Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal ix-xogħol ta' ġibjun li qiegħed jinbena taħt il-promenade f'Tas-Sliema bħala parti mix-xogħol ta' embellishment ta' din l-area? Kemm se jiġi jiswa dan il-ġibjun?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol tal-ġibjun li qiegħed jinbena taħt il-promenade f'tas-Sliema jinsab fi stadju avvanzat. F'dawn il-ġranet ser jingħata l-aħħar 'lift' tal-ħitan tal-konkos u fi ftit jiem wara jissaqqaf il-ġibjun.
L-offerta għal dan ix-xogħol ittieħdet għas-somma ta' Lm 21,754. u għadu mhux magħruf kemm ser ikun il-valur totali ta' dan ix-xogħol minħabba li x-xogħol għadu għaddej.
Jista' l-Ministru jgħid kif il-Junior Lyceum ta' Santa Lucia qed tinbena mingħajr Assembly Hall jew Science Laboratories meta din suppost li hija skola ġdida?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jikkonferma illi residenti fi Triq Dun Karm Sant f'Ħal Tarxien qegħdin ibatu minn dawl baxx jew nieqes fit-triq? Jekk fl-affermattiv, jista' jipprova jirrimedja din is-sitwazzjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-possibbilita' li jsir culvert jew xi arranġament ieħor sabiex l-ilma qawwi li jaqa' fi Triq San Mikiel, l-Imqabba ma jibqax jirrendi l-ħajja impossibbli kull meta tagħmel ix-xita?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Billi dan ix-xogħol huwa responsabbilta' tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, għalhekk din il-mistoqsija għandha tiġi ndirizzata lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara s-sistema tad-drenaġġ f'Valletta Road, Żurrieq, tinbidel peress li kull meta tagħmel ix-xita, il-kapitelli li jgħattu d-drenaġġ jiżbroffaw u qed issir ħafna ħsara f'din it-triq li minnha jgħaddu eluf ta' karozzi kuljum? Jaf li kull xitwa d-dipartiment tat-toroq jonfoq eluf ta' liri biex isewwi l-ħsara li ssir bix-xita u kull darba, wara li terġa' tagħmel ix-xita, it-triq terġa' titla'?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Id-Dipartiment tad-Drenaġġ ilu jaħdem biex tiġi mtejba s-sistema tad-drenaġġ ġewwa Valletta Road, Żurrieq. Fil-fatt diġa' sar main kbir minn fejn ir-roundabout taż-Żurrieq sal-post fejn bħalissa hemm dan l-inkonvenjent. Din it-tieni parti għad trid issir, u minħabba li t-triq li rridu nidħlu minnha (li tieħu għal Ħal-Kirkop) hija dejqa ħafna u mimlija servizzi oħra, ttieħdu passi biex jiġi esproprijat passaġġ minn ġo l-għelieqi ta' biswit biex jgħaddi dan il-main propost. Din l-esproprjazzjoni qiegħda fi stadju avvanzat, u hekk kif tiġi ppubblikata jinħareġ tender biex din il-biċċa li jonqos issir ukoll.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal ix-xogħol ta' latrini ġodda li qegħdin isiru bħala parti minn xogħol ta' embellishment f'Tas-Sliema?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta' latrina ġdida bħala parti mix-xogħol ta' embellishment f'tas-Sliema jinsab fil-fażijiet tal-bidu tal-kostruzzjoni. Sa issa tqatta' l-blat u nbeda xi xogħol fuq il-pedament tal-bini.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kuntratturi li qegħdin jagħmlu x-xogħol bħala parti mill-embellishment f'Tas-Sliema? X'tip ta' xogħol qegħdin jagħmlu u x'inhu l-valur tal-kuntratti rispettivament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-kuntratturi li qegħdin jagħmlu xogħol bħala parti mill-embellishment f'tas-Sliema, x'tip ta' xogħol qegħdin jagħmlu u l-valur tal-kuntratti rispettivi tagħhom jidhru fil-lista li tidher hawn taħt:
Kuntratt Kuntrattur Valur
ta' l-offerta
--------------------------------------- -------------------------------
Paving Attard Bros. Lm171,555.
Bini ta' ġibjun Messrs. Rene Scicluna Lm 21,754.
Bini ta' latrina ġdida Mr. Frans Abela Lm 18,449.
Precast concrete elements C. Vella & Sons Ltd. Lm 19,827.
