Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mina minn Wied il-Għajn għal Delimara

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-iskop tal-mina li qegħda ssir mill-Enemalta minn wied ta' Sant'Anton, Wied il-Għajn għal mal-mina li tagħti għal power station ta' Delimara? Meta nħarġet it-tender għal dan ix-xogħol, minn min intrebħet u kemm hu l-valur tal-kuntratt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Malta Shipyards

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema tip ta' xogħol fil-Malta Shipyards qed jingħata lill-kuntratturi privati?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Malta Shipyards tagħti xogħol ta’ natura okkażjonali lill-kuntratturi privati meta dan it-tip ta’xogħol ikun meħtieg li jsir fil-faċilitajiet tagħha. Eżempji ta’ dan it-tip ta’ xogħol huwa kif gej: - Xogħol li jkun marbut ma’ l-ambjent; Xogħol ta’ manutenzjoni fuq sistemi ta’ Arja Ikkundizzjonata; Xogħol ta’ manutenzjoni fuq tagħmir ta’ tifi tan-nar; Xogħol ta’ manutenzjoni fuq sistemi ta’ CCTV; Xogħol ta’ tisbieh fl-imħazen u uffiċini. Il-Malta Shipyards tagħti ukoll xogħol lill-kuntratturi privati f’ każi fejn ikun meħtieg xogħol specjalizzat fuq ċerti proġetti. Dan it-tip ta’ xogħol specjalizzat, ħafna drabi jkun marbut ma’ xogħol fil-qasam ta’: L-Elettriku, Xogħol fuq sistemi ta’ tifi tan-nar, kif ukoll Xogħol marbut ma’ l-Inġinerija.

Air Malta

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 19675 u 19786 u jispjega kif persuni li jixtiequ jivvjaġġaw lejn pajjiżna minn bliet differenti, per eżempju Pariġi, qed isibuha diffiċli jsibu seat fuq l-Air Malta, anke meta jirriżulta li l-ajruplan itir lejn Malta b'ħafna seats vojta?

Response (GATT, AUSTIN)

Jekk l-Onor. Membru jista jispeċifika d-data tat-titjira/titjiriet tkun tista' ssir l-investigazzjoni neċessarja.

Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma

Question

Jistgħu jittieħdu passi biex il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tirtira l-kont 517817190 lill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, b'ittra datata 17 ta' Ġunju, 2006 fejn intalbet tħallas kont ta' Lm485.27 ta' l-ilma u d-dawl għall-bini li mhux tal-persuna u li qatt ma kienet reġistrata bħala konsumatur fih?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Żabbar — Triq ta' Lanza

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta' estensjoni ta' drenaġġ fi Triq ta' Lanza, Żabbar? Japprezza l-Ministru li meta jgħaddi s-sajf se jkun diffiċli li jsir ix-xogħol minħabba li l-bdiewa jaħdmu r-raba'?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Power Station ta' Delimara

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19823 u jgħid jekk ġielix sar xi studju mill-Enemalta jekk tistax tiġġenera xi ammont ta' enerġija mill-ilma li joħroġ mill-mina li hemm għal ġol-baħar u li jintuża għall-cooling system tal-power station ta' Delimara?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dan it-tip ta' studju ġieli sar. Waqt il-fażi ta' żvilupp ta' Delimara Power Station ġie kkunsidrat il-possibilita' ta' rikuperar tal-enerġija , pero' din ma kienitx vjabbli.

Enemalta — Pembroke Athleta Sports Club

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi bidla fid-deċiżjoni ta' l-Enemalta dwar il-bini ta' substation fil-car park użat minn Pembroke Athleta Sports Club wara l-petizzjoni li saret kontra din id-deċiżjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lil Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 19603. Sal llum il-ġurnata ma saru l- ebda tibdiliet.

Swatar — Ċentru ta' taħriġ

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19514 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi u li issa ġiet riferuta lilek, tista' jekk jogħġbok tgħid jekk iċ-ċentru tat-taħriġ tas-Swatar hux proprjeta' tal-gvern? Tista' tgħid ukoll min hu responsabbli mit-tmexxija tal-post u ċ-ċentru tas-Swatar?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-post huwa tal-Gvern u f'idejn il-MITTS.

Air Malta

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19675 u jispjega kif persuni li jixtiequ jivvjaġġaw lejn pajjiżna minn bliet differenti, per eżempju Pariġi, qed isibuha diffiċli jsibu seat fuq l-Air Malta, anke meta jirriżulta li l-ajruplan itir lejn Malta b'ħafna seats vojta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Power station ta' Delimara

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ġielix sar xi studju mill-Enemalta jekk tistax tiġġenera xi ammont ta' enerġija mill-ilma li joħroġ mill-mina li hemm għal ġol-baħar u li jintuża għall-cooling system tal-power station ta' Delimara?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Kordin Grain Terminal

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 19596, jista' il-Ministru jgħid x'kuntratti ngħataw mill-kumpannija Kordin Grain Terminal f'dawn l-aħħar sentejn separatament lill-kumpanniji Cursor Ltd u Mall Systems, għal kemm-il sena ingħataw dawn il-kuntratti u x'inhu l-ammont involut?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li f'dawn l-aħħar sentejn lil Mall Systems qatt ma ngħatat tender fil-waqt illi Cursor Limited rebħet tender fit-22 ta' Ottubru 2004 għall-ammont ta' Lm108,542.

