Jista' l-Ministru jgħid meta għalaq jew se jagħlaq il-kuntratt ta' San Remo u Maxims fl-Għadira tal-Mellieħa? Jekk l-emfitewsi għalaq, kif ġie mġedded? B'liema kundizzjonijiet? Meta għalaq iż-żmien jew se jagħlaq iż-żmien, tinħareġ sejħa għall-offerti f'dawn iż-żewġ kawżi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-kirja li tirregola l-Catering/Beach Establishment 'San Remo' qiegħda fil-perijodu ta` tmien snin 'di rispetto' li jagħlaq fit-22 t`April 2007, filwaqt li l-kirja li tirregola l-Catering/Beach Establishment 'Maxims' qiegħda wkoll fil-perijodu ta` tmien snin 'di rispetto' li jagħlaq fis-7 ta` Marzu 2007.
It-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern bħalissa qed tfassal policy ġdida li, fost affarijiet oħra tkun tirregola każijiet ta` ċens/kirjiet li jkun skada, bħal fil-każ tal-beach establishments hawn fuq imsemmija. Hekk kif titlesta din il-policy u tingħata l-approvazzjoni meħtieġa, din tingħata l-pubbliċita` xierqa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-P.A. irċevietx x'ilmenti pubbliċi dwar l-applikazzjoni 00387/01 biex titwaqqa il-villa FRIERES fix-xatt ta' Spinola f'San Ġiljan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar irċeviet numru ta` oġġezzjonijiet dwar l-applikazzjoni PA 387/01.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk kienx hemm xi enforcement officer fil-P.A. li ġie trasferit għal-sezzjoni oħra fl-istess awtorita', meta fl-awtorita' hemm nuqqas ta' enforcement officers? X'kienet ir-raġuni wara dan it-trasferiment?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi riċentement tmexxa enforcement officer mid-dmirijiet ta` infurzar għal dawk ta` case officer bħala parti minn programm kontinwu biex jitħarrġu l-impjegati għal xogħol differenti fl-Awtorita` stess. Ta` min jgħid li l-"Enforcement Section" u d-"Development Control" ingħaqdu taħt sezzjoni waħda biex ikun hemm iktar koordinazzjoni bejn iż-żewġ sezzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar traffikar illegali ta' immigranti klandestini fil-Freeport?
Kemm ġew arrestati u interrogati persuni dwar dan it-traffikar illegali ta' bnedmin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija s`issa, il-każijiet li qiegħed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant, kienu każijiet li jikkonċernaw 'stowaways'. Ma jirriżultax illi dawn kienu ġew assistiti minn xi terzi persuni sabiex jinħbew fuq il-vapuri jew sabiex jinżlu l-art.
Jista' l-Ministu jgħid fejn waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar is-serqa tal-pittura ta' De Rohan mill-Mużew tal-Fine Arts fi Frar 2001?
Kemm ġew arrestati u nterrogati persuni dwar din is-serqa?
Kemm minnhom huma mpjegati mad-Dipartiment tal-Mużewijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi dan il-każ huwa suġġett ta` inkjesta Maġisterjali u li l-investigazzjonijiet dwaru għadhom għaddejjin. Ġew interrogati l-impjegati kollha tal-Mużew tal-Fine Arts.
Jista' l-Ministru jgħid matul dawn l-ewwel ġimgħat ta' din is-sena:
1. Kemm twaqqfu sewwieqa u sarilhom test tal-breathalyser?
2. Kemm kienu posittivi?
3. Kien hemm sewwieqa ta' nazzjonalita' barranija?
4. Kemm kien hemm sewwieqa nisa li ġew breathalysed u li instabu posittivi?
Jista' wkoll jagħti l-figuri għas-sena 2000?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000, u din is-sena, sat-28 ta` Frar 2001, kien hemm 122 sewwieq li l-Pulizija għamlitlu t-testijiet tan-nifs wara li r-riżultat fl-ewwel test fit-triq kien pożittiv. Minn dan in-numru ta` sewwieqa, 87 irriżultaw pożittivi, kollha kienu rġiel għajr waħda li kienet tas-sess femminil, u li minnhom disa` kienu barranin. Kull każ fejn ir-riżultat tat-tieni test ikun pożittiv, jittieħdu proċeduri quddiem il-Qorti skond il-liġi. Dawn kienu kif ġej:-
Numru ta` testijiet li
Maltin Barranin
Numru ta` testijiet li
rriżultaw pożittiv
Irġiel Nisa
2000
Jannar
10 1
11 -
Frar
8 -
7 -
Marzu
10 -
9 -
April
5 1
6 -
Mejju
5 1
5 -
Ġunju
14 -
10 -
Lulju
5 1
6 -
Awissu
5 3
5 1
Settembru
10 -
4 -
Ottubru
12 -
8 -
Novembru
4 1
3 -
Diċembru
12 1
7 -
2001
Jannar
6 -
3 -
Frar
7 -
2 -
Total
122
87
Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatax xi permess lil xi ħadd biex jagħmel użu minn partijiet tal-bini u propjeta li qabel kienu tad-Deutsche Welle f'Delimara?
