Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema taħt id-dikasteru tiegħu: i) każwali; u ii) bil-kuntratt u għal liema pożizzjonijiet f'kull każ?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm minn dawn ġie mitmum l-impjieg/ingaġġ tagħhom jew għalqilhom it-terminu u ma ġġedditx (inklużi dawk fuq bordijiet governattivi, parastatali jew ta' kull xejra oħra) mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?
Fil-każijiet kollha separatament, jista' l-Ministru jgħid kemm ġie mħallas kumpens fejn applikabbli lil dawk fuq imsemmija li ma baqgħux ingaġġati mill-Gvern preżenti?
Response (MARCO, GUIDO DE)
In-numru ta' impjegati każwali fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin fil-preżent huwa ta' sebgħa. Sitta huma fuq xogħol ta' skrivani filwaqt li waħda hija ħassiela.
Il-Kap tad-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropea huwa impjegat b' kuntratt. Arranġamenti kuntrattwali jeżistu wkoll fil-kaz ta' disgħa Ambaxxaturi u żewġ Konslijiet Maltin.
Dawn l-individwi għadhom kollha fil-kariga, għalkemm l-offerta li għamlu uħud minn dawk li qedgħin bil-kuntratt li jirrżenjaw mill-post, kif tenuti li jaghmlu wara l-bidla fl-Amministrazzjoni, qiedgħa tiġi kkunsidrata.
Sadattant, mill-5 ta' Settembru 1998 ' il hawn, kellna kaz wieħed ta' Ambaxxatur (li mhux inkluż fil-figura mogħtija qabel) li volontarjament spiċċa mill-kariga tiegħu meta ntemmlu t-terminu fl-aħħar ta' Ottubru 1998. Ġiet aċċettata wkoll ir-riżenja ta' persuna li kienet impjegata bil-kuntratt bħala Sewwwieq Personali/Uffiċjal tas-Sigurta' mal-Ministru preċedenti, li spiċċa mill-impieg tiegħu b' seħħ mill-10 ta Settembru 1998. Fil-kaz ta' dan l-individwu, tħallsu l-benefiċċji kollha dovuti lill-persuna konċernata, skond il-provvedimenti tal-kuntratt li kien iffirma mal-Ministeru u skond kif jipporvdu l-liġijiet industrijali ta' pajjiżna.
Peress li fil-ġurnal "Il-Ġens" tat-3 ta' Settembru, 1998 l-editur ikkwota esperti anonimi li "Hekk kif Malta tneħħi mill-friża l-applikazzjoni tagħha, l-għajnuna li tirċievi mill-Unjoni Ewropea tirdoppja u flok il-Lm5 miljun għall-ħames snin li qed tieħu bħalissa, tibda tieħu mat-Lm12 miljun għal ħames snin". Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm l-Unjoni Ewropa se tagħti flus lil Malta fl-1999, 2000, 2001, 2002 u 2003 issa li l-applikazzjoni tneħħiet mill-friża?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Nirriferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 1008.
European Convention against the Abduction of Minors
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta huwa mistenni li l-Gvern Malti jirratifika The European Convention against the Abduction of Minors?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li skond risposta mogħtija għall-mistoqsija simili, u li ġġib d-data tal-25 ta' Mejju 1998, diġa jeżisti abbozz għall-liġi Nru. 170 ta' l-1996. Qed isiru aktar konsultazzjonijiet sabiex dan l-abbozz ikun skedat fil-programm ta' liġijiet li jridu jiġu kkunsidrati u diskussi f'dan il-Parlament.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema taħt id-dikasteru tiegħu li mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'il hawn ġew trasferiti: i) minn dipartiment għal ieħor fl-istess Ministeru; ii) minn dipartimenti f'Ministeru għal xi post ieħor li jaqgħu taħt Ministeri oħrajn? Jista', f'kull każ, il-Viċi Prim Ministru jgħid minn fejn għal fejn saru dawn it-trasferimenti u għal liema raġunijiet?
