Legislature:
Category:
Reset
Active:

NISA F’POŻIZZJONI TA’ TEĦID TA’ DEĊIŻJONIJIET

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija numru 7309 u tgħid kemm hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jaħdmu fis-settur pubbliku bħalissa? Kemm kien hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet qabel l-10 ta’ Marzu 2013?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Tribunal tal-Appelli tal-Informazzjoni u Protezzjoni tad-Data — Twaqqif

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija numru 7307 tista’ l-Ministru tgħid meta bi ħsiebha twaqqaf it-Tribunal tal-Appelli tal-Informazzjoni u Protezzjoni tad-Data? Minħabba li dan it-tribunal huwa essenzjali għall-proċess demokratiku f'pajjiżna, tista’ l-Ministru tgħid jekk hux se tagħti xi tip ta' kumpens lil min qed ifittex rimedju għal xi tip ta' inġustizzja u ma jistax jagħmel dan għaliex it-tribunal baqa' ma twaqqafx?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-Tribunal tal-Appelli tal-Informazzjoni u Protezzjoni tad-Data ilu li twaqqaf sa mill-31 ta’ Jannar 2014. Għaldaqstant ma narax li hemm relevanza għat-tieni parti tad-domanda.

MCESD – Aġenda tal-laqgħat

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija numru 7304 tista’ l-Ministru tgħid jekk u meta l-ħolqien tax-xogħol huwiex se jkun fuq l-aġenda tal-MCESD?

Response (DALLI, HELENA)

Filwaqt li l-Onor. Interpellanta f’mistoqsija oħra qed titkellem fuq in-newtralita’ ta’ l-MCESD issa qed tistaqsini x’se jitpoġġa fuq l-aġenda ta’ dan il-Kunsill. Ninformaha li jiena bħala l-Ministru ma nagħżilx x’ikun hemm fuq l-aġenda tal-MCESD. Ninformaha li f’laqgħat li għaddew dan is-suġġett kien diskuss u ma neskludix li jekk tinħass il-ħtieġa mill-membri li jerġa jkun diskuss.

MCESD – post tal-laqgħat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn il-laqgħat tal-MCESD qed isiru fil-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili? Il-Ministru taf li l-imsieħba soċjali jippreferu jiltaqgħu f'post newtrali u mhux taħt il-kappa ta' Ministru?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-iskop li l-laqgħat tal-MCESD qed isiru fil-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, huwa sabiex jinqatgħu l-ispejjeż tal-kiri tas-swali u spejjeż oħra marbutin mal-laqgħat u b’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż għall-MCESD. Meta konna ħriġna b’din l-inizjattiva s-sħab soċjali qablu li din kienet miżura tajba biex jitnaqqas id-defiċit li wiret il-Gvern Laburista fl-MCESD mill-Gvern Nazzjonalista. Dan qed isir mingħajr ma tintmess l-awtonomija tal-Kunsill li jopera bl-aktar mod liberu u ndipendenti.

NGOs – għajnuna finanzjarja mill-MUESAC

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija numru 4782, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-proċess għall-applikazzjoni tal-fondi mill-MUESAC lill-NGOs tlestiex u meta se joħorgu l-pagamenti?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ċ-ċekkijiet lill-NGOs tqassmu fid-19 ta’ Diċembru 2013.

MCCAA – online questionnaire

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għall-Affarijiet tal-Konsumatur u Kompetizzjoni (MCCAA) ħass il-bżonn li llum permezz ta’ ittra indirizzata lill-impjegati tal-MCCAA jinformahom u jitlobhom sabiex jirrispondu għal questionnaire li se jiġi ċċirkolat lilhom online? Tista’ tgħid kif ġiet magħżula d-ditta ta’ konsulenti li se tkun qed tikkonduċi dan is-survey? Tista’ tgħid ukoll kemm se jiġi jiswa dan l-eżerċizzju u jekk din id-ditta hijiex se titħallas mill-MCCAA jew mill-Ministeru kkonċernat?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-raġunijiet għaliex iċ-Chairman ħass il-bżonn li jitlob lill-impjegati tal-MCCAA sabiex jirrispondu questionnaire huma indikati b’mod ċar fl-istess ittra li qed tirreferi għaliha l-Onor Interpellant u li nifhem li għandha kopja tagħha. Id-ditta ta’ konsulenti ġiet magħżula fuq l-esperjenza twila li għandha f’dan il-qasam u l-fatt li matul is-snin mexxiet surveys simili f’entitajiet oħra kemm pubbliċi kif ukoll privati. Dan l-eżerċizzju se jiġi jiswa tlett elef (3,000) ewro mingħajr VAT u se jitħallas mill-MCCAA.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili – ingaġġ ta’ konsulenti

