B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16337, jista' l-Ministru jagħti tagħrif mitlub, xahar b'xahar, għall-aħħar sitt xhur tal-2014 u l-ewwel sitt xhur tal-2015?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, in-numru ta’ permessi li ħarġu min Marzu ta’ din is-sena biex persuni li mhumiex hawkers ikunu jistgħu jixtru prodott agrikolu mill-Pitkalija, laħaq 716 konsumaturi privati. Rigward prodott agrikolu li jintrema m’għandix xi nżid mat-Tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 16337, filwaqt li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba dwar ix-xiri tul il-perjodu mitlub.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – ingaġġ ta’ individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk, u filkas liema, entitajiet, bordijiet, awtoritajiet, dipartiment u simili li għalihom huwa responsabbli fid-dekasteru tiegħu, ħatrux, appuntawx jew innominaw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għal xi kariga, uffiċċju, jew ħatra, hi liema hi, mill-10 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’kienet il-ħatra, uffiċċju jew kariga? X’kien il-ħlas għaliha?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li fil-perjodu msemmi ma ngħata l-ebda xogħol, kariga u / jew ħatra lill-individwu indikat.
Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — ingaġġ ta' individwu
Question
Jista’ l-Ministru, f’isem is-Segretarju Parlamentari jgħid jekk, u filkas liema, entitajiet, bordijiet, awtoritajiet, dipartiment u simili li għalihom huwa responsabbli fid-dekasteru tiegħu, ħatrux, appuntawx jew innominaw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għal xi kariga, uffiċċju, jew ħatra, hi liema hi, mill-10 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’kienet il-ħatra, uffiċċju jew kariga? X’kien il-ħlas għaliha?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li fil-perjodu msemmi ma ngħata l-ebda xogħol, kariga u / jew ħatra lill-individwu indikat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu jaħdmu ħaddiema ġodda fil-WasteServ bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u l-aħħar ta’ Mejju 2015? Jista’ jgħid x’inhi l-job description tagħhom? Jista’ jgħid kemm minnhom daħlu tramite l-kuntrattur, kemm minnhom ġew seconded minn postijiet oħra u kemm minnhom saret sejħa pubblika għalihom mill-WasteServ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li fil-kumpanija kif jiġri dejjem ikun hemm bdil, b’nies ġodda jidħlu jieħdu post dawk li jispiċċaw. Rigward ħaddiema li spiċċaw minn mal-Kumpanija nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 17116 filwaqt li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba għall-perjodu bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u l-aħħar ta’ Mejju 2015
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16194, jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-41 persuna li spiċċaw minn mal-WasteServ bejn l-1 ta’ Marzu 2013 u l-14 ta’ Mejju 2015 spiċċaw għax irtiraw, ġew transferred, irriżenjaw jew intemmilhom il-kuntratt?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li skond tagħrif mogħti lili l-informazzjoni li tat il-kumpanija WasteServ lill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 16194 ma kinitx għal kollox korretta u kienu 33 persuna li spiċċaw minn mal-WasteServ matul il-perjodu msemmi. Qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostennibli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — konsulenza lil individwu
Question
Jista l-Ministru jgħid l-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jifformaw parti mid-dekasteru li hu jmexxi tawx xi forma ta' konsulenza lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti r-risposta hi fl-affermattiv.
Bdiewa u sidien ta’ għelieqi – għajnuna lill-bdiewa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħatat għajnuna lill-bdiewa jew sidien ta’ għelieqi bejn id-9 ta’ Marzu 2015 u l-31 ta’ Mejju 2015 sabiex jinbnew jew jittranġaw ħitan tas-sejjieħ? Jista’ jelenka l-iskema li hemm jew kien hemm bejn l-1 ta’ Marzu 2013 u l-31 ta’ Mejju 2015 f’dan ir-rigward? Jista’ jgħid kemm ibbenefikaw minnhom u kemm saru kilometri ta’ ħitan permezz ta’ dawn l-imsemmija skemi?
Response (BRINCAT, LEO)
Nassumi li l-Onor. Interpellanta riedet tgħid bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u l-31 ta’ Mejju 2015 u mhux kif indikat fil-mistoqsija tagħha. Ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li fil-perjodu msemmi ma ngħatat l-ebda għajnuna lill-bdiewa għall-iskop li qed tirreferi għalih.