Response (MARCO, GUIDO DE)
L-informazzjoni qegħda tinġabar u tingħata risposta f' seduta oħra.
Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Postings ta' impjegati
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 754, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min huma dawn l-uffiċjali li ngħataw posting u f'liema missjonijiet Maltin barra minn Malta nħatru?
Dawn żdiedu ma'l-istaff li kien hemm jew ġew replaced lil ħaddieħor? F'dan il-każ, min ġie msejjaħ lura Malta?
Response (MARCO, GUIDO DE)
L-uffiċċjali li qed jintbagħtu jservu f' ambaxxati Maltin barra minn Malta huma:
1. Is-Sur Bernard Cachia Riyadh
2. Is-Sur John Gatt Rutter Il-Kajr
3. Is-Sur Cajetan Schembri Brussell
4. Is-Sinjorina Michelle Micallef Brussell
L-uffiċċjali msemmija kollha bidlu uffiċċjali li jew temmew jew se jtemmu t-terminu tal-'posting' tagħhom.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa stmat li Malta se ddaħħal fi pre-accession funds mingħand l-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Minħabba li għadha qed tiġi diskussa t-talba ta' Malta għar-rijattivazzjoni ta' l-applikazzjoni għal sħubija fl-Unjoni Ewropea, li twassal biex Malta terġa tinserixxi ruħha fil-proċess tat-tkabbir, il-forma u l-ammont ta' għajnuna li Malta tista' tieħu mill-Unjoni għad trid tiġi diskussa wara li jibdew it-taħdidiet.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma rapporti li mhux se jinħatru political appointees fl-ambaxxati tagħna barra minn Malta meta jsiru ċerti tibdiliet ippjanati?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Jiena ma nafx għal liema rapporti qiegħed jirriferi l-Onor. Interpellant. Pero li għidt jiena f' ċerti okkazzjonijiet hu li nippreferi li il-'postings' barra jimtlew minn uffiċjali professjonali u mhux minn 'political appointees'. Għidt ukoll illi sfortunatament il-korp diplomatiku għadda minn fażijiet diffiċli li waqthom ma tkompliex il-proċess tar-reklutaġġ u ta' speċjalizzazzjoni. Ir-riżultat ta' dan hu illi illum għandna nuqqas serju ħafna fil-livell ta' 'senior officers'. Għalhekk għall-prezent u sa kemm titjieb din is-sitwazzjoni m'hemmx alternattiva oħra milli nikkonsidraw li ninnominaw numru ta''political appointees' f'certi gradi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti kkalkolax kemm se jammonta approssimattivament il-kontribut ta' Malta għall-Unjoni Ewropea?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Għadu kmieni wisq, f'dan l-istadju, biex wiehed jikkalkola l-kontribut ta' Malta bħala membru. Dan minħabba li wieħed irid jara kemm se jkun hemm membri ġodda filwaqt tas-sħubija ta' Malta u x'sejrin ikunu l-kriterji ta' kif jiġi kkalkulat il-kontribut ta' kull pajjiż f'dak il-mument
Peress li huwa mifhum li l-Gvern Malti bagħat xi rapport dettaljat lill-Kummissjoni Ewropea dwar ir-rijattivazzjoni ta' l-applikazzjoni ta' Malta, jista' l-Viċi Prim Ministru jindika: a) x'inhuma l-kriterji li l-Gvern Malti poġġa quddiem bħala essenzjali għar-ristrutturazzjoni ta' l-ekonomija Maltija; b) x'inhuma l-kondizzjonijiet li l-Gvern Malti għamel dwar is-Settur Pubbliku; c) x'kienet il-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar is-sussidju li l-Gvern jagħti lid-Drydocks u lil korporazzjonijiet oħra; d) x'kienet il-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar il-monopolju mogħti lil Maltacom qabel ma ġiet parzjalment privatizzata; u e) jekk il-Gvern Malti ndikax x'jistgħu jkunu d-derogi mitluba mill-Gvern Malti fl-interess nazzjonali?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru ma bagħat l-ebda rapporti lil-Kumissjoni Ewropea.
