Legislature:
Category:
Reset
Active:

Occupational Health & Safety Authority — Spetturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għandha spetturi l-Occupational Health & Safety Authority fit-taqsima ġenerali u tal-kostruzzjoni? Kemm għandha Senior Managers l-istess awtorita'? Kemm hemm impjegati bħalissa fi ħdan l-awtorita'? Kemm irriżenjaw/telqu ħaddiema mill-awtorita' mit-twaqqif tagħha sal-lum? Xi kwalifiki għandu l-Head of Technical Operations f'dan il-qasam?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Awtorita' għandha żewġ spetturi assenjati speċifikament għas-settur tal-kostruzzjoni u ieħor fit-taqsima ġenerali. Barra dawn in-nies, f’dan is-settur jaħdmu wkoll erba’ Uffiċjali oħra, li jintervjenu f’materji li jikkonċernaw apparat, għodda u kimiċi perikolużi, (fosthom l-asbestos) kif użati fis-settur tal-kostruzzjoni. Fil-preżent hemm tliet Senior Managers li jagħmlu xogħol tekniku u speċjalizzat, waqt li hemm Senior Manager u Trainee Senior Manager b’funzjoni maniġerjali. Fil-preżent, l-Awtorita' timpjega għoxrin persuna, li minnhom tnax jagħmlu xogħol tekniku waqt li t-tmienja l-oħra jagħmlu xogħol maniġerjali, amministrattiv jew relatat ma’ kommunikazzjoni u d-disseminazzjoni tal-informazzjoni. Informat ukoll li minn mindu twaqqfet l-Awtorita' sitt snin ilu, irriżenjaw ħames persuni biex ħadu impjieg fis-settur privat, b’kundizzjonijiet aħjar minn dawk li toffri l-Awtorita', erba li rritornaw mas-settur pubbliku, u tnejn oħra li kellhom l-kuntratt ta’ mpieg tagħhom itterminat mill-Awtorita'. Irid jingħad li biex persuna ‘detailed’ mal-Awtorita' tirritorna lura fis-servizz pubbliku, m’ hemmx bzonn il-permess tal-Awtorita', min-naha l-oħra biex persuna tiġi detailed għal mal-Awtorita', irid ikun hemm il-permess ta' l-MPO. Il-Head Technical Operations huwa kkwalifikat fi proċeduri gudizzjarji, b’esperjenza twila f’dan il-qasam. Ingħata taħrig f’materji maniġerjali taħt il-kappa ta’ diversi proġetti Ewropej. Fil-preżent qiegħed jistudja biex jottenji kwalifika universitarja fil-qasam tas-saħħa u s-sigurta'.

ITS — Student

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-istudent li jattendi l-ITS u li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għandux dritt għal stipendju?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li studenti maturi li jkunu għalqu t-23 sena mhumiex intitolati għall-għotja ta' Manteniment għall-Istudenti.

Trade Unions — Reġistratur

Question

Jista' il-Ministru jispjega x'tip ta' tibdil huwa neċessarju fil-liġi biex ir-reġistratur tat-trade unions ikollu l-poter jawditja u jivverifika ċ-ċifri ta' sħubija mogħtija lilu mill-istess unions?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-materja in kwestjoni qed tingħata kunsiderazzjoni biex jiġi evalwat x’passi jistgħu jittieħdu jekk dan ikun utili.

Korsijiet fl-Universita'