Ministeru għall-Iżilvupp Sostennibli u Ambjent u Tibdil fil-Klima – nefqa ta’ petrol u diesel
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefaq f’petrol u diesel mill-Ministeru tiegħu, inkluż id-dipartiment, l-awtoritajiet u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u l-aħħar ta’ Mejju 2015? Jista’ jgħid mil-liema pompi tal-petrol inxtara l-fuel u jagħti breakdown skont il-pompi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella ‘A’ li turi l-infieq fi fuel mill-Ministeru u mis-Segretarjat Parlamentari bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u l-aħħar ta’ Mejju 2015. Tabella ‘B’ turi l-infieq fi fuel għall-istess perjodu mill-WasteServ.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16193, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-455 ħaddiema li hemm jaħdmu mal-WasteServ qed jaħdmu tramite l-kuntrattur, kemm minnhom ġew seconded minn postijiet oħra u kemm minnhom huma impjegati direttament mill-WasteServ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li skond l-informazzjoni mgħoddija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti mill-455 ħaddiema li hemm jaħdmu mal-WasteServ 346 impjegati tramite l-kuntrattur, 19 ġew deployed minn postijiet oħra u 90 huma impjegati direttament mal-WasteServ.
Billi ilu ħafna żmien jingħad li numru ta' toroq tal-bdiewa qed jibbenefikaw minn għajnuna biex dawn l-istess toroq ikunu jistgħu jsiru aċċessibli għall-benefiċċju tal-bdiewa, u b'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16698, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-toroq li bbenefikaw minn xi waħda mill-iskemi li huma msemmija? Fejn huma dawn it-toroq li bbenefikaw jew li ġew approvati biex jibbenefikaw mis-sistema ta' għajnuna?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, l-informazzjoni mitluba ngħatat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16582.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17237, jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa bħala persentaġġ it-total ta’ 4,849 baqra li hemm f’Għawdex mat-total ta’ Malta u Għawdexkollu? Bl-istess mod, kemm huwa bħala persentaġġ in-numru ta’ 3,200 majjal f’Għawdex mat-total tal-majjali kollha fil-pajjiż? Kemm huma bħala persentaġġ il-144,005 tiġieġ tal-broilers u l-57,030 tiġieġa ta’ layers mal-istess tip ta’ tiġieġ fil-pajjiż kollu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jiena nfurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li persentaġġ ta’ baqar f’Għawdex meta mqabbel ma’ dak ta’ Malta huwa ta’ 36.39%, tal-majjal huwa ta’ 8.74%, tat-tiġieġ tal-broilers huwa ta’ 16.93%, filwaqt li tat-tiġieġ tal-layers huwa ta’ 19.53%.
Billi l-ġurnal “l-Orizzont” tas-16 ta’ Ġunju 2015 f’paġna 9 irraporta li fl-2014 l-emissjonijiet f’Malta żdiedu bi 2.5% meta mqabbel mal-2013, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’jista’ jkun li wassal għal din iż-żieda?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-informazzjoni dwar emissjonijiet ma tinġabarx minn dan l-Uffiċċju iżda tiġi sottomessa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu rċeviex il-parir tal-Avukat Ġenerali dwar il-kwistjoni tal-istaġun tal-insib fid-dawl tal-proċeduri legali li għaddejjin bħalissa mal-Kummissjoni Ewropea? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-parir mogħti? Jekk dan il-parir għadu ma ngħatax, jista' jiddikjara jekk ikunx lest jippubblika dan il-parir ladarba jingħata?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, l-informazzjoni li qed tintalab hija ta’ natura ta’ opinjoni professjonali protetta u fil-fatt hija wkoll eżentata taħt l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — persuni impjegati
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni impjegati ma' xi dipartiment jew kwalunkwe entità oħra li taqa' taħtu minn Marzu 2013? Jista' jgħid kemm minn dawn kienu persuni uffiċjalment rikonoxxuti bħala persuni b'diżabilità?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li din it-tweġiba ser tingħata fl-iqsar żmien possibbli minħabba li l-WasteServ ma tawx l-informazzjoni meħtieġa fil-ħin.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ klieb li huma microchipped f’kull waħda mil-lokalitajiet f’Malta skont il-kunsilli lokali rispettivi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li n-numru ta’ klieb li xi darba jew oħra ġew chipped huwa ta’ 59,264. Iżda hawnhekk ta’ min ifakkar li jekk kelb imut u ma jkunx irrapportat dan jibqa’ jidher fid-database. Fir-rigward tal-aħħar parti tal-mistoqsija ninsab infurmat li din l-informazzjoni ma tistax tinġabar għaliex meta inħolqot id-database snin ilu ma kinitx tagħmilha tassattiva li titniżżel eżatt l-lokalità ta’ fejn hu residenti s-sid, iżda l-iktar ħaġa importanti kienet li jitniżżel it-telefon tas-sid biex f’każ li jintilef kelb, sidu jkun jista’ jiġi kkuntattjat. Inżid ukoll li l-informazzjoni tiddaħħal fid-database mill-veternarji nnifishom li jkunu ċċippjaw lill-kelb u l-indirizz jiddaħħal f’spazju wieħed li mbagħad ma tkunx tista’ toħroġ rapporti bil-lokalità u saħansitra ħafna drabi jiddaħħal l-indirizz tal-klinika u mhux ta’ sid il-kelb. Ta’ min jgħid li sal-lum pero ma nħoloq l-ebda inkonvenjent b’din is-sistema minħabba l-fatt li l-iskop tas-sistema hu li jinstab is-sid tal-annimal aktar milli l-lokalità fejn ġie reġistrat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ full-time farmers f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tal-full-time farmers kollha f’Malta u Għawdex? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ part-time farmers f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tal-part-time farmers kollha f’Malta u Għawdex?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ sajjieda full-time f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tas-sajjieda full-time kollha f’Malta u Għawdex? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ sajjieda part-time f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tas-sajjieda part-time kollha f’Malta u Għawdex?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ raħħala full-time f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tar-raħħala full-time kollha f’Malta u Għawdex? Jista’ jgħid kemm dawn ir-raħħala f’Għawdex għandhom baqar, majjali u tiġieġ?