Jafx li fil-fatt hemm xi nies li qegħdin jagħmlu użu minn dan il-post? Jista' jgħid x'titlu għandhom dawn in-nies? X'inhuma l-kundizzjonijiet marbutin ma' dan it-titlu jekk jeżisti?
Ħarġet xi sejħa għal-tenders għal dan it-titolu? Jekk iva, meta? Jekk le, kif ittieħed possess ta' din il-propjeta?
Jekk jirriżulta fin-negattiv, x'passi se jieħu biex min qiegħed jabbuża ma jkomplix?
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ittieħdu mill-awtoritajiet dwar rapport li deher fil-ġurnal it-Torċa tal-Ħadd 11 ta' Marzu 2001 f'paġna 7 taħt il-kollona 'Rajt u Smajt' bit-titlu 'Triq l-Imraġġ fl-Imsida'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kull meta l-Pulizija kellha xi lmenti dwar parking fil-post li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, dejjem ittieħdu l-passi meħtieġa. Infurmat ukoll illi l-Pulizija tagħmel spezzjonijiet f`din il-lokalita` sabiex kemm jista` jkun tassigura li ma jkunx hemm ksur ta` liġi.
Dwar l-ilment taż-żebgħa tar-reserved parking, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferih lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għad hemm Imtieħen fil-Kottonera? Fejn qegħdin? Hemm xi ħsieb li dawn xi darba jinġiebu fi stat fejn ikunu jistgħu jitgawdew?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond l-Awtorita` ta` l-Ippjanar, kif ukoll mir-records miżmuma fid-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta`, jirriżulta li hemm żewġt imtieħen fil-Kottonera, li jinsabu fi Triq il-Mitħna u f`San Ġwann t`Għuxa, ġewwa Bormla.
Dik li tinsab fi Triq San Ġwann hija skedata, filwaqt li dik fi Triq il-Mitħna qegħda fil-lista ta` proprjeta` għall-iskedar.
L-Onor. Membru huwa mitlub li jressaq l-aħħar parti ta` din id-domanda lill-Ministru ta` l-Ambjent.
Jista' l-Ministru jindika x'inhuma r-regolamenti biex jirregolaw klieb perikolużi bħall-bull terriers u jekk dawn jistgħux jiġu applikati aħjar jew issikkati iżjed?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 21829, ninsab infurmat illi l-leġislazzjoni li b`xi mod jikkonċernaw lit-tip ta` kelb li saret referenza għalih fil-Mistoqsija, huma l-Att dwar il-Klieb; Regolamenti ta` l-1998 dwar l-Importazzjoni ta` Klieb u Qtates u r-Regolamenti ta` l-2000 dwar il-Kontroll tal-Klieb.
Jista' l-Ministru jgħid x'permessi ħarġu mill-Awtorita' tal-Ippjanar fl-aħħar sena għal xogħol fl-isptar San Luqa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn Jannar tas-sena 2000, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ħarġet permess PA 5728/00 li jipproponi estensjoni b`ħames kmamar għall-faċilitajiet eżistenti fil-livell ta` isfel fuq in-naħa ta` wara tal-bini minflok il-bitħa li hemm eżistenti. Dan ix-xogħol ġie propost mill-aġenzija Sedqa għad-Detox Outpatients Facilities fl-Isptar San Luqa.
Kien hemm ukoll żewġ permessi maħruġa għall-antenna li huma PA 3583/00 u PA 4166/00.
Kemm il-reat ġie rapportat f'San Ġiljan? Kemm minhom kienu delitti (crimes)? Fis-sena 1998, 1999, 2000?
X'kienu r-reati rapportati u l-numru tagħhom?
Kemm ġew solvuti reati f'San Ġiljan fl-1998, 1999 u 2000?