Peress li l-Gvern Nazzjonalista ilu ħafna jsostni u jisħaq dwar l-għajnuna finanzjarja li Malta tirċievi mill-Unjoni Ewropea, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid: (i) kemm tkun l-għajnuna finanzjarja għas-settur agrikolu u qasam tas-sajd taħt ir-regoli preżenti tal-Common Agricultural Policy; (ii) kemm tista' tkun l-assistenza finanzjarja lill-industrija Maltija in ġenerali; (iii) x'għajnuna jistgħu jirċievu t-tarznari Maltin; (iv) liema huma l-oqsma l-oħra ta' l-ekonomija Maltija u tal-ħajja soċjali li jikkwalifikaw għal xi għajnuna finanzjarja u kemm tkun tammonta din l-għajnuna?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Għalkemm huwa fatt illi l-Unjoni Ewropea tipprovdi għajnuna finanzjarja sostanzjali lill-membri tagħha f'diversi oqsma permezz tal-fondi strutturali u 'cohesion funds', l-għajnuna f'kull settur tingħata abbażi ta' proġetti li jiġu sottomessi mill-pajjiżi membri għal dan il-għan. Għalhekk mhux possibbli li wiehed jagħti informazzjoni dettaljata dwar tali għajnuna li Malta tkun tista' tirċievi meta ssir membru ta' l-Unjoni. Li jistgħa jingħad b'ċertezza huwa li l-iskop ta' dawn il-fondi huwa jsit titjib ġenerali fis-setturi konċernati b' mod li jiġu avviċinati il-livelli ekonomiċi u soċjali medji fl-Unjoni Ewropea. Dawn il-fondi jinkludu għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta' diversi ażjendi sabiex tiżdied il-vijabbilita' tagħhom bil-għan li jsiru aktar kompetittivi.
Peress li l-Unjoni Ewropea qed topponi bi sħiħ għat-twaqqif u eżistenza ta' hekk msejjha "low tax zones" fl-Unjoni Ewropea, jista' l-Viċi Prim Ministru jindika x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti vis-a-vis r-raġuni fiskali preżenti li joffru tax credits sostanzjali lill-kumpaniji barranin u offshore li joperaw minn Malta?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex beħsiebu li jżomm u jsaħħaħ dan ir-reġim fiskali jew inkella hux dispost li jillimita kemm-il darba jiġi mġiegħel jagħmel dan mill-Unjoni Ewropea?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Il-konformita' tar-reġim fiskali f'Malta mal-linji ta' gwida li għadhom kif tfasslu mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-materja imsemmija mill-Onorevoli Interpellant għad trid tiġi evalwata mill-Gvern. Kull tibdil li jirriżulta li jkun megħtieġ fir-reġim fiskalifż Malta biex dan jiġi armoniżżat fuq medda ta' żmien adegwat mal-obbligi tal-Unjoni Ewropea jiġi ttrattat fil-qafas tad-diskussjonijiet għas-sħubija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kwestjonarju mibgħut lilu mill-Unjoni Ewropea kif ukoll ir-risposta tal-Gvern Malti?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Kopja tal-kwestjonarju jitqiegħed meta jkun il-waqt.
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk tħejjewx diġa' jew jekk hux qed jitħejjew xi studji dwar kif sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea tolqot lil pajjiżna?
Jekk saru jew qed isiru xi studji, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma u f'każ li għadhom qed jitħejjew, meta se jkunu lesti?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru qiegħed jipprepara abbozz ta' liġijiet Ewropej dwar il-31 Kapitlu li jittrattaw dwar is-sħubija kif ukoll il-posizzjoni ta' Malta fuq kull wieħed minn dawn il-Kapitli llum. Dan l-eserċizzju hu meħtieġ ġaladarba Malta tibda l-'iscreening process' bi tħejjija għan-negozzjati.
Fuq kull wieħed minn dawn il-Kapitli irid isir studju dwar kif jolqot lil-Malta. S' issa saru numru konsiderevoli ta' rapporti fuq xi materja jew oħra li tittratta dwar l-Ewropa u li għadhom validi fil-parti kbira tagħhom.
