Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħxejjex — Sussidju

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-prezz medju tal-ħxejjex friski prodott prodott għax-xhur ta' Jannar u Frar separatament? Kemm kien is-sussidju dovut fuq din il-produzzjoni u meta se jitħallas?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra f’Seduta oħra.

Dwieli f'Għawdex

Question

Jista' il-Ministru jgħid fl-aħħar ta' kull sena mill-1998 sa l-2005 f'Għawdex: x'kienet l-area u x'kien in-numru totali ta' egħlieqi bi dwieli skond id-daqs tagħhom; x'kienet il-varjeta' tad-dwieli skond id-daqs; x'persentaġġ tal-gżejjer Maltin kienu l-area u n-numru ta' dwieli f'Għawdex skond il-varjeta' tagħhom; x'kienet il-produzzjoni ta' kull varjeta'; x'kienu l-ispejjeż u l-valur tal-produzzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Inċineratur tal-biċċerija

Question

Jista' il-Ministru jgħid: a) fiex wasal il-proġett sabiex jiġi stallat l-apparat neċessarju fl-inċineratur tal-biċċerija sabiex tittaffa r-riħa u x-xaħmijiet li joħorġu miċ-ċumnija ta' l-istess? b) meta dan l-apparat se jiġi stallat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 17644.

Bord għall-kontroll ta' l-iżvilupp — Applikazzjonijiet tat-tip reconsiderations

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex hemm dewmien esaġerat sabiex applikazzjonijiet tat-tip reconsiderations jidhru quddiem il-bord għall-kontroll ta' l-iżvilupp? Ma jaħsibx li dewmien ta' aktar minn erba' xhur biex applikazzjoni tingħata d-data wara li l-case officer ikun ħadem ir-rapport huma torturi żejda għall-applikanti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Fil-waqt li huwa minnu li Diviżjoni waħda minn tlieta (Diviżjoni B) għandha quddiemha numru ta' talbiet biex tirrikonsidra d-deċiżjoni oriġinali, wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li din id-Diviżjoni tirrikonsidra kull applikazzjoni fiz-zona ta' żvilupp, u għalhekk għandha numru akbar ta' applikazzjonijiet mid-Diviżjonijiet l-oħrajn. Wieħed irid jinnota wkoll li f'dawn l-aħħar xhur l-management ta' l-Awtorità insista u wettaq miżuri biex tiġi osservata l-provvediment tal-liġi, li r-rapport għal rikonsiderazzjoni jkun lest fiż-żmien tletin ġurnata mit-talba u jiġi deċiż sa tlett xhur wara. L-isforzi li saru biex jindirizzaw dan id-dewmien ħallew l-frott mixtieq għaliex issa r-rapport fuq talbiet għal rikonsiderazzjoni qed jitlesta fi żmien tletin ġurnata. Din l-effiċjenza fl-ipproċċessar issa rriżulta f'backlog temporanju quddiem id-Development Control Commission (DCC). Is-sitwazzjoni preżenti qed tiġi diskussa u ser jittieħdu miżuri oħra biex iħaffu aktar il-proċess tad-deċiżjoni quddiem il-Kummissjoni.

MEPA — Draft Local Plan

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' reazzjonijiet jew kummenti li l-MEPA rċeviet wara l-pubblikazzjoni tad-Draft Local Plan għan-Nofsinhar ta' Malta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li n-numru ta' sottomissjonijiet bil-miktub li rċeviet l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) wara l-pubblikazzjoni tad-Draft Local Plan għan-Nofsinhar ta' Malta kien ta' 573. Ma’ dawn wieħed irid jikkunsidra wkoll il-kummenti li saru waqt il-laqgħat pubbliċi bħala parti mill-konsultazjoni pubblika. Madwar sittin persuna għamlet kumment waqt dawn il-laqgħat.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Kiri ta' Karozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' karozzi mikrija mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu? Kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus totali għal dawn il-kirjiet matul l-2005?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2005 il-Ministeru ta’ l-Affarijiet Rurali u l-Ambjent nefaq Lm65,866 f’kiri ta’ 43 karozzi. In-numru ta' karozzi mikrija u/jew ġew leased mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar matul is-sena finanzjarja li ntemmet fit-30 ta' Settembru 2005 huwa ta' 56. L-ispiża totali f'ċifra ta' flus għal dawn il-kirjiet matul l-istess sena finanzjarja kienet ta' Lm 111,014. Il-kumpanija Wasteserv Malta Ltd fl-2005 kriet karozza waħda. L-ispiża totali f'ċifra ta' flus għal dawn il-kirjiet matul l-2005 kienet ta' Lm 2,096.16.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Karozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inxtraw, inkrew jew ġew leased karozzi fil-ministeru u l-enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament bejn Ottubru sa Diċembru 2005 u mill-1 ta' Jannar sal-lum separatament? X'inhi ċ-ċilindrata ta' dawn il-karozzi u x'tip ta' fuel jużaw?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Importazzjoni ta' tjur

