Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni irrapportati nieqsa llum u kemm ilhom neqsin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi f'dawn l-aħħar 36 sena kien hemm 69 persuna li kienu ġew irrapurtati nieqsa u ma nstabux. L-iktar każ antik imur lura sas-7 ta' Frar 1970, filwaqt li l-aktar wieħed riċenti kien fis-27 ta' Marzu 2006. Minn dawn 18 kienu Maltin, u 51 barranin.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' barranin li vvotaw f'kull elezzjoni lokali minn mindu dawn bdew isiru?
Response (BORG, TONIO)
Peress li l-elezzjonijiet lokali jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Kummissjoni Elettorali, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jaċċerta lill-Kamra li fost iż-żeffiena erotiċi (pole dancers) li hemm ġo stabilimenti Paceville m'hemmx tfal taħt is-16-il sena? Kemm saru spezzjonijiet mill-pulziija biex jiġi żgurat dan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija regolarment tagħmel spezzjonijiet fi stabilimenti kummerċjali ġewwa Paceville sabiex tivverifika li dawn ikunu qed joperaw skond il-liċenzja mill-awtorita' regolatorja. Minn dawn l-ispezzjonijiet ma rriżultax li kien hemm xi abbuż kif imsemmi mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-fond li hu tal-gvern jew ta' l-uffiċċju konġunt li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, ma jibqax jikkaġuna inkonvenjent u ħsara lill-fond privat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-post li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant huwa meħud mill-Gvern taħt titlu ta' Pussess u Użu. L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ser jinbagħat lid-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni sabiex jittieħdu l-passi neċessarji.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-appartament tal-gvern li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, huwiex milqut mil-liġi possession and use? Jekk fl-affermattiv, jista' dan il-post jinxtara?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 21217 dwar l-istess każ.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm kunsilli lokali li ħallsu VAT matul dawn l-aħħar tliet snin? Liema kienu u kemm ħallsu kull wieħed tul l-istess perijodu?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bħal kull persuna u entita' oħra, il-Kunsilli Lokali kollha jħallsu l-VAT meta jixtru xi oġġett jew servizz. L-informazzjoni ta' kemm tħallas VAT qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi għadha ma saritx is-sistema ta' soundproofing kullimkien, u dan speċjalment fejn isiru r-riċevimenti minħabba li meta jkun hemm xi attivita' qed jinħoloq inkonvenjent kbir għar-residenti tal-madwar?
Per eżempju, fit-13 ta' Ottubru 2006 kien hemm ħafna ħsejjes u storbju li ħoloq inkonvenjent u saħansitra kellhom jissejħu l-pulizija. X'passi se jittieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-attrezzament f'dan iċ-ċentru, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Nirreferi ukoll lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 21326 f’din l-istess seduta.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħadu l-pulizija ta' l-għassa tal-Belt Valletta wara li kienu msejħa f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi nhar il-Ġimgħa 13 ta' Ottubru minħabba mużika għolja, li anke baqgħet għaddejja wara l-11.00 p.m., u dan b'konsegwenza ta' inkonvenjent għar-residenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hekk kif il-Pulizija, nhar il-Ġimgħa 13 ta' Ottubru 2006, irċeviet ilment dwar mużika għolja f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, ittieħdet l-azzjoni skond il-liġi u l-persuna responsabbli ġiet ordnata tbaxxi l-volum tal-mużika, kif fil-fatt sar. Pero' ftit wara l-istess persuna li kienet għamlet l-ilment, reġgħet ilmentat li kienet għadha qed tkun disturbata mill-mużika u għaldaqstant il-Pulizija waqqfet il-mużika.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu l-aktar ħin tard li l-pulizija tagħti permess għal ħruq ta' murtali tal-bomba waqt il-festi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ħinijiet ta' ħruq ta' xogħolijiet tan-nar huwa regolat bit-Tieni Skeda tar-Regolamenti dwar il-Kontroll ta' Xogħolijiet tan-Nar u Esplożivi oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet minn gwardjani lokali s-sena l-oħra? Fuq xiex kienu u fejn saru? Kemm minnhom ġew preskritti u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 18779.
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda lista sħiħa li turi għal x'hiex ingħataw dawn iċ-ċitazzjonijiet u f'liema lokalitajiet.
Dwar kemm ġew preskritti ċitazzjonijiet, l-informazzjoni qed tiġi miġbura u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tfal ittellgħu l-qorti fis-sena l-oħra u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 18746, ninsab infurmat illi l-Qorti tal-Minorenni ma ħassitx li għandha tgħaddi iktar informazzjoni ħlief in-numru ta' tfal li tressqu s-sena l-oħra, li kif intqal fit-tweġiba msemmija kien ta' disgħa u erbgħin (49).
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħadu sick leave l-imħallfin u maġistrati bejniethom din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Minħabba n-natura tax-xogħol tal-membri tal-Ġudikatura, qatt ma kienet prattika li jinżamm rendikont tal-ġranet li l-Imħallef jew Maġistrat ikun ma jiflaħx.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'tip huma l-armi miżmuma bil-permess illum u kemm huwa n-numru f'kull kategorija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor Interpellant huwa dif jidher fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn jinkludu armi antiki, artistiċi u partijiet ta' kollezzjoni.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex f'ċerti ħinijiet ta' filgħaxijia waqt xi attivita' f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fuq in-naħa ta' ħdejn il-palk, jinfetħu l-bibien bl-iskuża biex min ikun jixtieq ipejjep ikun jista' joħroġ minn dan il-bieb, b'konsegwenza li l-persuni li joħorġu jpejpu barra qed joħolqu distrazzjonijiet u jtellfu lir-residenti, partikolarment fil-ħinijiet ta' bil-lejl, minħabba li dan il-bini jinsab f'żona residenzjali u fl-istess waqt iħallu ħafna ħmieġ barra? X'passi qed jieħdu l-awtoritajiet għal dan il-għan?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.