Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-Kunsilli Lokali tal-11 u 12 id-distrett Elettorali li għandhom kontijiet pendenti mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura fuq xogħlijiet li d-Dipartiment wettaq f'dawn il-lokalitajiet rispettivament?
Għal kemm żmien/snin ilhom pendenti dawn il-kontijiet lokal, lokal u kemm huma l-ammonti f'ċifra ta' flus li kull lokal separatament irid iħallas skond dawn il-kontijiet?
Response (ZAMMIT, NINU)
Hemm kont pendenti, li hu tal-Kunsill Lokali tal-Mosta li jammonta għal:
Lm 20,034.06 għas-sena 1997
Lm 3,636.22 għas-sena 1998
Lm 5,454.33 għas-sena 1999
Lm 5,454.33 għas-sena 2000*
Ma dawn iridu jiżdiedu il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar li miegħu hemm kont pendenti ta' xogħol li sar fl-1998 għall-ammont ta' Lm1559, u l-Kunsill Lokali tar-Rabat* li miegħu hemm kont pendenti ta' xogħol għall-ammont ta' Lm903.32.
* l-ewwel disgħa (9) xhur
Jista' l-Ministru jinfurmana għaliex matul dawn l-aħħar sentejn l-apprendisti biċċiera baqgħu ma sarux tal-post? Jista' jinfurmana bil-pożizzjoni ta' dawn il-ħaddiema u meta se jsiru tal-post?
Response (ZAMMIT, NINU)
Dawk li għamlu l-apprendistat ta' biċċiera u ssodisfaw il-kriteri kollha biex isiru tal-post, ġew appuntati bħala Butcher Group IV b'seħħ mill-24 ta' Novembru 2000. Ġew appuntati seba' biċċiera.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bdiewa u/jew persuni li nstabu li jużaw livelli għolja ta' bexx u kimika b'detriment għas-saħħa tan-nies li dwarhom tkellem l-Ministru fid-diskors tal-budget?
Liema fil-fatt huma l-bexx u l-kimika li jintużaw f'pajjiżna u li jistgħu joqtlu n-nies meta jiġu applikati?
Għaliex qed jiġu mportati?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-pestiċidi li jiġu mpurtati f'pajjiżna huma kkontrollati skond dak li jidher fil-Gazzetta tal-Gvern fi skedi differenti skond il-kundizzjonijiet imposti fuqhom. Dawk il-pestiċidi li huma skedati li joffru riskju għoli għas-saħħa tal-bniedem huma kklasifikati fi Schedule I u ma jitħallewx jiddaħħlu u jintużaw. L-aħħar skedi ġew ippublikati fil-Gazzetta tal-Gvern ta' nhar il-Ġimgħa 5 ta' Jannar 2001.
Inżid ngħid li kull meta tkellimt dwar l-użu tal-pestiċidi jien qatt ma indikajt xi persuni li attwalment instabu li kienu għamlu użu eċċessiv ta' pestiċidi, pero' xorta jibqa l-fatt li anki pestiċidi li jitħallew jintużaw f'pajjiżna, jekk jintużaw ħażin jistgħu joffru riskju. Kull meta jkun hemm xi dubju, il-prodott jittieħed barra għat-testijiet. Ma naf li kien hemm l-ebda prodott li kien fih livell għoli żżejjed li joffri periklu għas-saħħa.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru 21132?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-produzzjoni ta' demel naturali li tipproduċi l-industrija tat-tjur f'Malta u Għawdex hija kkalkulata f'medja ta':
Malta 384,158 TONS
Għawdex 47,054 TONS
Jista l-Ministru jgħid x'ikkawża l-mewt tal-ostrich fil-farm esperimentali tal-Għammieri matul din is-sena?
Kemm kien fil-fatt in-numru ta' annimali li jintużaw proġett 'Ngħożżu l-Biedja' li mietu u jew ġew mibjugħa matul din is-sena?
Matul l-istess perjodu kemm kien n-numru ta' annimali ġodda li nġiebu fil-farm sabiex iżidu n-numru ta' annimali ta' dan il-proġett hekk għal qalb it-tfal?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi l-ostrich miet b'attakk f'qalbu.
