B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17702, jista' il-Ministru jinformana f'liema imħażen ġie stallat l-impjant tal-grading station tal-ħaxix u frott frisk jekk mhux fl-imħażen in kwestjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-grading station tpoġġiet f'maħżen ġdid mibni appoġġ fejn hemm l-apparat tal-ħasil tal-kaxxi. Qed jiġi kkunsidrat li jitkabbar il-faċilità ta’ fejn jinħaslu l-kaxex sabiex jikber l-istorage space.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17642, jista' il-Ministru jinformana għaliex meta għadhom ma tteħdux deċiżjonijiet finali, il-gvern kien ħabbar li l-inċineratur kellu jibda jitħaddem f'Ottubru ta' l-2005?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li d-deċiżjoni dwar kif ser jitħaddem l-inċineratur m'għandu x'jaqsam xejn mad-data ta' meta ser jibda jaħdem l-impjant. Kif weġibt diġa f’Mistoqsija Parlamentari Numru 17642, il-Gvern qed jeżamina kif l-aħjar jopera l-inċineratur biex filwaqt li jwieġeb għall-ħtiġijiet nazzjonali, dan ix-xogħol isir ukoll bl-inqas spiża possibbli.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għall-bini ta' high rise buildings quddiem il-MEPA? Meta daħlu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7134. L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma rċevietx applikazzjonijiet oħra għal dan it-tip ta' żvilupp.
Jista' il-Ministru jgħid jekk għalqa li hemm fit-tarf ta' Triq Pawlu Grech, Iklin, liema għalqa għandha naħa tmiss ma' Dun Karm Bypass u naħa oħra ma' Triq Erin Serracino Inglott, hijiex proprjeta' tal-privat jew tal-gvern? F'każ li l-għalqa hi tal-privat, jista' il-Ministru jgħid kif din l-għalqa għaddiet għand il-privat, fuq liema bażi u meta? Jista' jgħid jekk hemmx xi applikazzjonijiet pendenti għal permessi ta' żvilupp ta' l-istess għalqa li ilha mitluqa għal aktar minn sitt snin b'detriment qawwi għar-residenti ta' dik iż-żona?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel l-ewwel part ital-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Fuq it-tieni part ital-Mistoqsija ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma għandha ebda applikazzjoni pendenti fuq is-sit imsemmi ta’ forma trijangolari.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-isptar Sir Paul Boffa ġewwa l-Floriana huwiex skedat jew le? Jekk fl-affermattiv, taħt liema kategorija huwa skedat dan il-bini?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-bini illum magħruf bħala l-iSptar Sir Paul Boffa mhuwiex skedat.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 17189 u 17451, jista' il-Ministru jgħid liema xogħol b'kuntratt qed isir fis-sit tal-Magħtab u jagħti lista sħiħa tal-kuntratti, kuntratturi u ħlasijiet li ħadu fis-sena 2005?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid fl-aħħar ta' kull sena mill-1998 sa l-2005 f'Għawdex: kemm kien in-numru ta' raħħala skond l-eta' tagħhom; kemm kien in-numru ta' merħliet ta' baqar u x'kien id-daqs tagħhom; kemm kien in-numru ta' merħliet ta' nagħaġ u mogħoż u x'kien id-daqs tagħhom; x'kienet il-produzzjoni ta' laħam taċ-ċanga matul kull sena; x'kienet l-ispiża tal-produzzjoni u x'kien il-valur tal-bejgħ tagħha?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-pitkali tal-ħut f'Malta ilhom ma jieħdu commission minn Ottubru 2005? X'inhi r-raġuni li laqgħa mitluba mill-istess pitkala mad-direttur tas-sajd għadha ma saritx, għalkemm intalbet 'il fuq minn xahrejn ilu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li kien hemm numru ta' kontijiet ta' ħut li kienu biegħu l-istess pitkala li ma ġewx imħallsin mill-kumpraturi, u għaldaqstant ammont ta' kummissjonijiet dovuta lill-pitkala qed jinżammu sakemm jiġu ċċarati dawn il-kontijiet pendenti. Il-bejgħ tal-ħut u l-ġbir tal-flus ta' dan il-bejgħ huwa responsabbiltà wkoll tal-pitkala li jkunu eżegwew il-bejgħ u żgur ma jistgħux jitħallsu kummissjonijiet fuq flus li ma nġabrux.
