B'riferenza għall-memo maħruġa mill-MTA fis-7 ta' Jannar 2002 iffirmata minn Anthony Portelli b'sejħa interna speċifikament għall-ħaddiema tal-MTA u l-entitajiet li hi responsabbli minnhom għal senior executive mal-enforcement section tal-istess MTA, jista' l-Ministru jispjega kif dawn il-vaganzi ġew mimlija minn ħaddiema mid-dipartiment tas-sanita' meta dawn ma kienux ħaddiema mid-dipartiment tat-turiżmu jew mill-MTA? Jista' jgħid min huma dawn il-ħaddiema li ġew ingaġġati f'dan l-impjieg u xi kwalifiki konnessi mat-turiżmu għandhom? Jista' jgħid min fil-ministeru tat-turiżmu jew f'xi wieħed mid-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ħa din id-deċiżjoni u fuq liema bażi?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li l-ebda ħaddiem mid-Dipartiment tas-Sanita’ ma’ ġie ngaġġat u lanqas seta’ jiġi ngaġġat mill-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu b’konsegwenza tal-Memo intern li jġib id-data tas-7 ta’ Jannar 2002. Ħadd ma ntagħżel wara din is-sejħa nterna. Mill-ħamsa li ġew reklutati tnejn intgħażlu minn fost dawk mibgħuta għall-interview mill-ETC u ħamsa oħra wara li saret sejħa pubblika (ETC Permit 89/2002) permezz ta’ avviżi fil-ġurnali. Il-kwalifiki neċessarji huma dawk pubblikati fl-avviżi msemmija.
Infurmat li kull min intagħżel għandu l-kwalifiki meħtieġa kif ukoll l-esperjenza mitluba.
L-intervisti saru minn Bord ta’ tlieta minn nies li jokkupaw kariga għolja fl-Awtorita’. Wara li l-Bord għamel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dawn ġew aċċettati u approvati miċ-Chief Executive tal-MTA.
Il-persuni magħżula huma E. Agius, D. Bonello, A. Cutajar, C. Cini Vella, I. Cilia, V. Micallef u M. Zerafa.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li numru sostanzjali ta' beach cleaners ingħataw transfer minn mad-dipartiment għal mad-dipartiment tas-saħħa? Jista' jgħid jekk biex isiru dawn it-transfers kienx jenħtieġ l-aprovazzjoni tat-transfers? Jista' l-Ministru jgħid min fil-ministeru tat-turiżmu jew f'xi wieħed mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ħa din id-deċiżjoni u fuq liema bażi?
Response (REFALO, MICHAEL)
Niforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid min qed jagħmel ix-xogħol fix-xtajtiet li kienu jagħmlu l-ħaddiema li ġew trasferiti mid-dipartiment tal-beach cleaners? Jista' jgħid kemm qed jiswa finanzjarjament fuq bażi annwali x-xogħol li qed issir u jekk inħarġietx sejħa pubblika biex jintgħażel min qed jagħmel dan ix-xogħol? Jista' jgħid x'inhuma l-kundizzjonijiet li ngħataw lil min qed jagħmel ix-xogħol fosthom il-perjodu fis-sena li dan irid jagħmel ix-xogħol u kemm ġranet huwa marbut li jagħmel l-istess xogħol? Jista' jgħid min fil-ministeru tat-turiżmu jew f'xi wieħed mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ħa din id-deċiżjoni u fuq liema bażi?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li wara li l-ħaddiema li qabel kienu “impressed” ġew reklutati fit-taqsima tal-Beach Cleaning in-numru ta’ ħaddiema qabeż dak meħtieġ. Infurmat ukoll li x-xogħol li kienu jagħmlu l-ħaddiema li ġew trasferiti mill-Beach Cleaning Section qed isir mill-ħaddiema l-oħra li hemm fl-istess sezzjoni. Ix-xogħol tat-tindif tax-xtut isir minn ħaddiema tal-Gvern li jirċievu salarju skond il-grad tagħhom.