Marsa Power Station

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19542 u 19649 u jgħid xi pjani hemm biex sa l-1 ta' Jannar, 2008 l-emissjonijiet mill-power station tal-Marsa jinżel għal livelli stabiliti minn regolamenti ambjentali ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-Korporazzjoni Enemalta għadha kemm ippublikat il-'Generation Plan' tagħha għas-snin 2006-2015. L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qiegħda f'dan il-pjan.

Enemalta — Serq ta' Dawl

Question

Jista' il-Ministru jgħid matul din is-sena kemm kien hemm persuni u stabilimenti f'Malta u f'Għawdex li l-Enemalta qabdet li kienu qed jisirqu d-dawl? Kemm hemm minn dawn li l-Enemalta se tieħu passi legali kontra tagħhom? Kemm hemm minnhom li saru interventi minn staff ta' ministeri biex ma jitteħdux passi kontra tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien nfurmat li matul is-sena 2006, 147 każi ġew irrapurtati qabel il-perjodu tar-regularizzazzjoni, waqt li 2417 ġew irrapurtati waqt ir-regularizzazzjoni. L-ebda każ misjub waqt ir-regularizzazzjoni ma hu ser jittressaq il-qorti. Il-każi l-oħra jittresqu biss jekk ma jintlaħaqx ftehim mal-konsumatur. 95 minn dawn il-każi diġa sar ftehim dwarhom. Il-Korporazzjoni m'għanda l-ebda informazzjoni jekk kienx hemm xi każ ta' intervent minn staff ta' Ministeri.

Manikata — Tqegħid ta' katusi

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hu meqjus li se jitlesta x-xogħol ta' tqegħid ta' katusi ġodda fl-inħawi tal-Manikata u f'limiti tal-Mellieħa biex tiġġedded is-sistema tad-drenaġġ imqabbda mal-pompa ta' Għajn Żnuber?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol imsemmi hu mistenni li jitlesta fi żmien sit ġimgħat oħra.

Enemalta — Kont bil-fuel surcharge

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex din il-koppja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li tgħix bil-pensjoni ta' l-invalidita', reġa' intbagħtilha kont bil-fuel surcharge minkejja li riċentement emendat in-numru tal-persuni li kienu għadhom qed jidhru fuq il-kont tagħha f'din id-dar biex dan jirrifletti r-realta' tal-familja tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Għas-Servizzi ta' l-Ilma ma rċeviet l-ebda kommunikazzjoni mingħand is-Sigurta' Soċjali li l-familja msemmija hija ntitolata għall-benefiċċju li rrefera għalih l-Onor. Interpellant. Jekk il-konsumaturi diġa applikaw għal dan il-benefiċċju, għandhom iressqu l-ilment tagħhom lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Ħal Qormi — Pjazza San Franġisk - irwejjaħ ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga l-problema ta' irwejjaħ qawwija ta' drenaġġ li kien hemm f'dawn il-jiem fi Pjazza San Franġisk , Ħal Qormi u jekk din tistax tiġi solvuta minnufih minħabba l-inkonvenjent li qed jinħoloq lir-residenti, b'mod partikolari waqt il-ġimgħa tal-festa ta' San Ġorġ, f'Ħal Qormi?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien nfurmat li it-Taqsima tal-Wastewater Unit fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, iċċekjat is-sistema tad-drenaġġ fi Pjazza San Franġisk u ma nstab xejn irregolari u ma kien hemm l-ebda rwejjaħ ta' drenaġġ.

Żejtun — Bdil ta' kanen ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jinformani jekk hemmx żviluppi fil-problema li qed issib il-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma biex tbiddel kanen ta' l-ilma fiż-Żejtun minħabba li l-kunsill lokali mhux qed jagħti permess lill-imsemmija korporazzjoni biex tagħmel dan ix-xogħol sakemm l-istess korporazzjoni ma tintrabatx li tagħti t-tarmac lit-triq kollha u mhux fuq it-trinka li tkun tħaffret? Billi hemm residenti li qed ibatu l-konsegwenzi minħabba d-deċiżjoni tal-kunsill lokali taż-Żejtun għax m'għandhomx provvista regolari ta' ilma, jista' il-gvern jintervjeni biex ix-xogħol li hemm bżonn isir mill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma jsir?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li għalkemm saru xi laqgħat bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u l-Kunsill taż-Żejtun, kif ukoll mal-kuntratturi konċernati dwar dawn il-proġetti, ma kienx hemm żviluppi sostanzjali s'issa peress li l-Kunsill għadu jsostni l-pożizzjoni tiegħu.

Ħlasijiet Pendenti ta' l-Enemalta

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 16953 u 17270 u jgħid kemm kienet is-somma totali dovuta lill-Enemalta għas-servizz ta' l-elettriku fl-aħħar ta' l-2005 minn familji?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fl-aħħar tas-sena 2005, is-somma dovuta lill-Korporazzjoni Enemalta għas-servizz ta' l-Elettriku fuq accounts domestiċi kienet ta' Lm3.5 miljuni. Dan l-ammont pero' huwa mnaqqas bi ħlasijiet fuq provisional bills.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Xiri/Kiri ta' Proprjeta'

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu, awtoritajiet u kull ente li taqa' taħtu mill-2005 sal-lum xtrawx u/jew krewx u/jew ħadu b'ċens xi proprjeta' mis-settur privat? Jekk fl-affermattiv, meta u b'liema titolu? Ħarġet sejħa għall-offerti? Mingħand min akkwistaw din il-proprjeta'? Għal liema raġuni akkwistaw din il-proprjeta'? Jista' jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt jew tal-ftehim?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.