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema kienu l-kumpanniji li matul l-2005 inqabdu mid-dipartiment tas-saħħa jipproċessaw tjur importati kif ukoll irriżulta f'rapport ta' espert tal-FAO li kien hawn Malta fl-istess sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Biċċerija — Inċineratur

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm se tiswa l-ispiża biex jitħaddem l-inċineratur tal-biċċerija? Min se jagħmel tajjeb għal din l-ispiża?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li qegħdin isiru diversi studji biex tiġi ddeterminata l-aħjar sistema biex jitħaddem l-inċineratur. F'dan l-istadju għadha ma tteħditx deċiżjoni finali.

Biċċerija — Inċineratur/Deboning section

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex is-substation li kellha tintuża biex tħaddem is-saħħa tad-dawl li jeħtieġu l-inċineratur tal-biċċerija u d-deboning section baqgħet ma saritx matul l-2005? Meta se tiġi stallata u kemm se tiswa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-proċess ta' "upgrading" tas-substation fil-biċċerija beda fl-2005 u qiegħed isir bil-għan li jilqa’ għall-ħtiġijiet preżenti u futuri tal-impjanti kollha fil-kumpless tal-biċċerija. Dan kollu qiegħed isir fi proġett konġunt ma' l-Enemalta biex jassigura li l-istallazzjoni issir fin-normi tas-sigurtà u saħħa, u li s-sistema ta' distribuzzjoni kollha tiġi mmodernizzata.

Biċċerija — Inċineratur

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-inċineratur tal-biċċerija ma tħaddimx f'Ottubru 2005, kif kien dikjarat mill-gvern? Meta se jibda jaħdem?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-inċineratur il-ġdid huwa ntiż li jibda jaħdem aktar tard din is-sena wara li jiġi kkomissjonat skond ir-regoli stabbiliti għal impjanti ta’ dan il-ġeneru.

Imħażen fejn jinżammu l-kaxxi nodfa (dugħ)

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex ittieħdu l-imħażen fejn jinħażnu l-kaxxi nodfa (dugħ) sabiex jintużaw għal għanijiet oħra? Meta ttieħdu u meta se jingħataw imħażen ġodda għall-ħażna tal-kaxxi nodfa li jaħslu l-Pitkali Crates Ltd.?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Mhux minnu li ttieħdu l-imħażen iżda ninsab infurmat li qegħdin jittieħdu passi sabiex l-imħażen il-ġodda għall-ħażna tal-kaxxi nodfa li jinħaslu mill-Pitkali Crates Ltd jiġu mkabbra.

Ħaż-Żabbar

Question

Jista' il-Ministru jirriferi għal file no. 05182/05 u 07346/04, sit f'Ħaż-Żabbar, zona St Peters u jinformana jekk dan il-bini huwiex skond il-liġi u jgħid jekk hux qed jitħalla spazju skond il-liġi, cioe' distanza bejn gallerija u bitħa ta' terzi? Kien hemm xi stop notices fuq dan is-sit?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret fuq il-post imsemmi, irriżulta li x-xogħol wasal sal-livell terran (ground floor level) u qiegħed skond il-permess u pjanti approvati fil-permess PA 7346/04. Ma jirriżultax li kien hemm stop notice. Dwar l-applikazzjoni PA 5182/05 din għadha pendenti.

Tħawwil ta' siġar

Question

Jista’ il-Ministru jindika l-ammont ta' siġar li ġew imħawla din is-sena, il-lokalitajiet fejn tħawlu u t-tip tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li numru ta’ siġar ġew imħawla mill-Environmental Landscaping Consortium (ELC) din is-sena minkejja l-maltemp kontinwu. Dawn is-siġar ġew imħawla f'diversi postijiet fosthom il-Pinetum tal-Pietà, Xrobb l-Għaġin u triqat ċentrali. It-taħwil jikkonsisti f’: Siġar 1,148 Arbuxel 5,446 Pjanti staġjonali 22,631 Minn naħa tas-Sezzjoni għall-Park, Afforestazzjoni u r-Restawr tal-Kampanja din is-sena ġew imħawlin f’diversi nħawi : Siġar 4,472 Arbuxel 1,161

Bdiewa, raħħala u sajjieda

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17053, jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' bdiewa, sajjieda u raħħala żgħażagħ f'pajjiżna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-Ministeru ma jżommx statistika ta’ kemm hawn bdiewa, raħħala u sajjieda żgħażagħ u/jew m'humiex. Il-permessi u liċenzji jinħarġu fuq farms, dgħajjes u individwi. L-Empoyment and Training Corporation (ETC) u l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika huma aktar f'pożizzjoni li jagħtu din l-informazzjoni. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Sussidji