Kemm minnhom kienu delitti (crimes), kemm minhom kontravenzjonijiet (contraventions) ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant disponibbli taħt forma ta` statistika, huwa kif jidher fuq it-Tabelli li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 23685, is-sid segwa l-ordni tal-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex fi żmien 15-il ġurnata jneħħi x-xogħol skond ECF 76/01? Meta ġiet segwita?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn spezzjonijiet li saru wara l-ħruġ ta` l-Avviż biex Tieqaf u ta` Twettieq b`referenza ECF 76/01 (rigward kostruzzjoni ta` pilastri bil-bricks, travi tal-injam u frames tal-ħadid u ħġieġ) li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, ġie nnotat illi saru xi xogħlijiet oħra, u konsegwentement, fit-8 ta` Frar 2001, is-sid ġie ordnat biex fi żmien 15-il-ġurnata ineħħi x-xogħol li kien sar wara l-ħruġ ta` l-imsemmi Avviż.
Dak ix-xogħol li sar wara l-ħruġ tal-Avviż biex Tieqaf u ta` Twettieq tneħħa mis-sid stess fil-21 ta` Frar 2001, u dan ġie konfermat wara spezzjoni minn uffiċjal tas-Sezzjoni ta` l-Infurzar. Sadanittant saret applikazzjoni sanatorja, PA 0598/01 sabiex dik it-tinda li kienet bdiet tinbena u twaqqaf il-bini tagħha tiġi ssanata.
Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna taħt is-sittax (16) il-sena tistax tixtri xorb alkoholiku minn postijiet li mhumiex ikkunsidrati bħala postijiet ta' divertiment eż. grocers? Jaf li dan l-aħħar qed jiżdied in-numru ta' żgħażagħ li qed jixtru flixken tal-inbid irħis mill-grocers qabel ma jidħlu fiz-zoni fejn jinstabu il-bars, discos eċċ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-bejgħ ta` inbejjed, birra jew likuri spiritużi lil persuni taħt is-sittax-il sena huwa projbit biss minn ħwienet liċenzjati għall-bejgħ bl-imnut ta` nbejjed, birra jew likuri spiritużi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax il-kummissarju tal-pulizija jara li issir aktar sorveljanza f'zoni ta' divertiment bħal f'Paceville, Wied il-Għajn u f'Buġibba fejn qed jkun hemm rapporti ta' żgħażagħ taħt is-sittax (16) il-sena li jkunu fis-sakra fit-toroq?
Tista' l-pulizija tara wkoll li ma jitħallewx nies, kbar u żgħar jiġġerrew mat-toroq ta' dawn il-postijiet bi flixken tal-inbid, birra eċċ f'idejhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ser tibqa` tagħmel sorveljanza fil-lokalitajiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, kif ukoll f`lokalitajiet l-aktar frekwentati matul ix-xhur tas-sajf, sabiex kemm jista` jkun ma jkunx hemm abbużi. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi mhux projbit li persuna tixrob fit-triq, sakemm din ma tkunx qed tikkommetti xi kontravenzjoni oħra.
Jista' l-Ministru jgħid mill-1995 sal-15 ta' Frar ta' din is-sena, sena b'sena - kemm il-persuna tressqet il-Qorti talli biegħet l-alkohol f'bars u postijiet oħra ta' divertiment lil żgħażagħ taħt is-sittax (16) il-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej:
1995
1996
1997
1998
1999
2000
2001*
-
-
1
6
4
1
-
*sal-15.02.01
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 1995, 1996, 1997, 1998 u 1999 u s-sena 2000, kemm-il persuna tressqet il-qorti talli biegħet sigaretti lil tfal taħt is-sittax (16) il-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1995 u l-2000, ma tressqet il-Qorti l-ebda persuna dwar l-offiżi li rrefera għalihom fil-Mistoqsija tiegħi l-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li t-taraġ tas-Suq tal-Belt ilu wieqaf għall-dawn l-aħħar sentejn? Għaliex matul dan il-perjodu ma' ġiex irranġat? Jista' l-Ministru jara li tiġi rranġata l-ħsara mmedjatament?
Response (BORG, TONIO)
Ħsarat fi proprjeta` tal-Gvern li mhix użata għal skopijiet residenzjali tissewwa mid-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni fi ħdan il-Ministeru ta` l-Ambjent. It-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern għaddiet il-flus neċessarji (Lm11,200) lil dan id-dipartiment biex ikunu jistgħu jsiru t-tiswijiet neċessarji.