Dwar annimali li mietu, ma kienx hemm imwiet oħrajn minn dak il-programm wara li tajt risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 17657.
Inxtraw ukoll tlett iħrief suwed sabiex jintużaw f'dan il-programm.
Jista' l-Ministru jinfurmani jekk humiex vera l-UĦM ordnat lill-ħaddiema tal-Farm sabiex ma jidħlux fis-serer għaliex dawn huma perikoluż?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nikkonferma dak li qed jgħid l-Onor. Interpellant, illi l-UHM tat xi direttivi lill-ħaddiema tal-Farm. Fost dawn kien hemm li peress li s-serra numru 3 u dik numru 6 huma tal-ħġieġ, jista' jkun hemm xi perikoli jekk tinkiser xi ħġieġa waqt li l-ħaddiema jkunu jaħdmu fihom.
Filwaqt li qegħdin jittieħdu passi biex isir il-maintenance neċessarju sabiex l-perikolu jitnaqqas, huwa fatt li serra tal-ħġieġ dejjem toffri xi perikolu għal min jidħol fiha. Pero inżid ngħid illi f'dawn l-aħħar sentejn saru tiswijiet neċessarji u l-maintenance ta' rutina fuq l-istess serrer
Ta' min jgħid li dawn is-serrer għandhom aktar minn 25 sena u għalhekk kunsidrati qodma. Jagħmel aktar sens li dawn is-serer jiġu mibdula minflok nibqgħu nonfqu flus f'maintenance temporanju.
Din hi l-istess sitwazzjoni li kien hemm għal dawn l-aħħar snin, inkluż fiż-żmien meta l-Onor. Interpellant kien il-Ministru responsabbli.
Jista' l-Ministru jinfurmani għaliex meta ntnefqu tant flus sabiex jiġu rranġati uffiċini u ħwejjeġ oħra, ma ġewx irranġati s-serer tal-farm esperimentali f'dawn l-aħħar sentejn?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għal-Mistoqsija Parlamentari Nru: 21988.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni reġistrati bħala fulltime u part-timt fishermen illum?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi skond ir-rekords tad-Dipartiment tas-Sajd fil-preżent għandna rreġistrati :
Malta Għawdex
full-time fishermen 403 127
market fishermen 22 221
part-time fishermen 1395 xejn
Jista' l-Ministru jinfurmani kemm kienet l-ispiża tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-Ministeri u d-Dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tal-Ministru għas-snin 1997, 1998 u 1999 sena b'sena separatament?
Kemm min dawn il-kontijiet tħallsu u kemm għadhom pendenti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ispejjez tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma kienu:
1997 - (1.12.96 sa 31.12.97 - 13 months)
Ministeru u Head Office Lm 3,315.06
Dipartiment Agrikultura Lm 40,123.41
Dipartiment Servizzi Veterinarji Lm 59,331.43
Dipartiment Sajd u Akkwakultura Lm 32,966.85
Total Lm135,736.75
1998 - (1.1.98 sa 31.12.98)
Ministeru u Head Office Lm 3,779.11
Dipartiment Agrikultura Lm 38,869.50
Dipartiment Servizzi Veterinarji Lm 88,520.70
Dipartiment Sajd u Akkwakultura Lm 41,062.54
Total Lm172,231.85
1999 - (1.1.99 sa 31.12.99)
Ministeru u Head Office Lm 2,304.49
Dipartiment Agrikultura Lm 25,954.19
Dipartiment Servizzi Veterinarji Lm 37,601.60
Dipartiment Sajd u Akkwakultura Lm 24,242.29
Total Lm90,102.57
Dawn il-kontijiet tħallsu kollha ħlief għal tnejn zgħar li bejniethom jammontaw għas-somma ta' LM67.44
Nota: Ghas-sena 2000 din hi informazzoni addizzjonali, izda l-mistoqsija ma tinkludix is-sena 2000.