In-situ concrete kerbs Road Group Co. Ltd. Lm 12,165.
Gulley Tops Attard Tipped Tools Ltd. Lm 4,300.
Gulley Tops Clo. Farrugia (Melfar) Lm 1,335.
Peress li hemm numru ta' talbiet pendenti għall-estensjonijiet u manutenzjoni fis-servizzi tad-drenaġġ fil-lokalitajiet tat-12-il distrett, jista' l-Ministru jara li jsir programm ta' xogħol sabiex jiġu rimedjati dawn il-bżonnijiet tar-residenti? Jista' jinfurmana bil-programm ta' xogħol li d-dipartiment tad-drenaġġ għandu għal dan il-għan fil-lokalitajiet tat-12-il distrett?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jikkonferma l-ilment tar-residenti ta' Triq il-Pellikani, Tarxien li ilhom ma jkollhom kennies fit-triq tagħhom għal xhur sħaħ?
Jista' l-Ministru jara li s-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu direttament lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba qed jintbagħat kennies fi Triq Dun Karm Sant, Tarxien, peress li hemm ħafna lmenti minn residenti fl-inħawi li qatt ma qed imur kennies fl-inħawi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-programm għal din is-sena li fassal il-Kumitat għar-riabilitazzjoni tal-belt ta' l-Imdina dwar manutenzjoni u restawr ta' bini u monumenti f'din il-belt antika?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15427 (Seduta 284).
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex ix-xogħol fuq il-ħajt tat-Tarzna, waqaf? Meta se jitkompla dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant ix-xogħol madwar id-dock tat-Tarzna qiegħed isir b'kollaborazzjoni bejn it-Tarzna u t-Taqsima tax-Xogħlijiet. Minħabba d-direttivi li tat il-General Workers Union, il-ħaddiema tat-Tarzna ħassew illi dan ix-xogħol jaqa' taħt id-direttivi u għalhekk la komplew fuq ix-xogħol huma u lanqas għamlu s-sit aċċessibbli għall-ħaddiema tal-Gvern. Din hija l-unika raġuni għaliex ix-xogħol ma tkompliex.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħata bidu għax-xogħlijiet fil-proġett tal-Kottonera? X'se tkun l-ewwel fażi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ewwel fażi proposta tikkonsisti fil-kostruzzjoni tal-lukanda mill-Port Cottonera Consortium u l-kostruzzjoni tal-bini ta' madwar il-Menqa mill-Cottonera Waterfront Group, kif ġew approvati mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar u ż-żewġ konsorzja qed jagħmlu l-preparamenti neċessarji biex ikunu jistgħu jibdew ix-xogħol mill-aktar fis possibbli.
Ninsab infurmat mill-konsorzja illi x-xogħol mistenni jibda lejn l-aħħar ta' Ġunju 2000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba sar il-gibsum mal-ħitan ta' St James Cavalier? Jista' jgħid, jekk huwa l-każ, għaliex sar aktar minn darba fl-istess post? Jista' jgħid f'kull okkażjoni kemm ġiet tlaħħaq l-ispiża u min qed jagħmel dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kisi bil-gypsum mal-ħitan ta' St. James Cavalier sar darba biss għajr għal xi postijiet żgħar fejn, minħabba l-kundizzjoni tal-ħajt, kellu jingħata iżjed minn darba. Dan ix-xogħol qed isir mill-kuntrattur li ingħata t-tender tal-'finishes' u jitħallas bir-rati li hemm fil-kuntratt.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa t-travertin li tpoġġa mal-ħitan ta' St James Cavalier? Jista' jgħid għaliex sar bi ħxuna ta' żewġ pulzieri, u jekk huwiex normali li jsir hekk? Jaf il-Ministru li din il-ħxuna ta' irħam mhux normali li titpoġġa mal-ħitan għaliex biż-żmien jekk tiżviluppa l-umdita' dan issirlu ħafna ħsara? Jista' jgħid min qed jagħmel dan ix-xogħol u min ħa dawn id-deċiżjonijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-travertine li tpoġġa mal-ħitan ta' St. James Cavalier kellu ħxuna kemm ta' 3cm kif ukoll ta' 5cm u sar hekk għal raġuni estetika. Dan tqiegħed fuq ħitan mibnija ġodda u ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha kontra l-umdita'. Ix-xogħol qed isir mill-kuntrattur li ingħata t-tender tal-'finishes'.