-metodu ta’ assessjar li tingħata lill-istudenti sabiex jagħmlu deċiżjoni infurmata fuq il-kors li jkunu għażlu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li r-regoli li jirrigwardjaw din il-mistoqsija (MCAST Regulation 018 (ASSIGNMENTS, ASSESSMENTS AND APPEALS POLICIES AND PROCEDURES FOR LEVELS 1,2,3,4 AND 5)) jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-MCAST għal aċċess faċli, kif ukoll fil-manwal tal-istudenti tal-MCAST. Dawn ir-regoli jistabbilixxu kull kriterju ta’ assessjar li l-istudent għandu jkun jaf bihom, bħal pereżempu regola 1.3 li tistabbilixxi li ‘l-mod ta’ l-assessjar li bih jinġabar u jiġi interpretat l-evidenza ta’ kompetenza għandu jkun varjat u bbażat fuq kriterju li jkun kkomunikati mal-istudent malli jingħata/tingħata mal-assignment’. Il-kriterji u l-iskema ta’ mmarkar huma inklużi fis-sillabu ta’ kull unit u kull lecturer jimxi ma’ dawn b’mod rigoruż. L-istudenti għandhom aċċess għal dawn is-sillabi u għalhekk l-istudenti jkunu jafu minn qabel xi jkun mistenni minnhom f’kull unit.
Skejjel u istituti edukattivi – persuni b’diżabilità — impjieg
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni b’diżabilità li qegħdin jaħdmu fl-iskejjel u istituti edukattivi tal-istat matul is-sena skolastika 2015-2016? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statistika dwar kemm hu n-numru f’kull skola u istitut fejn fihom qegħdin jaħdmu dawn il-persuni b’diżabilità u x’inhu x-xogħol li tagħmel kull persuna?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi u d-Dipartiment tal-Operat ma jżommux statistika dwar persuni b’diżabilità li jaħdmu fl-iskejjel u istituti edukattivi tal-istat. Madankollu, infurmat mill-MCAST li din timpjega sitt (6) persuni b’diżabilità li qegħdin jaħdmu fl-amministrazzjoni u l-istituti tagħha. Wieħed huwa Lecturer, erbgħa jagħmlu xogħol klerikali u impjegat ieħor jagħmel xogħol ta’ messaġġier. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li kien għad jonqos tingħata informazzjoni mill-Università ta' Malta. Dan it-tagħrif ikun jista' jingħata bħala informazzjoni addizzjonali hekk kif tingħatali din l-informazzjoni.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – impjegati li siefru
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ uffiċjali u impjegati fi ħdan il-Ministeru, Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka u Sport u direttorati li siefru matul is-sena 2015 minħabba impenji ta’ xogħol? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ min kienu dawn l-uffiċjali, f’liema pajjiżi siefru, għal liema raġuni u kemm ġiet tiswa kull mawra tagħhom barra minn pajjiżna?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-pjan ta’ implimentazzjoni tal-Learning Outcomes Framework? Jista’ jgħid meta u f’liema snin jew livelli se jiġu implimentati dawn il-frameworks fix-xhur li ġejjin? Jista’ jgħid jekk kienx hemm xi kumpaniji jew individwi li taw servizz ta’ konsulenza fil-formular u preparazzjoni tal-Learning Outcomes Framework? Jekk iva, min kienu dawn il-kumpaniji u kemm kien il-ħlas li sar lill-kumpanija sal-lum?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tħejjijiet għall-implimentazzjoni tal-Learning Outcomes Framework qegħdin isiru fuq diversi livelli.
(i) Saru laqgħat ta’ informazzjoni mal-kapijiet tal-iskejjel kollha, primarja u sekondarja, tal-istat, tal-knisja u independenti
(ii) Saru laqgħat ta’ tħejjija mal-Uffiċjali Edukattivi u kapijiet tad-Dipartimenti. Qed isiru Professional Development Sessions ta’ sagħtejn jew iktar f’kull skola, f’Malta u Għawdex. Qiegħdin isiru laqgħat fil-College of Heads Meeting ta’ kull kulleġġ.
(iii) Ġew imħarrġa 70 persuna fi gradi differenti ta’ għalliema sabiex ikunu train-the-trainers f’dan il-proċess.
(iv) L-Ufficjali Edukattivi qiegħdin jippreparaw għall-Inset courses tal-għalliema.
(v) Sar Training Needs Analysis ma’ numru kbir ta’ għalliema, li r-riżultat tiegħu għandu jgħin sabiex l-għajnuna meħtieġa tiġi ffukata fejn l-aktar hemm bżonn.
It-tħejjijiet se jkomplu u jissaħħu fil-ġimgħat u xhur li ġejjin, qabel tibda l-implimentazzjoni f’Settembru 2016. Il-ħsieb huwa li l-implimentazzjoni tibda fil-kinder 1, fit-tielet sena tal-primarja u fl-ewwel sena tas-sekondarja.