2000 - (1.1.2000 sa 30.6.2000)
Ministeru u Head Office Lm 2.255.34
Dipartiment Agrikultura Lm 16,973.29
Dipartiment Servizzi Veterinarji Lm 29,980.96
Dipartiment Sajd u Akkwakultura Lm 21,058.86
Total Lm 70,268.45
L-uniku kontijiet li ghad fadal x'jithallasu huma:
konsum fil-gnien San Luqa, Floriana ghall-perjodu 7 Ottubru 1999 - 18 Frar 2000 - Lm 39.88
konsum fl-Extension Service Office, Siggiewi ghall-perjodu 2 Mejju - 28 Awissu 2000 - Lm 27.56
Dawn il-kontijiet waslulna ftit ilu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' sigħat ta' overtime li saru mill-ħaddiema/uffiċjali tad-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru tiegħu bejn Jannar u Novembru ta' din is-sena?
F'liema dipartimenti sar dan l-overtime u kemm minnu tħallas lill-ħaddiema/uffiċjali u kemm minnu jrid jitħallas?
X'kienu ir-raġunijiet, jekk huwa il-każ, li l-overtime ma tħallasx kollu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi l-ammont ta' Overtime li nħadem fil-Minsiteru ta' l-Agrikolutra u Sajd minn Jannar sa Novembru ta' din is-sena, dipartiment b'dipartiment, u kemm tħallas u għadu ma tħallasx, kien kif ġej:
Fid-Dipartment tas-Servizzi Korporattivi kien hemm 1914.25-il siegħa u tħallsu LM5,925.90.
Fid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura kien hemm 3697.83-il siegħa u tħallsu LM7,141.55.
Fid-Dipartiment ta' l-Aquakultura u Sajd kien hemm 6332.28-il siegħa u tħallsu LM17,741.77.
Fid-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji nħaddmu 5088 siegħa u tħallsu LM9,037.29, inħadmu 8341 siegħa li jammontaw għal LM15,880.56 li għadhom ma tħallsux. Dan il-ħlas isir meta l-klijienti tad-Dipartiment ikunu ħalsu l-kontijiet li għalihom sar ix-xogħol. Kien hemm ukoll 2297 siegħa li jammontaw għal LM4,390.40. Dan il-ħlas ser isir dal-waqt.
Fil-Green Week saru 1406.875 siegħa u tħallsu Lm2,774.27, għall-Potato Export saru 4806 siegħa u tħallsu LM9,130.93. Fit-Trade Fair saru 2991.5 siegħa u tħallsu LM5,774.46, fil-waqt li fil-World Food Day saru 12-il siegħa u tħallsu LM19.23.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 21084?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-politika tal-Gvern dwar is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea taffettwa fl-livelli differenti diversi aspetti ta' l-operat ta' l-istrutturi ta' ħafna mill-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħi.
Ma hemmx units li twaqqfu jew li s'issa hemm il-ħsieb li jitwaqqfu speċifikament minħabba l-aspett ta' sħubija fl-U.E.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema programm/i ta' l-Unjoni Ewropea xi dipartiment jew entita' oħra li tinsab fid-dekasteru tiegħek qed tipparteċipa?
Liema huma dawn il-programmi u x'utilita' għandhom u kemm qed jieħdu sehem persuni?
Kemm hu l-ħlas ta' Malta u dak ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni għada qed tinġabar, u tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' direct orders li nħarġu mill-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru matul din is-sena?
Kemm jiswa l-valur f'ċifra ta' flus ta' dawn id-direct orders u kemm tħallsu u kemm għad iridu jitħallsu?
B'riferenza għat-tweġiba li ta għall-mistoqsija parlamentari numru 21706, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-reazzjoni tal-Ministeru għall-istorja li dehret illum fl-ewwel faċċata tal-ġurnal "Malta Today" (1.12.2000) dwar il-Mad Cow Disease u t-trobbija tal-baqar f'pajjiżna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra Stqarrija għall-Istampa Nru 1693 maħruġa mid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni nhar l-1 ta' Diċembru 2000, li tirreferi għall-artiklu inkwistjoni.