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-konsulenti kollha li ġew ingaġġati fil-Ministeru tagħha u ma’ kull entità u awtorità li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-lum? Tista’ tgħid x’inhu r-rwol ta’ kull konsulent u tgħid kemm tħallsu s’issa?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ksur tad-drittijiet tal-Konsumatur — każ ta' persuna

Question

Tista’ l-Ministru tara li tiġi kkuntattjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li għandha problema ta' ksur tad-drittijiet tal-konsumatur?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-każ għaddejtu lill-MCCAA u li min-naħa tagħhom se jikkuntatjaw lil individwu.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħha bejn Settembru 1998 u Marzu 2013, sena b’sena? Tista’ tgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Tista’ tgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija msemmija ma ngħatat l-ebda xogħolijiet la mill-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili u l-anqas mill-entitajiet li jaqgħu taħtu.

European Consumer Network — Baġit

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kien il-baġit tal-European Consumer Network (ECN) fl-2012, 2013 u 2014 u kemm minn dan il-baġit kienu fondi tal-Unjoni Ewropea u kemm tal-Gvern Malti?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-baġit tal-European Consumer Netwrok (ECN) kien kif ġej: Fondi mill-Ewropa: 2012 Fondi minn qabel (pre-financing) 69,675.25 Ewro + bilanċ 8,952.97 Ewro= Total 78,628.25 Ewro. 2013 Fondi minn qabel 52,500 Ewro u għad irridu nirċievu bilanċ ta' 17,556.37 Ewro. (Dawn nirċievuhom mingħand il-Kummissjoni meta tiġi ffinalizzata l-evalwazzjoni). 2014 Fondi minn qabel 56,970 Ewro (bilanċ jinħadem wara l-evaluazzjoni tar-rapport finali). Fondi mill-Gvern lokali: 2012 – 70,000 Ewro 2013 – 70,000 Ewro 2014 – 70,000 Ewro

European Consumer Network

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min qiegħed imexxi l-European Consumer Network (ECN)preżentament u jekk saritx talba biex jimtela dan il-post wara li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament inħatar Direttur?

Response (DALLI, HELENA)

Naħseb li l-Onor. Interpellant qed tirreferi għall-ECC (European Consumer Centre). Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Kummissjoni Ewropea aċċettat in-nomina ta’ Dr Phyllis Bezzina biex tmexxi dan il-proġett. Ma saret ebda talba biex jimtela dan il-post billi Dr Bezzina ma ħadet l-ebda promozzjoni jew żiediet fis-salarju u baqgħet tirċievi s-salarju ta’ case officer li kellha qabel.

Uffiċċju tal-Konsumatur – Direttur Ġenerali

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra x’passi se jittieħdu mill-Uffiċċju tal-Affarijiet tal-Konsumatur wara li d-Direttur Ġenerali instab li abdika mid-doveri tiegħu u dan skont kif jirriżulta mid-deċiżjoni datata 26 ta’ Frar 2014 tat-Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni fil-kawża li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (DALLI, HELENA)

Jiena nfurmata li l-appell imsemmi mill-Onorevoli Interpellant huwa sub judice peress li skont l-artikolu 110F (1)-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap. 378), id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) fit-12 ta' Marzu, 2014 appella quddiem il-Qorti tal-Appell. Għalhekk id-deċiżjoni tas-26 ta' Frar, 2014 tat-Tribunal tal-Appell tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumatur mhijiex finali.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — impjegati b'kuntratt indefinit

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienu l-impjegati fi ħdan il-Ministeru tagħha li l-kuntratt definit tagħhom sar wieħed indefinit matul Jannar, Frar u Marzu 2013? Tista’, għal kull impjegat tgħid x’kienet id-data ta’ meta l-kuntratt definit tiegħu sar wieħed indefinit? Tista’ tgħid min kien li ffirma kull ittra li biha kull kuntratt definit sar wieħed indefinit? Tista’ tgħid każ b’każ x’kienet il-kariga ta’ kull impjegat? Tista’ tgħid każ b’każ l-istatus li fih l-impjegati kkonċernati ngħataw l-impjieg b’mod indefinit?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fil-misitoqsija parlamentari 8336.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — overtime

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħadem overtime fil-Ministeru tagħha u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha mid-9 ta’ Marzu 2013 sat-28 ta’ Jannar 2014? Tista’ tipprovdi din iċ-ċifra separatament għal kull entità?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw fil-leġislatura li għaddiet għal mistoqisjiet parlamentari 6139, 6140, 6142, 6143, 6144, 6145, 6146 u 6147.

