Tista' il-Ministru tara li titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra breakdown minn liema lokalitajiet ġejjin l-applikanti li applikaw għall-post alternattiv quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni għala l-applikazzjonijiet għal xiri ta' appartamenti skond l-aħħar skema li nħarġet, ma ġewx aċċettati f'każ li l-għarajjes għażlu li ma jisselfux mill-bank (isselfu mingħand tal-familja)?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar qatt ma rrifjutat applikazzjoni għal xiri ta' appartamenti għar-raġuni li l-applikanti ma kienux ser jieħdu self mill-bank għal dan l-iskop.
Tista' il-Ministru tara li jerġa' jinħareġ ir-relief li nqatalu ta' missier li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li għandu tifel b'diżabilita' u jekk dan tilef appuntament l-ETC żgur li ma kienx bi traskuraġni, u għaldaqstant nixtieq li wieħed jieħu in konsiderazzjoni l-problemi soċjali li jinsab fihom dan il-persuna?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Tista' il-Ministru tara li armla mir-Rabat li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tingħata l-għajnuna sabiex tieħu l-pensjoni lokali u estera (Kanadiża) bħala armla mill-aktar fis possibbli?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Tista' il-Ministru tgħid x'pensjoni jieħu membru tal-forzi armati li jirtira bl-eta' ta' 55 sena mingħajr ma jkun għamel 25 sena servizz?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-pensjoni mħallsa mit-Teżor u għalhekk nitolbu jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Prim Ministru bħala l-Ministru konċernat.
Tista' il-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-collective agreement ta' l-impjegati ta' l-Awtorita' tad-Djar, tan-nutara, tal-periti u ta' l-avukati?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Ftehim Kollettiv bejn l-Awtorita' tad-Djar u l-Union Ħaddiema Magħqudin dwar l-impjegati ta' l-Awtorita' filwaqt li ninfurmah li dan il-Ftehim ma jkoprix in-nutara, l-perita u l-avukat ta' l-awtorita'.
Tista' il-Ministru tgħid f'liema stadju waslet in-national housing policy u meta se tkun ippreżentata lill-pubbliku għad-diskussjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kif żgur jifhem l-Onor. Interpellant, l-abbozzar tad-dokument indikat minnhu jitlob ħiliet spjeċjalizzati li ma ssibhomx faċilment. Il-Ministeru tiegħi kien identifika persuna biex titqabbad taħdem fuq dan id-dokument iżda, wara li din kienet indikat li kienet lesta li tagħmel dan ix-xogħol, sussegwentement ma ħaditx dan l-impenn.
Madankollu l-Ministeru tiegħi qed jagħmel ħiltu kollha biex tiġi identifikata persuna adatta u bil-kompetenzi meħtieġa li tidħol għal dan ix-xogħol.
Għal snin twal smajna li se jkun hemm tibdil fil-liġi tal-kera. Tista' il-Ministru tgħid f'liema stadju waslet u meta mistennija tkun ippreżentata fuq il-mejda tal-Kamra? X'qed iżomm milli tkun ippreżentata, għax ilna snin nisimgħu dwarha? Tista' il-Ministru tikkonferma li kollox se jibqa' l-istess?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kif kelli okkażjoni ngħid pubblikament, ix-xogħol biex tiġi ppubblikata l-White Paper dwar ir-riforma fil-liġijiet tal-kera għadu għaddej. Fuq direzzjoni li ngħatajt mill-Kabinet fuq l-aħħar Memorandumippreżentat dwar is-suġġett, il-Ministeru qed jevalwa statistika rilevanti li ħarġet mill-aħħar ċensiment. Dan l-eżerċizzju hu meħtieġ biex wieħed ikollu stampa ċara u reċenti kemm jista' jkun tas-sitwazzjoni tas-settur. Il-Ministeru qiegħed ukoll janalizza riformi simili li saru f'numru ta' pajjiżi oħra.
Sa l-aħħar ta' dan ix-xahar hu mistenni li jkun tlesta dan ix-xogħol biex jitressaq lill-Kabinet li, wara li jeżamina d-dokumenti u l-informazzjoni u l-proposti sottomessi, jiddeċiedi meta għandha tiġi ppublikata l-White Paper.
Għalhekk it-tweġiba għall-aħħar parti tal-Mistoqsija hi fin-negattiv.
Tista' il-Ministru tgħid meta mistennija ssir l-amalgamazzjoni tad-dipartimenti tal-gvern li huma relatati mal-housing għal ma' l-Awtorita' tad-Djar? Min qed jieħu sehem f'dawn it-taħdidiet? Kif se jaħdmu? X'se jiġri mill-ħaddiema u mill-professjonisti tad-dipartimenti tal-gvern meta jiġu amalgamati ma' l-Awtorita' tad-Djar? X'kondizzjonijiet u pagi se jkollhom? L-istess bħal ta' l-Awtorita' tad-Djar? Se jkollhom dritt jgħażlu jew imorru f'dipartimenti oħra tal-gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 20652 f''Seduta Numru 430, inżid li ninsab infurmata li bdew laqgħat ta' informazzjoni mall-Unions li jirrappreżentaw il-ħaddiema kollha fis-settur.
