Peress li r-residenti fi Triq Pawlu Inguanez, Rabat qed jilmentaw li żviluppaw ħofor fit-triq li qed jikkawża inkonvenjent kbir lir-residenti kollha, jista' d-dipartiment jara li jsir kordinament mal-Kunsill Lokali tar-Rabat sabiex jiġi rimedjat dan il-bżonn? Jekk fl-affermattiv meta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex isir tindif fis-centre strip (flower bath) li hemm bejn Triq Mikiel Decelis u l-Main Road il-ġdida f'Pembroke?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuni msemmija separtament ma ġewx rikonoxxuti għall-promozzjoni fil-grad ta' rubble wall builders, meta għamlu l-istess kors mal-ħaddiema li ħadu l-promozzjoni ta' dan il-grad ftit ta' żmien ilu?
Jista' jara li tinsab soluzzjoni sabiex dawn il-ħaddiema ma jiġux żvantaġġjati u mċaħħda mill-promozzjoni li tixtraqilhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-persuni msemmija kienu applikaw għall-post imsemmi wara d-data ta' l-għeluq ta' l-istess applikazzjoni jiġifieri 27-11-98. L-applikazzjonijiet tagħhom waslu f'dan id-dipartiment fl-04-12-98 u għalhekk ma setgħux jiġu kkunsidrati.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li f'Wied il-Għajn din is-sena mhux se ibixxu t-toroq li m'humiex asfaltati, bħalma kien isir qabel?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex inqalgħu numru ta' fanali mill-Pjazza u promenade ta' Buġibba?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-fanali u 'street furniture' oħra li kien hemm fil-pjazza nqalgħu għax kienu qed jiddeterjoraw u bdew ikunu ta' periklu għall-pubbliku (dawn ma nxtrawx minn fondi tal-Gvern).
Inħarġet tender biex isiru oħrajn tal-'cast iron'.Il-fanali tal-promenade kienu nqalgħu biex issirilhom manutenzjoni mill-kuntrattur wara li ħarġulhom xi difetti ftit wara li kienu twaħħlu.
Dawn il-fanali issa kollha reġgħu twaħħlu f'posthom.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 16150, l-Onor. Interpellant qed jispeċifika l-informazzjoni mitluba u għalhekk jerġa' jpoġġi l-istess mistoqsija. Jista' l-Ministru jikkosidraha?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-programm ta' xogħlijiet ta' estensjonijiet ġodda tas-sistema tad-drenaġġ huwa kważi eżawrit. Madankollu qegħdin jittieħdu passi biex wieħed jara kif jista' jdaħħal din l-estensjoni wkoll. Jekk wieħed ma jkunx jista' jinkludiha għal din is-sena, din l-estensjoni se tiġi mdaħħla għall-programm tas-sena d-dieħla.
Peress li l-vettura GAJ 683 qed tintuża fil-ħdud u l-festi minn terzi persuni, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex qed jiġri dan?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qegħdin isiru l-investigazzjonijiet neċessarji fuq il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Sadanittant ingħatat ordni biex il-vettura in kwestjoni kif ukoll vetturi oħra li kienu għad-dispożizzjoni tas-sezzjoni konċernata jiġu garaxxjati fi propjeta' tal-Gvern matul il-weekend u festi jekk dawn il-vetturi ma jkunux meħtieġa għal xi xogħol tat-Taqsima tax-Xogħlijiet f'dawn il-ġranet. Ikun apprezzat ukoll jekk l-Onorevoli Interpellant jista' huwa stess, b'mod kunfidenzjali, jgħaddi xi informazzjoni li huwa għandu relatata mal-każ.
Jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li tintemm l-ewwel fażi tal-proġett tal-promenade ta' Tas-Sliema? Jista' jgħid kemm huwa maħsub li dan il-proġett jiswa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Kif diġa` spjegajt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14595, ix-xogħol ta' l-ewwel fażi minn ħdejn il-Fortizza sa fejn it-Torri mistennija li tkun lesta sa l-aħħar ta' Ġunju. Ix-xogħol ta' paving bħalissa wkoll jinsab miexi b'ritmu tajjeb u mistenni li jkun avvanzat ħafna sa l-istess data.