MCCAA – safar uffiċjali

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5530, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il vjaġġ sar minn uffiċjali tal-MCCAA minn Ġunju 2013 sal-lum? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapporti ta’ dawn il-vjaġġi, jekk saru?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li minn Ġunju 2013 sal-aħħar ta’ Frar 2014 saru mija u wieħed u ħamsin (151) vjaġġ. Jekk l-Onor. Interpellant trid tara r-rapporti li saru dwar dawn il-vjaġġi, nista nipprovdihomlha b’mod kunfidenzjali peress li dawn ma jistgħux jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra minħabba n-natura kunfidenzjali tagħhom.

Uffiċċju tal-Kompetizzjoni — uffiċjali professjonisti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew ingaġġati uffiċjali professjonisti ġodda mal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni mid-9 ta' Marzu 2013 sal-lum?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-lum ma ġew ingaġġati ebda professjonisti ġodda mal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni.

Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur — spezzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'liema lokalitajiet saru spezzjonijiet mill-Uffiċċju tal-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur fix-xahar ta' Diċembru 2013 u fix-xahar ta' Jannar 2014 rispettivament biex jiġi żgurat l-esebizzjoni tal-prezzijiet fuq l-oġġetti għall-bejgħ? Tista' tgħid kemm kienu l-ispezzjonijiet li saru f'dawn ix-xhur hawn imsemmija separatament minn xulxin?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li n-numru ta’ spezzjonijiet li saru mill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fix-xhur ta' Diċembru 2013 u Jannar 2014 jammontaw għal elfejn u ħmistax (2,015)-il spezzjoni, fejn seba’ mija u tmenin (780) saru f'Diċembru 2013 u elf mitejn u ħamsa u tletin (1,235) saru f'Jannar 2014. L-ispezzjonijiet saru fi ħwienet fil-belt Valletta, Raħal Ġdid, Birkirkara, Birżebbuġia, Msida, Rabat, Attard, Imdina, Ħamrun, Sliema, Mosta, Dingli, Lija, San Ġiljan, Iklin, Gzira u r-Rabat Għawdex. Ma’ dawn saru wkoll spezzjonijiet fis-swieq tal-Birgu, Luqa, Qormi, Marsaxlokk, Mosta, Zejtun, Raħal Ġdid u l-belt Valletta kif ukoll fil-'Farmers Markets' tal-Birgu u Ta' Qali. Spezzjonijiet oħrajn saru fuq vannijiet li jbiegħu l-ħaxix.

proġett 'Training of Consumer and Competition Officials and Awareness Campaign' — targets

Question

Peress li bħala parti mill-proġett 'Training of Consumer and Competition Officials and Awareness Campaign' li nbeda taħt amministrazzjoni preċedenti u li hu ffinanzjat mill-Fondi Soċjali Ewropew jinvolvi ukoll li numru ta' intrapriżi jingħataw il-Marka 'Trust You', tista' l-Ministru tgħid x'inhuma t-targets għas-snin 2013 - 2014? Tista' tgħid kemm kienu l-intrapriżi li ngħataw il-marka fis-snin 2012 u 2013? Tista' tgħid ukoll x'passi ta' monitoraġġ qed jittieħdu biex jinżammu l-livell rikjesti?

Response (DALLI, HELENA)

Jiena nfurmata li waqt li fis-sena 2012 kien hemm tmien (8) intrapriżi li ġew aċċettati f’din l-iskema, fl-2013 dan tela’ għal 57. It-target għal din is-sena huwa li n-numru ta’ intrapriżi imsieħba f’din l-iskema jkompli jitla’. Il-monitoraġġ jikkonsisti f’ispezzjonijiet biex jigi żgurat li l-intrapriżi qed jibqgħu konformi mal-kodiċi tal-kondotta. L-Uffiċċju isegwi ukoll l-ilmenti li jsiru mal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur biex jiġi stabbilit jekk dawn jikkonċernawx nuqqas ta’ tħaris ta’ dan il-kodiċi min-naħa ta’ dawn l-intrapriżi.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur — membri maħtura

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min hu l-membru maħtur fuq il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur li skont l-Artikolu 4 Sub-Artikolu 3 tal-Kapitolu 378 għandu jiġi appuntat wara konsultazzjoni mal-għaqdiet tal-Konsumatur?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isir il-proċess ta’ konsulatazzjoni mal-Għaqdiet tal-Konsumatur biex jinħatar membru fuq il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur — laqgħat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur saret fis-sena 2011, 2012 u 2013 kif stabbilit skont Artikolu 5(d) tal-Kapitolu 378? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-aħħar laqgħa tal-forum?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l Kunsill għall- affarijiet tal-konsumatur iltaqgħa kif ġej: 11 il-darba fl- 2011 10 darbiet fl- 2012 11 il-darba fl- 2013. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti ta’ l-aħħar laqgħa.