Legislature:
Category:
Reset
Active:

Uffiċċju tal-Kompetizzjoni — każijiet pendenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm każijiet ta’ kull xorta pendenti quddiem l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni sal-aħħar tas-sena 2012, kemm kienu l-każijiet ġodda fis-sena 2013 u kemm kienu għadhom pendenti sal-31 ta’ Diċembru 2013?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ingħatat għall-mistoqsija Numru 3772 datata 10 ta’ Lulju 2013 rigward il-każijiet pendenti taħt il-Liġi dwar il-Kompetizzjoni quddiem l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni sal-aħħar tas-sena 2012. Jiena infurmata illi kien hemm għaxar (10) każijiet ġodda taħt il-Liġi dwar il-Kompetizzjoni fis-sena 2013. Pendenti sa l-aħħar tas-sena 2013 kien hemm sitta u tletin (36) każ. L-Uffiċċju fil-2013 għalaq ħdax-il każ taħt il-Liġi dwar il-Kompetizzjoni. Ma’ dawn eżamina u aċċetta tliet konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet u għamel diversi sottomissjonijiet ta’ advocacy .

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili – impjegati ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew impjegati nies ġodda fil-Ministeru tagħha u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha mid-9 ta’ Marzu 2013 sat-28 ta’ Jannar 2014? Tista’ tipprovdi din iċ-ċifra separatament għal kull entità, skont it-tabella li qed tidher separatament?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — contract for service

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk ġewx ingaġġati xi persuni fid-dekasteru tagħha fuq bażi ta’ contract for service? Jekk saru dawn il-kuntratti, kemm-il persuna ġiet ingaġġata minn Marzu 2013 sal-lum? X’inhuma l-kundizzjonijiet ta’ kull persuna? X’perijodu jkopri kull kuntratt? X’inhu l-ħlas marbut ma’ kull kuntratt?

Response (DALLI, HELENA)

Taħt il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-konsumatur u Libertajiet Ċivili hemm tlieta u għoxrin (23) persuna li għandhom contract for service għal perjodi li jkopru bejn tlett xhur u sena. Il-ħlas u l-kundizzjonijiet huma skont ir-regolamenti tal-gvern.

Notifikazzjonjiet

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra kemm-il notifikazzjoni għamlet Malta matul is-sena 2013? Tista’ tagħti assikurazzjoni li ma kienx hemm regolamenti ġodda matul is-sena 2013 li kellhom jiġu notifikati u fil-fatt ma ġewx notifikati? Tista’ tinforma lill-Kamra dwar il-konsegwenzi li Malta tista’ tiffaċċja jekk il-Kummissjoni Ewropea jirriżultalha li kien hemm regolamenti li ma ġewx innotifikati?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi matul l-2013 saru żewġ notifiki ta’ regolamenti nazzjonali taħt il-proċedura tad-Direttiva 98/34/EC. Qegħdin jittieħdu l-passi u l-proċeduri neċessarji sabiex dawk ir-regolamenti li jaqgħu taħt id-direttiva 98/34/EC jiġu notifikati. Kull Ministeru huwa responsabbli li jgħarraf jekk ir-regolament li jkun ser jinħareġ għandux bżonn ikun notifikat. Il-konsegwenza, fl-agħar każ, tista tkun li r-regolament ikun dikjarat bħala null.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — bordijiet - membri nisa

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'kull bord li nħatar mill-Ministeru tagħha mill-elezzjoni sal-lum kemm hu n-numru ta' membri u kemm minn dawn huma nisa?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-elezzjoni sal-lum ġew maħtura mija u ħamsa u disgħin (195) membru fuq il-bordijiet tal-Ministeru li minnhom ħamsa u erbgħin (45) kienu nisa.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — xogħlijiet lill-kumpaniji

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħolijiet ingħataw il-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħha bejn Jannar 2008 u Marzu 2013, sena b’sena? Tista’ tgħid ix-xogħol fiex kien jikkonsisti u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Tista’ tgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (DALLI, HELENA)

Qed ngħaddi lill-Onor. Interpellant l-informazzjoni mitluba b'mod kunfidenzjali.