Il-proġett mistenni li jiswa madwar Lm800,000.
Jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li tinbeda t-tieni fażi tal-proġett ta' Buġibba? Jista' jgħid kemm huwa maħsub li dan il-proġett jiswa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi t-tieni fażi tal-proġett ta' Buġibba nbdiet u ntemmet (1998/99). Ix-xogħol li sar f'din il-fażi kien:-
(i) it-triq u faċilitajiet ħdejn il-boathouses fil-Qawra;
(ii) xogħol fuq il-ħajt ħdejn il-Gillieru;"sea jet" fountain fil-bajja ta' Buġibba;
(iii) xogħol ta' semi-pedestrianisation f'St. Anthony Street;
(iv) bini ta' akkomodazzjoni alternattiva ħdejn il-ground tal-futbol ta' San Pawl il-Baħar;
(v) tlestija tal-Bus Terminus ġdid fi Triq it-Turisti.
Barra dan ix-xogħol fl-istess perjodu baqa' għaddej ix-xogħol ta' manutenzjoni fuq ix-xogħol taż-żewġ fażijiet.
L-informazzjoni dwar it-tieni parti tal-mistoqsija qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara li x-xogħol li kien inbeda mill-privat għal twaqqigħ ta' dar, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, jitkompla peress li anzjana li toqgħod ma' ġemb din il-proprjeta' kellha titlaq minħabba nuqqas ta' sigurta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ntbagħat Perit fil-post indikat fil-Mistoqsija Parlamentari biex jinvestiga. Irriżulta li qed isir xi żvilupp fuq sit ma' ġenb il-post indikat. Din il-Perit għamlet rapport li ġie mgħoddi lill-Pulizija biex tieħu l-passi mmedjati biex sid il-post fejn qed isir l-iżvilupp ineħħi kull periklu li jista' jkun hemm.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont ta' ittri li jinsabu maqbuda fil-Ministeru, Dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu b'riżultat ta' l-azzjonijiet industrijali kontra l-miżuri anti-soċjali mħabbra fl-aħħar budget mill-GWU? Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont ta' ittri li jinsabu maqbuda fil-Ministeru, Dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu b'riżultat ta' l-azzjonijiet industrijali kontra l-miżuri anti-soċjali mħabbra fl-aħħar budget mill-GWU?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Fil-Ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, bħalissa hemm 350 ittra u 124 'acknowledgement' maqbuda b'riżultat ta' l-azzjonijiet industrijali tal-G.W.U.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija ninforma l-Onorevoli Membri li, fost l-oħrajn, il-Gvern qiegħed jirnexxilu jassigura li l-pubbliku jintlaqat mill-inqas mill-azzjonijiet ta' l-union. Ma hemmx diskussjonijiet għaddejja mal-G.W.U. dwar l-azzjonijiet industrijali.
Il-laqgħat li saru mal-G.W.U. ġew rappurtati fil-media.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi mgħoddija s-sistema tad-drenaġġ fil-parti t'isfel ta' Triq Mons Luigi Catania u Triq l-Isqof Tumas Gargallo, Għargħur?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-tender biex isiru dawn ix-xogħlijiet kien inħareġ. Preżentement dan it-tender (WD 1496/83/4) li jinkludi tħaffir ta' 'galleries' u 'gravity main', qiegħed għall-proċeduri ta' approvazzjoni qabel ma ssir il-pubblikazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid għal-liema raġuni ngħata transfer lil persuna li isimha qed jintbagħat separatament mis-Sezzjoni tas-Swar għall-Ewwel Distrett tal-Public Works?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li r-raġuni għaliex dan l-impjegat ġie assenjat xogħol mill-ġdid fl-Ewwel Distrett (CDO) kienet minħabba l-esiġenza tax-xogħol.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi approvati u l-pjanti relattivi għar-rigward ta' St.James Cavalier?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi approvati (PA 1571/96, PA 2811/96, PA 5247/96, PA 6002/96) u l-pjanti relattivi għar-rigward ta' St. James Cavalier.