Response (BRINCAT, LEO)
Għall-ewwel parti tad-domanda nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.
Għar-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, ninfurmah li n-numru ta’ baqar f’Għawdex huwa ta’ 4,849, in-numru ta’ majjali f’Għawdex huwa 3,200 filwaqt li n-numru ta’ tiġieġ f’Għawdex huwa 144,005 fil-każ ta’
broilers
, u 57,030 fil-każ ta’
layers
.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16987, billi kif jingħad, il-passat mhux garanzija tal-futur, jista’ l-Ministru jgħid preżentament kemm hu n-numru ta’ kaxxi li qegħdin fiċ-ċirkulazzjoni? Billi l-bdiewa kollha qed jiffaċjaw problemi kbar għal dak li jikkonċerna l-kaxxi, jista’ jieħu l-passi neċessarji biex jinvestiga kemm hemm bżonn ta’ kaxxi, iktar u iktar fid-dawl ta’ diversi dikjarazzjonijiet li saru dwar il-mod kif ir-riforma suppost se taffettwa lill-bdiewa anke f’dan ir-rigward?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mgħoddija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, kien hemm diversi fatturi kif spjegat aktar ‘il quddiem fejn in-numru ta’ kaxxi li qegħdin fiċ-ċirkulazzjoni ma jistax ikun magħruf b’eżattezza. Fost il-fatturi mgħarrfa lili hemm:
· In-nuqqas ta’ żamma ta’
records
sodisfaċenti ġejja mill-amministrazzjoni ta’ qabel,
· Il-fatt li meta fl-2010 ġiet xolta l-kumpanija Pitkali Crates Ltd, ma ngħatat l-ebda forma ta’
hand-over
lill-Gvern ta’ dak iż-żmien,
· Li fil-passat kienu jiġu stampati l’hekk imsejħa “kupuni” (biljetti) li kienu jinbiegħu lill-bdiewa bl-addoċċ mingħajr ebda konsiderazzjoni ta’ kemm hemm kaxxi,
· Li din is-sistema kienet qed tiġi abbużata tant li nstab numru ta’ kupuni minn dawn li kienu foloz,
· Li numru ta’ kaxxi li kienu suppost għall-użu tal-bdiewa spiċċaw f’użu għalkollox differenti, fosthom fil-ħwienet tal-merċa,
ironmongers
,
launderettes
,
diving clubs
, djar privati, fost oħrajn,
· Li numru sostanzjali oħra minn dawn il-kaxxi huma miżmuma fl-imħażen tal-bdiewa/pitkala/xerrejja stess bħala “riserva”,
· Każijiet ta’ serq. Fl-2011 lill-Pulizija ġew irrapurtati misruqa eluf ta’ kupuni. Ittieħdet azzjoni fil-Qrati fejn ħadd ma ġie identifikat bħala ħati.
Kif jista’ jifhem l-Onor. Interpellant is-sistema tal-kaxxi fil-Pitkalija kienet waħda mħawda, abbużata, misruqa, mhux ikkontrollata u mhux waħda li tista’ toqgħod fuqha.
Din hi s-sitwazzjoni li writtna u li qegħdin nippruvaw nikkontrollaw biex il-bdiewa jkunu verament moqdija.
Għal dan il-għan irtirajna l-
vouchers
qodma kollha:
· Ħriġna
vouchers
ġodda li prattikament ma jistgħux jiġu kkuppjati;
· Issa għandna rekord attwali ta’ kemm hemm minn dawn il-
vouchers
hemm fl-idejn;
· Din is sena mis-7 ta’ Awwissu 2013 sat-23 ta’ Lulju 2014 xtrajna u ħriġna b’kollox 31,976 kaxxa ġdida; u
· Din is-sena diġà nxtraw 5,000 kaxxa u sal-aħħar tax-xahar ikunu nxtraw 20,000 kaxxa oħra.
Bħala parti mir-riforma fil-Pitkalija qegħdin isiru studji u diskussjonijiet ma’ dawk kollha kkonċernati biex tinstab l-aħjar sistema li tiggarantixxi l-provvista ta’ dawn il-kaxxi għall-użu tal-bdiewa, b’regolamenti stretti li jkunu jikkontrollaw l-abbużi.