MCCAA – permess għal xogħol part-time

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm uffiċjali tal-MCCAA li f'Jannar 2014 ingħataw permess biex jaħdmu xogħol ieħor wara l-ħin? Jekk iva, minn min u meta nħareġ dan il-permess?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm ebda uffiċċjali tal-MCCAA li f'Jannar 2014 ingħataw permess biex jaħdmu xogħol ieħor wara l-ħin.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — ingaġġ ta' ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew impjegati nies ġodda fil-Ministeru u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħtha mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-8 ta’ Marzu 2013? Tista’ tipprovdi din iċ-ċifra separatament għal kull entità, u xahar b’xahar?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Notifikazzjonjiet

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra kemm-il notifikazzjoni għamlet Malta matul is-sena 2013? Tista’ tagħti assikurazzjoni li ma kienx hemm regolamenti ġodda matul is-sena 2013 li kellhom jiġu notifikati u fil-fatt ma ġewx notifikati? Tista’ tinforma lill-Kamra dwar il-konsegwenzi li Malta tista’ tiffaċċja jekk il-Kummissjoni Ewropea jirriżultalha li kien hemm regolamenti li ma ġewx innotifikati?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari tingħata f'xi seduta oħra.

MCCAA – telework

Question

Tista’ l-Ministru tagħti informazzjoni dwar kemm huma l-ħaddiema mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u l-Awtorità tal-Mediċini li ngħataw telework f'Jannar 2014?

Response (DALLI, HELENA)

Matul Jannar 2014, fl-Awtorita’ Maltija tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ingħata kuntratt ta’ telework lil żewġ uffiċċjali u telework ad hoc għal numru limitat ta’ ġranet lil tlett uffiċċjali oħra fuq biċċa xogħol speċifika. Min-naħa tal-Awtorita’ tal-Mediċini matul Jannar 2014 ma kienx hemm ħaddiema li ngħataw t- telework .

MCCAA – talbiet pendenti għal telework

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx talbiet pendenti għal telework mill-impjegati tal-MCCAA li saru fis-sena 2013? Jekk iva, tista’ tgħid kemm hemm każijiet pendenti? Tista’ tgħid jekk kienx hemm talbiet għal telework fis-sena 2013 li ġew irrifjutati? Kemm kienu u għaliex ma ngħatawx?

Response (DALLI, HELENA)

Jiena nfurmata li m’hemm l-ebda talba pendenti għal xogħol bit-telework fl-MCCAA.

Awtorità tal-Mediċini — talbiet pendenti għal telework

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx talbiet pendenti għal telework mill-impjegati tal-Awtorità tal-Mediċini liema talbiet saru fis-sena 2013? Jekk iva, tista’ tgħid kemm hemm każijiet pendenti? Tista’ tgħid jekk kienx hemm talbiet għal telework fis-sena 2013 li ġew irrifjutati? Kemm kienu u għaliex ma ngħatawx?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2013 fl-Awtorità tal-Mediċini kien hemm sitt (6) talbiet għal teleworking li ġew aċċettati skont il-bżonnijiet tal-impjegat u l-policy u l-prijoritatiet tal-Awtorità. Tlieta (3) talbiet ġew rifjutati minħabba li fil-fehma tal-Awtorità r-raġunijiet li nagħtaw mill-impjegati biex jagħmlu teleworking ma kienux ġustifikati. Hemm applikazzjoni waħda li qiegħda tiġi pproċessta.

MCCAA — numru ta’ impjegati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu t-total ta’ impjegati mal-Awtorità tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur preżentement?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur għandha preżentement mija u sitta u tletin (136) impjegat inklużi l-part-timers.

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumaturi – każijiet mat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumaturi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumaturi kkuntatjatx lil dawk il-konsumaturi li kellhom każ tagħhom deċiż mit-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumaturi mill-10 ta’ Marzu sal-lum? Jekk iva, kemm-il konsumatur ġew ikkuntatjati u kemm minhom ma kellhomx id-deċiżjoni tat-Tribunal onorata mill-kummerċjant?

Response (DALLI, HELENA)

L-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur ikkuntatja lill-konsumaturi kollha li kellhom il-każ tagħhom deċiż mit-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur mill-10 ta’ Marzu sal-31 ta’ Diċembru 2013. Dawn kienu jammontaw għal mija u tnejn u għoxrin (122) każ. Hemm tlettax (13) il-każ ieħor li nqatgħu fl-2014 li għad irid jiġi stabbilit jekk il-kummerċjant hux se jappella mid-deċiżjoni tat-Tribunal. Kien hemm erbgħatax (14)-il konsumatur li nfurmaw lill-Uffiċċju li l-kummerċjanti ma kienx onora d-deċiżjoni tat-Tribunal.