Il-Learning Outcomes Framework kien proġett li sar b’fondi Ewropej (ESF). Kien hemm żewġ tenders fil-proġett. It-tender sabiex jinkitbu l-Learning Outcomes kien intrebaħ mill-Outlook Coop flimkien ma’ East Coast Education u Institute of Education, waqt li t-tender għat-taħriġ tas-70 persuna bħala train-the-trainers u t-tfassil ta’ Training Needs Analysis kien intrebaħ minn Idea Malta Ltd flimkien ma’ Domain Group u Cork Community University. L-ewwel tender kien ta’ €1,982,903 u t-tieni wieħed kien ta’ €459,021. Kien hemm ukoll tlett sejħiet għall-esperti lokali. Intlaqgħu 253 applikazzjoni. Dawn tħallsu b’kollox €533,832.
Servizz ta’ xiri ta’ stationery għall-iskejjel primarji u sekondarji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb min-naħa tad-direttorati li tinħareġ tender waħda għall-servizz ta’ xiri ta’ stationery għall-iskejjel primarji u sekondarji kollha statali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru ħareġ erba' tenders għall-Kulleġġi u l-iskejjel kollha tal-Istat, li bħalissa qegħdin fl-istadju ta' aġġudikazzjoni.
Ministeru għall-edukazzjoni u x-Xogħol – petrol u diesel — nefqa
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21628 u jgħid kemm intuża petrol u diesel kull ġimgħa u kemm ġie jiswa fi flus kontanti, għall-karozza li juża l-istess Ministru minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Novembru 2015? Jista’ jgħid ukoll kemm intuża petrol u/jew diesel kull ġimgħa u kemm ġie jiswa fi flus kontanti għat-tieni karozza u karozzi oħra li juża l-istess Ministru, jew xi ħadd awtorizzat minnu, minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Novembru 2015?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ispiża fuq fuel għall-karozza uffiċjali fil-perjodu msemmi minnu kienet ta’ medja ta’ €130.15 fil-ġimgħa. Bħala fuel ingħatat medja ta’ 90 litru fil-ġimgħa.
Il-Ministru mhux jagħmel użu mit-tieni karozza.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm u liema kienu d-dixxiplini offruti waqt SkolaSport fil-gżira ta’ Għawdex, matul l-aħħar ħames snin, sena b’sena?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li din hija l-ewwel edizzjoni ta’ Skolasport fil-gżira ta’ Għawdex u d-dixxiplini offruti huma:
Basketball
Martial Arts
Tennis
Athletics
Gymastics
Volleyball
Dance
Kidz Blitz
Skejjel Primarji u Sekondarji – lezzjonijiet tal-PE
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm isiru lezzjonijiet tal-PE fl-iskejjel Primarji u dawk Sekondarji ta’ Għawdex?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-iskejjel kollha primarji fil-Kulleġġ t’Għawdex isiru żewġ lezzjonijiet tal-Edukazzjoni Fiżika fil-ġimgħa.
Fl-Iskola Medja l-istudenti għandhom tlett lezzjonijiet tal-Edukazzjoni Fiżika fil-ġimgħa filwaqt li fl-Iskola Sekondarja ssir lezzjoni waħda fil-ġimgħa.
Dawk l-istudenti f’livell Sekondarju li jagħżlu l-Edukazzjoni Fiżika bħala option jkollhom ħames lezzjonijiet fil-ġimgħa.
Minbarra dan, numru ta’ għalliema speċjalizzati jżuru l-iskejjel kollha, inkluż dawk tal-Knisja u jorganizzaw attivitajiet sportivi bħal trekking, atletika u climbing. Minn din is-sena skolastika ġew re-introdotti festivals tal-futsal u l-basketball bejn l-iskejjel f’livell primarju.
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu d-dixxiplini sportivi li ddaħħlu fl-iskejjel matul din is-sena skolastika?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena skolastika ġew introdotti għall-ewwel darba d-dixxiplini tal-golf, rugby, waterpolo u table tennis.
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu s-servizzi offruti minn Aġenzija Żgħażagħ matul l-2015?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2015 l-Aġenzija Żgħażagħ offriet servizz ta` youth work minn ġewwa l-Youth Hubs u l-Youth Cafes. Barra minn dan beda servizz ġdid ta’ Detached Youth Work u tkompla s-servizz ta` Youth Information One Stop Shop li jinkludi l-website ta’ informazzjoni, is-servizzi tal-Youth.Inc u s-servizzi ta` skemi, il-karta żgħażagħ u diversi proġetti ta` empowerment li jgħinu liż-żgħażagħ u għaqdiet ikabbru il-kapaċitajiet tagħhom. L-għaqdiet taż-żgħażagħ setgħu jibbenefikaw minn self ta` apparat kif ukoll setgħu jagħmlu użu miċ-ċentri tal-attivitajiet li hemm ġewwa Marsaxlokk u Ħad-Dingli.