B'riferenza għall-avviż nru. 31/2000 għall-bini ta' sistema għall-ilma tax-xita fi Triq Ħal Qormi, Ħal Qormi, li deher fil-gazzetta tal-gvern nru.16922 datata 14 ta' Marzu, 2000, jista' l-Ministru jgħid min huwa l-kuntrattur magħżul u x'inhu ż-żmien li ġie marbut bih biex ilesti dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li dan il-kuntratt ingħata lid-ditta Polidano Brothers Limited fil-25 ta' April 2000. Ix-xogħol irid jitlesta fi żmien erba' ġimgħat minn meta jingħataw il-permessi mid-Dipartimenti l-oħra konċernati.
Jista' l-Ministru jara x'jista' jsir sabiex: (1) l-ilma tax-xita ma jibqax jaqa' kollu għal fuq Triq il-Konvoj ta' Santa Marija, Imqabba, iżda jiġi dirett għal ġo barrieri jew ġibjuni; (2) l-ispections li kienu saru fi Triq il-Konvoj ta' Santa Marija fl-Imqabba, jiġu komunikati mal-ġibjun sabiex jibdew jiffunzjonaw kif suppost?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ix-xogħol imsemmi mill-Onorevoli Interpellant huwa responsabbilta' tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14796, jista' l-Ministru jinforma lil din il-kamra għalfejn minkejja li qalilna li t-tiswijiet meħtieġa saru, s-sidien tan-raba' adjaċenti għal Triq Baydon, San Ġiljan reġgħu ilmentaw li d-drenaġġ qed jiskula għal fuq ir-raba' tagħhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li wara li fl-24 ta' Frar saret manutenzjoni fuq il-main tad-drenaġġ fit-Triq Patrick Brydon u ġew imsewwija wkoll xi 'manholes' li kienu nkissru minn xi trakkijiet kbar waqt xogħol ta' kostruzzjoni fil-Housing Estate, irriżulta li ksur ma kienx minn hemm biss imma minn sorsi oħra wkoll. Għaldaqstant biex jiġi indikat il-post eżatt fejn hemm il-ħsara sejrin jittieħdu passi biex il-medda tad-drenaġġ tiġi spezzjonata bis-C.C.T.V. Kif tkun identifikata din il-ħsara, din tiġi msewwija immedjatament.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu minn Settembru 1999 sal-lum biex id-drenaġġ ma jibqax ħiereġ u jfur fil-Qammieħ, limiti tal-Mellieħa?
Kemm-il darba waslu lmenti mill-kunsill lokali tal-Mellieħa u mis-sindku lid-dipartiment tad-drenaġġ dwar il-fawran tad-drenaġġ fil-Qammieħ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol in konnessjoni ma' dan l-inkonvenjent issa tlesta u għaldaqstant dak l-inkonvenjent ma jeżistix iżjed.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol li qed isir ħdejn il-Għajn tal-Ħasselin, Msida?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol li fadal madwar il-Għajn huwa ta' madum (li qed isir minn kuntrattur privat) u wara jitwaħħlu r-railings tal-ħadid (min-nies tal-Gvern).
Id-dawl, it-tarmac tal-pjazza u l-bankina qed isiru mill-Kunsill Lokali ta' l-Imsida.
Dan ix-xogħol imsemmi għandu jitlesta fi ftit ġimgħat oħra.
Jista' l-Ministru jara jekk jistgħux isiru xogħlijiet sabiex l-ilma kollu li jaqa' fi Triq Vjal ix-Xarolla, Żurrieq, jiġi kanalizzat għan-naħa l-oħra tat-triq u mhux għan-naħa tad-djar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Billi dan ix-xogħol huwa responsabbilta' tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, għalhekk din il-mistoqsija għandha tiġi ndirizzata lill-Ministru konċernat.