F'dan l-istadju nħoss li jkun prematur li nikkumenta aktar dwar is-suġġett.
Tista' il-Ministru tinvestiga jekk persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tikkwalifikax għal sussidju fuq il-kontijiet ta' l-ilma u l-elettriku billi għandha tifla ta' 35 sena permanently disabled u bed-ridden?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Tista' il-Ministru tgħid jekk jingħatax ir-relief lil persuni li jinsabu ħatja ta' prostituzzjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ma jeżisti ebda provvediment taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali li jipprojbixxi l-ħlas ta' Għajnuna Soċjali lill-persuna li tinstab ħatja ta' reat kriminali.
Ninsab infurmata wkoll li, b'dankollu, f'każijiet fejn il-persuna tinstab ħatja ta' rejat li jindika li għandha dħul mhux dikjarat, jissospendi l-pagament sakemm jinvestiga l-każ.
Tista' il-Ministru tgħid kemm ħarġu enforcement notices biex inkwilini mhux rikonoxxuti f'postijiet tal-gvern, jitkeċċew? Tista' tagħti din l-informazzjoni lokal b'lokal, għas-sentejn 2005/2006?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li fis-snin indikati mill-Onor. Interpellant ma nħarget ebda enforcement notice dwar postijiet tal-Gvern.
Tista' il-Ministru tara li l-applikazzjoni għal Skema R ta' single-parent mix-Xgħajra titħaffef minħabba li l-kera li qed tħallas mhix tlaħħaq magħha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant waslet l-Awtorita' tad-Djar fid-9 ta' Ottubru 2006, jiġifieri l-istess ġurnata li saret din il-Mistoqsija.
Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita' diġa' bdiet il-proċess biex tiġbor l-informazzjoni meħtieġa biex tivverifika l-applikazzjoni. Hekk kif jitlesta dan il-proċess, il-persuna konċernata tkun infurmata bl-eżitu u l-ammont ta' sussidju dovut jekk ikun il-każ.
Tista' il-Ministru tgħid min hu d-Direttur għall-Akkomodazzjoni Soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-persuna appuntata bħala Direttur tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali jinsab fuq sick leaveu għaddej il-proċess biex jiġi boarded out. L-assistent direttur tad-Dipartiment, inħatar aġent direttur minfloku.
Ninsab infurmata li, issa li dan ta' l-aħħar qiegħed bil-leave/pre-retirement leave, għaddej il-proċess biex jinħatar aġent direttur ieħor.
Tista' il-Ministru tara li l-anzjan minn Ta' Giorni li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jibbenefika mill-inizjattiva care and repair ta' l-awtorita' tad-djar, minħabba kondizzjoni ħażina ta' wieħed mis-soqfa tar-residenza ta' l-istess anzjan? Jista' jintbgħat uffiċjal tad-dipartiment tal-kostruzzjoni fuq il-post biex jeżamina l-gravita' tal-problema?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ix-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant f'postijiet mikrija mingħand il-Gvern isiru mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar u mhux taħt l-inizjattiva tal-Care and Repair. Għalhekk għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lill-imsemmi Dipartiment biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtiġa.
Tista' il-Ministru tara li l-anzjan mill-Birgu li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jibbenefika mill-inizjattiva care and repair?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ma jirriżultax mir-rekords ta' l-Awtorita' tad-Djar li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair.
Ninsab infurmata wkoll li, b'dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita' ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.
Tista' il-Ministru tgħid kemm ġew ikkummissjonati rapporti fid-dekasteru tagħha kull sena għal dawn l-aħħar erba' snin? Kemm swew kull wieħed u x'inhuma dawk pendenti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' persuni li twaqfilhom ir-relief din is-sena u għaliex?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li numru ta' persuni li għal xi raġuni ma baqgħux intitolati għall-Għajnuna Soċjali matul din is-sena kien 3,015.
Ir-raġunijiet għaliex ma' baqgħux intitolati għal din l-Għajnuna kienu:
Impjieg
Mewt
Safar
Waqfien mir-reġistrazzjoni fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru ta' l-ETC
Mezzi jew kapital eċċeda l-limitu preskritt
Ikkwalifikaw għall-pensjoni
Ma baqgħux kap tal-familja jew jiffurmaw parti minn dik il-familja
Spiċċaw mill-programm kontra l-abbuż mid-droga jew mill-alkoħol