MCCAA – public warning statement

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il public warning statement ħarġet minn mindu twaqqfet l-MCCAA rigward kummerċjanti li ma onorawx deċiżjonijiet tat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumaturi? Tista’ tgħid għal kull każ, kemm-il deċiżjoni ma onorawx il-kummerċjanti li isimhom ġie msemmi f’dawn il-public warning statements?

Response (DALLI, HELENA)

L-Uffiċċju għall-Affarjiet tal-Konsumatur ħareġ 4 public warning statements. Fil-każ ta’ wieħed mill-kummerċjanti, dan onora id-deċizjonijiet kollha tat-Tribunal li kienu jammontaw għal 15 il-każ. Fil-każ ta’ kummerċjant ieħor, dan kellu 7 każijiet li għadu ma onorax. Fil-każ ta’ żewġ kummerċjanti l-oħra li kellhom 25 każ u li bdew joperaw taħt ismijiet differenti, dawn baqgħu ma onorawx id-deċiżjonijiet.

MCCAA – business plan

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-business plan ta’ kull entità li tifforma parti mill-MCCAA għas-sena 2014/2015?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma l-Onor. Interpellant li waqt li artiklu 11 (1) (e) taħt l-Att tal-2011 dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur jipprovdi li għandha tiġi ppublikata Business Plan fil-verżjoni Ingliża tal-liġi, din il-Business Plan ma tissemiex fil-verżjoni Maltija tal-liġi. Meta ġie appuntat il-Bord il-ġdid ta’ din l-Awtorità sab li ma kien hemm ebda Business Plan u għalhekk beda, bl-għajnuna tal-Entitajiet li hemm fl-Awtorità, ifassal Business Plan 2014 – 2016. Ix-xogħol fuq dan il- Business Plan hu avvanzat u dalwaqt jiġi sottomess lill-Ministru għall-approvazzjoni tagħha wara konsultazzjoni mal-Ministru tal-Finanzi biex wara jiġi ppublikat.

Direttur Ġenerali tal-Affarijiet tal-Konsumatur – interim measure

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il interim measure d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ħareġ fuq inizjattiva tagħha jew ġie mitlub li joħroġ mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum? Liema setturi ekonomiċi kienu jikkonċernaw dawn l-interim measures?

Response (DALLI, HELENA)

Ninsab infurmata li d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ma ħareg l-ebda interim measure fil-perijodu msemmi.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — top management position

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7502, tista’ l-Ministru tgħid min huma l-persuni li kienu jokkupaw kariga marbuta mal-ogħla skali fis-servizz pubbliku (skali wieħed sa ħamsa) u fl-entitajiet pubbliċi (skali ekwivalenti) li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha u li l-kuntratt tagħhom jew twaqqaf jew ma ġiex imġedded wara li skada mid-9 ta’ Marzu s’issa? Tista’ tipprovdi l-ismijiet ta’ nies li ġew appuntati għal top management position mid-9 ta’ Marzu s’issa?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-lum fl-entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili li fl-iskali msemmija ma kien hemm l-ebda persuna li kellha l-kuntratt imwaqqaf, żewġ persuni kellhom il-kuntratt mhux imġedded u żewġ persuni nħatru bħala Chairpersons. Dawn tal-aħħar kienu s-Sur Marcel Pizzuto u Prof. Anthony Serracino Inglott li nħatru Chairpersons tal-MCCAA u Malta Medicines Authority rispettivament.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur — laqgħat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum kemm-il darba l-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur laqqa’ dawk l-awtoritajiet u regolaturi li b’xi mod għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tal-konsumatur? Liema kienu dawn l-awtoritajiet u regolaturi u kemm-il darba dawn iltaqgħu?

Response (DALLI, HELENA)

Il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur preżenti li twaqqaf f’Ġunju 2013 wara tmiem tat-terminu tal-kunsill preċedenti ltaqa’ darbtejn mal-Awortità Maltija għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur u kellu laqgħa waħda ma’ Awtorità Maltija għar-Riżorsi. Il-kunsill jinsab f’kuntatt kontinwu fuq diversi suġġetti ma’ l-awtoritajiet msemmija kif ukoll ma’ awtoritajiet oħra fosthom l-Awtorità tal-Mediċini u l-Awtorità għall-Kommunikazzjoni .