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jitneħħa s-sussidju fuq għajnuna fuq zoni żvantaġġjati flimkien ma' qmuh, ċereali u mgħalef ieħor u fuq ir-raba' mistrieħ, frott u ħxejjex, tadam għall-ipproċessar, patata, ħitan tas-sejjieħ ta' ilqugħ u dwieli għall-bdiewa u part-timers?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għas-sena 2006 fuq zoni żvantaġġjati flimkien ma' qmuħ, ċereali u mgħalef ieħor, u fuq ir-raba' mistrieħ, frott u ħxejjex, tadam għall-ipproċessar, patata, ħitan tas-sejjieħ ta' ilqugħ u ta’ dwieli għall-bdiewa u part-timers infetħu nhar l-Erbgħa, 1 ta' Marzu 2006. F’dan l-isfond ma nistax nifhem l-iskop ta’ din il-mistoqsija.

Sussidju fuq l-għeneb

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa s-sussidju dovut lill-bdiewa fuq l-għeneb li pproduċew f'Awissu 2005 għall-industrija lokali? Jista' jara li jitħallsu s-sussidji peress li għaddew aktar minn sitt xhur u l-bdiewa għadhom ma tħallsux?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s-sussidju fuq id-dwieli jingħata bir-rata ta' Lm35 kull tomna, u mhux fuq il-produzzjoni, hekk kif ikun applika l-bidwi ma’ l-uffiċċju ta’ l-Integrated Administration and Control System (IACS) u vverifikat fir-Reġistru ta' l-Għelieqi tad-Dwieli mit-Taqsima tal-Vitikultura u l-Enoloġija. Il-pagamenti jiġu maħdumin wara li l-bidwi jibgħat id-dikjarazzjoni tal-ħsad ta' l-għeneb hekk kif mitlub mill-Att Dwar l-Inbid (2001). Id-data ta' l-għeluq skond il-liġi hija l-31 ta' Ottubru iżda f'ittra li intbagħtet lill-bdiewa din id-data ġiet estiża sas-16 ta' Diċembru għas-sena 2005. Id-dikjarazzjonijiet qegħdin jiġu pproċessati u vverifikati biex is-sussidju jinħadem mill-aktar fis possibbli.

Poultry Industry

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'ġara mir-rapport ta' l-espert ta' l-FAO dwar il-poultry industry? X'passi ttieħdu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li wara s-seminarli kien organizzat mill-proġett tal-Food and Agriculture Organization (FAO) fit-28 ta' Ottubru 2005, fuq is-suġġerimenti li saru mill-esperti mqabbdin mill-Food and Agriculture Organization (FAO) stess, saru diversi laqgħat ma’ persuni li għandhom x’jaqsmu mas-settur tat-tjur. Ittieħdu wkoll xi azzjonijiet. Nhar it-18 ta' Novembru 2005 kienet organizzata laqgħa bejn is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u s-Sajd, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, u xi uffiċjali oħra tal-Ministeru biex jiffurmaw il-Poultry Forum kif kien issuġġerit mill-esperti tal-Food and Agriculture Organization (FAO). F'din il-laqgħa kienu approvati l-membri ta' dan il-Forum, u l-għanijiet u l-funzjonijiet tiegħu. Wara saru diversi laqgħat ma’ uffiċjali nkarigati mill-Koperattivi tat-Tjur u l-proċessuri tat-tiġieġ biex tkun analizzata s-sitwazzjoni tas-settur.

Produtturi tat-tjur

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li minkejja sussidji li qed jingħataw lill-produtturi tat-tjur tas-simna, il-produzzjoni naqset daqstant matul l-2005?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-produzzjoni tiddependi mill-konsum tan-nies. Għalhekk, jekk bħal ma kien hawn, ikun hawn il-biża', il-konsum jonqos. Minbarra hekk, l-importazzjoni ta' prodotti tat-tjur minn barra kibret u għalhekk il-produttur inaqqas mill-produzzjoni.

Tinda f'Ta' Qali

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li l-kumpannija li trid twaqqaf tinda ġganteska f'Ta' Qali applikat u ngħatat il-permessi kollha meħtieġa? Jaf li meta titwaqqaf din it-tinda se xxekkel it-tgawdija tal-wesgħat ta' Ta' Qali minn mijiet ta' familji Maltin fi ġranet sbieħ ta' tmiem il-ġimgħa fix-xitwa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Bħalissa għaddejja konsultazzjoni pubblika dwar il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Ta’ Qali, u deċiżjoni finali tittieħed wara li jintemm dan il-proċess. Il-pjan li ħareġ għall-konsultazzjoni pubblika jindika li attività temporanja bħal dik tieħu parti minn spazju li llum huwa ddedikat għal parkeġġ pubbliku u bl-ebda mod m’għandu jixxekkel l-ispazju użat mill-pubbliku għal rikreazzjoni nformali.