Naċċerta lill-Onorevoli Interpellant li l-gvern għandu il-ħsieb li jinkludi kemm hu possibli mill-organizzazzjonijiet u korpi kostitwiti li għandhom interess f' xi materja relatata ma' l-Ewropa biex tiġi fformulata posizzjoni għan-negozzjati mal-Kummissjoni. Dawn ir-rapporti jitqassmu fiż-żmien opportun.
Unjoni Ewropea — Tneħħija tas-sistema tad-duty free
Question
Jista' l-Ministru jispjega l-effetti fuq pajjiżna tad-deċiżjoni ta' l-Unjoni Ewropea li tneħħi s-sistema tad-duty free fil-pajjiżi membri tagħha?
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-gvern Malti hux lest li jimxi ma' din id-direttiva?
Response (MARCO, GUIDO DE)
B' riferenza għall-ewwel parti tad-domanda, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea dwar id-'duty free' li hu għamel riferenza għaliha, mhux mistennija li jkolla ebda effett eżistenti għall-vjaġġaturi bejn l-Unjoni u Malta.
Dwar it-tieni parti tad-domanda, ngħid li l-Gvern Malti m' għandu ebda obbligu li jimxi ma din id-deċiżjoni.
B'riferenza għall-perjodu 10 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Ottubru, 1998 u għad-dikasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' ġarr ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: 1) min kienu l-persuni li għamlu l-award; 2) lil min intalbu quotations; 3) kemm kienet kull quota; 4) min rebaħ il-kuntratt; 5) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv: 6) fiex kienu jikkonsistu; u 7) kemm kien il-valur totali tagħhom?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Ma ngħatat ebda ordni għall-ġarr ta' għamara ta' uffiċini fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin għall-perjodu indikat mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema bordijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilitajiet tiegħu ġew rikostitwiti jew imġedda mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'il hawn? In kwantu għal dawk rikostitwiti, jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti lista tal-persuni u għal kull persuna jgħid x'inhuma l-karigi tagħhom li kellhom fuq dawn il-bordijiet, minn meta ilhom maħtura fuq dawn il-bordijiet u r-raġuniiet għat-tneħħija tagħhom?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Is-sitwazzjoni fir-rigward tal-Bord ta' Kunsilliera fil-'Voice of the Mediterranean', li jaqa' taħt ir-responsabbilta', għadha l-istess kif kienet qabel Settembru 1998.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inħatru diretturi fid-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?
Min huma?
Xi kwalifiki għandhom?
Fuq liema kriterji ngħataw il-ħatra?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Mill-5 ta' Settembru 'l hawn, ma nħatar l-ebda direttur fid-dikasteru tieghi.
Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Postings ta' impjegati
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti lista tal-postings kollha li saru fil-Ministeru tiegħu mill-elezzjoni 'il hawn? F'kull każ, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu l-grad ta' kull persuna nvoluta, kemm ilha fl-impjieg, qattx kien jew kienet posted barra qabel u fil-każ li kien jew kienet, fejn kien il-posting u f'liema snin?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Mill-Elezzjoni ta' Settembru 1998 'il hawn, erbgħa uffiċċjali tal-Ministeru qed jintbagħtu f' Missjonijiet Maltin barra minn Malta fil-livell ta' 'First Secretary'. Ħadd minnhom ma qatt serva barra. Wieħed mill-uffiċċjali daħal fis-Servizz Dipolmatiku f' Lulju 1995, filwaqt li t-tlieta l-oħra kienu ingaġġati f' dan l-istess servizz f' Settembru 1996.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument ta' 20 faċċata li qal li bagħat lill-Commission ta' l-European Union li fih spjega ta' x'beħsiebu jagħmel il-Gvern dwar tassazzjoni u suġġetti oħra f'pajjiżna bi preparazzjoni għal diskussjonijiet dwar sħubija?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Dak li qiegħed jallega l-Onorevoli Interpellant mhuwiex korrett.