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21868 u jikkonferma jekk hux veru li xi studenti li applikaw għal xi kors fl-universita' qed jiġu mitluba jimlew formola li tistaqsi l-applikant jekk ibatiex minn depression jew ansjeta'? Jekk hu veru, jaħseb il-Ministru li din hi diskriminazzjoni għax huwa fatt magħruf li hemm min ibati minn depression jew ansjeta' u xorta jista' ikun kapaċi jsegwi b'suċċess kors universitarju? Xi dritt għandha l-universita' li titlob informazzjoni personali bħal din u xi ħtieġa hemm li tintalab din l-informazzjoni daqstant personali u kunfidenzjali mill-univerista' lil min applika biex isegwi kors? Jista' jinformani jekk tirriżultalux din l-informazzjoni u jekk iva, x'passi ħa? Jista' ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-applikanti kollha għal xi kors offrut mill-Istitut għall-Ħarsien tas-Saħħa huma mitluba jimlew kwestjonarju Mediku konfidenzjali bl-għajnuna tat-tabib tal-familja. Din biex ikun aċċertat li huma kapaċi jaħdmu fis-settur tas-saħħa, kemm waqt, kif ukoll wara l-kors, meta huma meħtieġa ikunu f'kuntatt dirett ma' pazjenti vulnerabbli. Nikkonferma li waħda mill-mistoqsijiet fil-kwestjonarju tirrigwarda saħħa mentali. Informat ukoll li l-applikanti eligibbli skond ir-regolamenti meħtieġa jagħmlu test mediku qabel jirreġistraw għall-kors biex jiġi aċċertat li huma kapaċi għad-dmirijiet relatati ma' l-istudji proposti tagħhom. Ninsab aċċertat li kull informazzjoni tinżamm bl-akbar konfidenzjalita'. Ser inpoġġi kopja ta' l-ittra u kopja tal-kwestjonarju li tingħata lill-applikanti fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel ta' l-Istat — Uniformijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21547, l-iskola hi dik primarja ta' H'Attard.

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li issa t-tfal kollha għandhom l-uniformi meħtieġa. Informat ukoll li s-supplier avża lis-surmast li kien hemm xi nuqqas ta' ftehim u assigurah li l-uniformijiet se jiġu pprovduti. Fil-fatt l-uniformijiet diġa ġew pprovduti.

ETC — Kors fil-Heritage Skills

Question

Jista' il-Ministru jara li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ issib sponsorship lil studenti li qed isegwu kors f'heritage skills, marbut mal-ġebla f'dak li kien iċ-ċentru Malti għar-restawr, minħabba li jidher li hemm diffikultajiet serji biex dawn isibu sponsor li jgħinhom fil-kors li qed isegwu?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix fl-uffiċju tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

MCAST — Istitut Marittimu

Question

Jista' il-Ministru jgħid l-istudenti li qed isegwu kors fl-istitut marittimu ta' l-MCAST bħala OIC in navigational watch u li bdew f'Settembru 2003 u li skond il-prospectus spiċċaw f'Ġunju 2006, għadhomx meqjusa bħala studenti jew le minħabba li għadhom ma lestewx il-kors kollu flimkien ma' l-eżamijiet, minħabba nuqqas ta' lecturers għal numru ta' snin? Jekk fl-affermattiv, dawn huma intitolati għal stipendju?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudenti li bdew kors f'Settembru 2003 bħala Officer-in-Charge of a Navigational Watch fl-Istitut Marittimu ta' l-MCAST u li spiċċaw il-kors f'Lulju 2006 m'humiex intitolati għal stipendju. Għalkemm il-kors tagħhom intemm f'Lulju, huma bħalissa qed jingħataw xi lezzjonijiet zejda fl-Istitut Marittimu f'xi suġġetti, biex jippreparaw għal ezami orali estern li fadlilhom jagħmlu. Għaldaqstant, peress li l-istudenti m'humiex qed jattendu l-iskola regolarment, m'humiex intitolati għal stipendju. Kienet ix-xewqa ta' dawn l-istudenti kollha f'Lulju 2006, li jipposponu l-ġurnata ta' l-ezami 'l quddiem għall-ewwel ġimgħa ta' Diċembru 2006 minflok f'Awissu (kif normalment isir), biex ikunu izjed ippreparati fis-suġġett. Fil-fatt, l-istess studenti għadhom kemm talbu biex għal darb'oħra l-ezami jiġi pospost għal Jannar 2007. Ta' min isemmi li mhux minnu, kif qed jingħad, li l-kors ma tlestiex minħabba nuqqas ta' lecturers.