It-talba għall-laqgħa mitluba kienet mgħoddija lill-Uffiċjal ikkonċernat minn dawn il-kontijiet. Dan l-Uffiċjal huwa dejjem f'kuntatt kontinwu mal-pitkala.
Jista' il-Ministru jgħid fl-aħħar ta' kull sena mill-1998 sa l-2005 f'Għawdex: kemm kien hemm bdiewa full-time u part-time separatament u skond l-eta' tagħhom; kemm kien hemm raba bagħli jinħadem; kemm kien hemm raba saqwi jinħadem; u kemm kien in-numru ta' serer u x'kienet l-area ta' l-art miksija bis-serer?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant li din il-Mistoqsija tintalab lill-Ministru responsabbli mill-Uffiċju Nazzjonali ta' l-Istatistika, peress li l-informazzjoni li għandu l-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent tirrigwarda biss lil dawk il-bdiewa li talbu l-għajnuna.
Jista' il-Ministru jgħid matul dawn l-aħħar ħames snin, separatament, kemm kien in-numru ta' annimali li nqatlu fil-biċċerija, separatament mill-qatla regolari tal-majjal u ċanga?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar ħames snin in-numru ta' annimali li nqatlu fil-biċċerija, separatament mill-qatla regolari tal-majjal u ċanga kien hekk kif jidher hawn taħt :
2001 2002 2003 2004 2005
Ovini 138 118 80 101 89
Ħrief 199 117 91 68 21
Kaprini 10 13 6 9 5
Gidien 14 2 11 22 12
Żwiemel/
Ekwini 365 326 284 296 340
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni tat-tjur tas-simna f'Għawdex u Malta separatament f'Jannar u Frar 2006?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-produzzjoni (qatla) f’Malta għal Jannar 2006 kienet ta’ 202,721 rjus (470,737 Kg). F’Għawdex ma kienx hemm biċċerija liċenzjata f'Jannar 2006. Il-bdiewa Ġħawdxin niżżlu 15,308 rjus (40,017.5 Kg) għall-qatla f'Malta.
Iċ-ċifri għal Frar għandhom sa l-aħħar ta' Marzu biex jidħlu kollha, għalhekk ma nistax ngħati ċifra ghal Frar 2006 għalissa.
Jista' il-Ministru jara li jsiru l-investigazzjonijiet neċessarji, riferenti għalihom fit-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 17288, fi Triq Santa Klara u Triq il-Lampara fl-inħawi tal-Magħtab?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret jirriżulta li l-ħajt in kwestjoni u li preċiżament jinstab faċċata ta’ 'Paradise Farm' Triq Santa Klara, ilu jeżisti sa minn bosta snin, kif jirriżulta mis-survey sheets ta l-1967. L-uniku intervent li sar riċentament, probabbilment mill-bidwi li jaħdem l-għalqa, jinvolvi it-tkaħħil tal-fili ta’ l-istess ħajt tas-sejjiegħ b'taħlita ta' siment. Dan ix-xogħol jikkostitwixxi ksur ta' Avviż Legali Numru 160 ta' 1997 - Regolamenti dwar Ħitan ta'Sejjieħ u Strutturi Rurali 1997, u qiegħed jittieħdu passi dwar dan.
Peress li l-FAO hija taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent, jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17581?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta hi membru ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija ta’ l-Ikel u Biedja (FAO) u għalhekk il-FAO ma taqax taħt id-dekasteru tal-Ministeru.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-prezz medju tat-tadam għax-xhur ta' Jannar u Frar separatament? Kemm kien is-sussidju dovut fuq din il-produzzjoni u meta se jitħallas?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra f’Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-prezz medju tal-qarabali u karrotti għax-xhur ta' Jannar u Frar separatament? Kemm kien is-sussidju dovut fuq din il-produzzjoni u meta se jitħallas?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra f’Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-prezz medju ta' l-ispinaċi, lumi, basal u tewm għax-xhur ta' Jannar u Frar separatament? Kemm kien is-sussidju dovut fuq din il-produzzjoni u meta se jitħallas?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra f’Seduta oħra.