Università ta’ Malta – studenti li qed jattendu aktar minn kors wieħed
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Università ta’ Malta tippermettix li jkollha magħha studenti li jkunu qed isegwu iktar minn kors wieħed fl-istess ħin? Jekk iva, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk preżentament hemmx studenti li qed jagħmlu hekk? Jekk iva, f’liema livell ta’ studju qed iwettqu dawn l-istess studji?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi n-numru ta’ studenti fl-Università ta’ Malta li f’din is-sena akkademika qed isegwu iktar minn kors wieħed fl-istess ħin. Il-lista tinkludi wkoll il-livell tal-MQF ta’ kull kors imsemmi.
L-Università għall-ewwel darba offriet korsijiet fil-profiċjenza fil-lingwi barranin li jistgħu jittieħdu flimkien ma’ kors ieħor fuq bażi full-time biex tħajjar aktar studenti jitgħallmu lingwi barranin moderni. Din l-inizjattiva ġiet milqugħa tajjeb mill-istudenti.
Billi jidher li l-Ministeru tefa’ l-applikazzjoni neċessarja biex tkun tista’ tinbena Skola Primarja ġdida fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istess pjanta li qed tiġi proposta għal dan ix-xogħol? Meta hu maħsub li se tinbeda din l-iskola u meta hu mistenni li titlesta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada għadha kemm issottomettiet applikazzjoni l-MEPA u huwa ppjanat li din l-iskola titlesta għas-sena skolastika 2017/2018.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti li ġew sottomessi mal-applikazzjoni l-MEPA.
Skola Primarja tar-Rabat Għawdex – sigurtà mal-binja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’sigurtà hemm mal-binja li fiha hemm l-Iskola Primarja tar-Rabat, Għawdex, l-Arkivji Nazzjonali u l-Bibljoteka ta’ Għawdex fi Triq Vajringa? X’inhi r-raġuni li ttieħdet id-deċiżjoni li jitneħħew il-watchmen kollha li kien hemm f’din il-binja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-iskola hija mgħammra b’intruder alarm system. Ġie deċiż li l-unika persuna li kienet għadha qed tagħti servizz ta’ watchman f’din l-iskola tiġi trasferita ġo skola oħra ġewwa r-Rabat, Għawdex, fejn is-servizzi tagħha huma aktar meħtieġa.
Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport – għoti ta’ kuntratti lil individwu
Question
Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tal-kuntratti kollha (servizzi jew xogħol) li ngħata l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jew lill-uffiċċju legali tiegħu fl-entitajiet u d-dipartimenti kollha tal-istess Ministeru tiegħu, inkluż dawk li jaqgħu taħt is-Segretarjat Parlamentari fi ħdan l-istess Ministeru bejn Marzu 2013 u Novembru 2015? X’inhuma l-valuri ta’ dawn il-kuntratti u meta ngħataw? F’kull każ, dan kien riżultat ta’ direct order jew le?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mid-dipartimenti u l-entitajiet fi ħdan il-Ministeru tiegħi, inkluż dawk li jaqgħu taħt is-Segretarjat Parlamentari, kien hemm entità waħda li fil-perjodu msemmi fil-mistoqsija ingħatat servizz mill-, jew tat xogħol lill-individwu indikat mill-Onor. Interpellant. Dawn iż-żewġ servizzi, li ngħataw mill-MCAST b'direct order, kienu jikkonċernaw pariri dwar relazzjonijiet industrijali u kellhom il-valur ta' €472 u €708 rispettivament.
Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport – għoti ta’ kuntratti lil kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tal-kuntratti kollha (servizzi jew xogħol) li ngħatat il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill- entitajiet u d-dipartimenti kollha tal-istess Ministeru, inkluż dawk li jaqgħu taħt ir-responsabilità tas-Segretarjat Parlamentari fi ħdan il-Ministeru, bejn Marzu 2013 u Diċembru 2015? X’inhuma l-valuri ta’ dawn il-kuntratti u meta ngħataw? F’kull każ, dan kien riżultat ta’ direct order jew le?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mid-dipartimenti u l-entitajiet fi ħdan il-Ministeru tiegħi, inkluż dawk li jaqgħu taħt is-Segretarjat Parlamentari, kien hemm erba' kuntratti li ngħataw b'direct order lill-kumpanija indikata mill-Onor. Interpellant għall-valur rispettiv ta' €466.10, €1,804.22, €686.00 u €123.90. Barra minn hekk, kien hemm żewġ kirjiet ta' equipment mill-Università ta' Malta li ngħataw b'direct order b'valur ta' €1,923.40 'l waħda.
Problema mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni– każ ta’ individwu
Question
Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, minħabba problema li għandha mad-dipartiment tal-edukazzjoni ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet ikkuntattjata. Rigward id-dettalji li ngħataw separatament, qiegħed ngħaddi informazzjoni dwar dan il-każ direttament lill-Onor. Interpellant b'mod kunfidenzjali.