Korsijiet fl-Universita'

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk hux veru li xi studenti li applikaw għal xi kors fl-universita' qed jiġu mitluba jimlew formola li tistaqsi l-applikant jekk ibatiex minn depression jew ansjeta'? Jekk hu veru, jaħseb il-Ministru li din hi diskriminazzjoni għax huwa fatt magħruf li hemm min ibati minn depression jew ansjeta' u xorta jista' ikun kapaċi jsegwi b'suċċess kors universitarju? Xi dritt għandha l-universita' li titlob informazzjoni personali bħal din u xi ħtieġa hemm li tintalab din l-informazzjoni daqstant personali u kunfidenzjali mill-univerista' lil min applika biex isegwi kors? Jista' jinformani jekk tirriżultalux din l-informazzjoni u jekk iva, x'passi ħa? Jista' ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix fl-uffiċju tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

MCAST — Kors fl-IT

Question

Peress li kien ġie mwiegħed li l-applikanti għal kors ta' l-IT fl-MCAST kollha se jibdew il-kors, jista' il-Ministru jgħid meta dawn l-istudenti se jibdew l-istudji tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

L-ewwelnett mhux veru li qatt ġie mwiegħed li l-applikanti għall-korsijiet ta' l-ICT fl-MCAST kollha ser jibdew il-kors. B'dankollu informat li qegħdin isiru l-arranġamenti meħtieġa biex l-istudenti li applikaw għal kors fl-Information and Communication Technology fl-MCAST jingħataw l-opportunita' li jsegwu l-kors fl-aqsar żmien possibli. L-istudenti qegħdin jintalbu jikkonfermaw l-applikazzjoni tagħhom biex jibdew il-kors.

Għalliema — Ftehim kollettiv

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim kollettiv li sar ma' l-għalliema? Jista' ukoll ipoġġi kopja tal-conditions of work ta' l-istess għalliema?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-ftehim kollettiv dwar l-impjegati fis-servizz pubbliku inkluz l-għalliema huwa responsabbilta' ta' l-MPO fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

MCAST

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari tiegħi 21580, jista' il-Ministru jgħid x'inhuma t-timeframes maħsuba?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat l-MCAST s'issa għad m'għandux kappella, għalkemm il-Kulleġġ ipprovda spazju u riżorsi biex isiru ċelebrazzjonijiet tal-quddiesa u attivitajiet reliġjużi oħra. Minħabba li l-Kulleġġ ma kellu l-ebda kappella għad-dispożizzjoni tiegħu meta ħa s-sit mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, ġie identifikat sit l-barra mill-campus għal użu ta' kamra ta' meditazzjoni/talb. Mall-publikazzjoni tal-permess tal-MEPA (18 t'Awissu 2006) għal-bidla mil-użu ta' bar għal kamra ta' meditazzjoni/talb, inbeda xogħol ta' alterazzjoni, ix-xogħol fuq l-art u s -saqaf jinsab għaddej waqt li qed jiġu proċessati tenders fuq installazzjoni mekkanika u elettrika. Il-mira hija li x-xogħol jitlesta fl-2007. Informat ukoll li minn mindu ġie appuntat kappillan fil-Kulleġġ f'Ottubru 2004, il-kamra temporanja kienet u għadha magħmula għad-dispożizzjoni tiegħu fi Blokk B ta' l-Istitut għan-Negozju u l-Kummerċ. Il-kamra msemmija hi adegwament attrezzata b' kompjuter u telefown.

Junior college/Universita' — Studenti

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21251 u jgħid kemm studenti jattendu l-Junior College u l-Universita' minn Marsaxlokk, Birżebbuġa, Wied il-Għajn, Ħaż-Żabbar, Kalkara, Birgu, Bormla, Isla u Raħal Ġdid?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti fl-ewwel u t-tieni sena li jattendu fil-Junior College huwa hekk : Lokalita' L-ewwel Sena It-Tieni Sena Total Marsaxlokk 20 14 34 Birżebbuġia 54 34 88 Wied il-Għajn 43 33 76 Haż-Żabbar 62 60 122 Kalkara 12 13 25 Birgu 54 34 88 Bormla 5 4 9 Isla 3 3 6 Raħal Ġdid 21 18 39 Tagħrif dwar l-Universita' għadu qed jinġabar.

Kurrikulu

Question

B'riferenza għad-diskors tal-Ministru fejn hu stess qal li madwar 80% tal-kurrikulu ġie mwettaq skond rapporti u analisi li waslu għandu, jista' ipoġġihom fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, LOUIS)

Meta l-Onor. Membru jipprovdi d-dokumentazzjoni li ssostni l-allegazzjoni ripetuta diversi drabi mill-oppożizzjoni li 80% fil-mija tal-Kurrikulu Nazzjonali ma twettaqx, inkun nista' nagħtih ħafna aktar dettalji biex nurih li, bil-kontra, mat-80% tal-Kurrikulu Nazzonali qed jitwettaq.

Verdala International School — Warrant lill-għalliema

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għala persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ma ngħatatx warrant biex tgħallem fil-Verdala International School lit-tfal bid-dyslexia u l-Ingliż bħala ESL, xogħol li ilha tagħmlu mis-sena 2000 u li għalih tħarġet f'korsijiet internazzjonali bħal dak tat-THRASS?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-Mistoqsija waslet fl-uffiċju l-Ħamis 2 ta' Novembru 2006 wara nofs in-nhar, it-tagħrif mitlub ma laħaqx inġabar u allura tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Mellieħa — Skola Primarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid rigward l-iskola primarja tal-Mellieħa, kemm hemm tfal li għalihom intalbet għajnuna mill-istatementing board u għadhom qed jistennew li jingħataw din l-għajnuna? Jista' jagħti l-istatistika sena b'sena? Meta se jingħataw l-għajnuna meħtieġa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm 8 tfal mill-iskola tal-Mellieħa li qed jistennew li jingħataw għajnuna. Minn dawn hemm 3 applikazzjonijiet tal-2005 li għadhom mingħajr medical reports u 5 applikazzjonijiet li daħlu f'din is-sena skolastika. Informat li qed isir xogħol biex dawn jingħataw l-għajnuna meħtieġa.

Trade Unions

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu l-membri fit-trade unions kollha, sena b'sena u union b'union, mis-sena 2001 'il hawn?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ċ-ċifri ta’ l-imsieħba fit-trade unions kollha, sena b'sena u union b'union, mis-sena 2001 'il hawn skond kif rappurtati lir-Reġistartur tat-Trade Unions huma elenkati fid-dokument li ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Trade Unions

Question

In vista ta' l-allegazzjonijiet imxandra u ppubblikati dan l-aħħar dwar in-numru veru ta' ħaddiema fit-trade unions kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet pubbliċi li saru minn uffiċjali ta' unions, jista' il-Ministru jitlob lir-reġistru tat-trade unions jagħmel audit taċ-ċifri mogħtija lilu mill-istess unions ħalli l-poplu jkollu ċ-ċifri vera ta' l-imsieħba fihom?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-materja mqanqla fil-Mistoqsija hi soġġett ta' konsiderazzjoni f'każ ta' xi tibdil fil-liġi relattiva.

Unions — Ħaddiema tas-servizz pubbliku

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk l-unions li qed jibbenefikaw mill-iskema tal-gvern li jipprovdi ħaddiema mis-servizz pubbliku biex jaħdmu (sekondati) magħhom? Kull union, kemm għandha ħaddiema mis-servizz pubbliku sekondati magħha? Kif jiġu sekondati dawn il-ħaddiema? Il-gvern kemm qed joħroġ mill-fondi pubbliċi għal dawn il-ħaddiema?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant ma taqax taħt id-dekasteru tal-Ministeru tiegħi u għandha tiġi riferuta lill-Ministru konċernat.