Nitlob lill-Onor. Membru jiċċara l-kumplament tal-Mistoqsija tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid għalkemm ninsabu eżentati bħalissa, il-gvern studja l-impatt li sħubija sħiħa fl-UE iġġib magħha minħabba l-fatt li malli nissieħbu it-tour operators jkollhom jibdew japplikaw it-tour operators margin scheme, xi 5-17% VAT fuq il-margin tal-btajjel tagħhom għall-Malta? Ma taħsibx li dan ser jolqot f'mod negattiv il-kompetittivita' tagħna?
Response (REFALO, MICHAEL)
Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid f'din l-aħħar sena kemm kienu jammontaw in-numru ta' ikliet, (snacks, lunches, dinner, etc.) inkluż ix-xorb li ingħataw fuq bażi complimentery f'Pembroke restaurant tal-ITS? Jista' jgħid f'kull okkażjoni min kienu l-persuni li kielu b'complimentary f' dan ir-restaurant u kemm mistiedna kellhom magħhom? Jista' jgħid minn dawn kemm kienu ħaddiema, konsulenti, chairmen, jew diretturi fil-ministeru, dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mil beach cleaners ingħataw transfer? Fejn intbagħtu? Minn fejn huma? Min qed jagħmel ix-xogħol li kienu jagħmlu huma?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li l-għadd ta’ transfers li ngħataw fis-Sezzjoni tal-Beach Cleaning mill-1 ta’ Jannar 2002, kien ta’ sitta u tletin (36).
Dawn il-ħaddiema ntbagħtu kif ġej:
Numru ta’ ħaddiema Post
5 Qrati tal-Ġustizzja
1 Reġistru ta’ l-Artijiet
30 Dipartiment tas-Saħħa
Dawn il-ħaddiema joqogħdu f’diversi postijiet madwar Malta li huma:
Attard, Swieqi, Bormla, Pieta’, Valletta, Marsa, Birgu, Zurrieq, Furjana, Raħal il-Ġdid, Msida, Sliema, Rabat, Naxxar, Fgura u Żabbar.
Ix-xogħol fuq ix-xtut qiegħed isir mill-ħaddiema l-oħra li hemm fis-sezzjoni.
Jista' l-Ministru jikkonferma li hemm gaffa waħda biss sabiex tneħħi l-alka tal-baħar tal-bajiet ta' Baħar iċ-Ċagħaq, Għadira, Għarmier, Marfa, Golden Bay, Riviera Martinique u l-Ġnejna? Jekk iva, jista' jara li jiżdiedu n-numru ta' gaffef ħalli jsir it-tindif ta' l-alka b'mod aktar effiċjenti peress uħud mill-bajjiet, fosthom Golden Bay, tinsab mimlija alka?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li d-Dipartiment tat-Turiżmu fil-preżent, kif dejjem sar fl-imgħoddi, għandhom gaffa waħda biex ineħħi l-alka mill-inħawi ndikati mill-Onor. Interpellant. L-alka titneħħa wkoll mill-ħaddiema tad-Dipartiment.
Mis-sena li għaddiet id-Dipartiment għall-ewwel darba kera żewġ compactors biex ikun jista’ jlaħħaq aħjar max-xogħol.
Jiġri li meta r-riħ jaqbel tinġema’ alka fil-bajjiet tat-Tramuntana ta’ Malta. F’dawn il-każi jiġu dettaljati aktar nies għat-tindif.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-latrina li hemma fil-bajja ta' Għajn Tuffieħa, Golden Bay, twaqqgħet f'April u issa li bdejna Ġunju għadha ma nbnietx? Jista' jara li tinbena immedjatament u fil-frattemp jiżdiedu aktar mobile toilets? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Membru jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli.
Jista' l-Ministru jgħid meta fil-fatt se tkun lesta l-latrina li se tinbena fil-bajja ta' Goden Bay? X'kienu r-raġunijiet li dan ix-xogħol ma sarx bejn Novembru u Marzu imma se jsir f'Ġunju u cioe, fl-istaġun tas-sajf?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Membru jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 31505 u cioe, jista' jgħid kemm fil-fatt kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus għal rapporti /studji dwar l-operat tat-temexxija tal-gvern u dwar l-impatt ta' sħubija ta' Malta fl-UE li saru mill-ministeru u jew id-dipartiment u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru matul l-1999, 2000 u 2001?
Liema kienu dawn ir-rapporti separatament u kemm minnhom tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (REFALO, MICHAEL)
Matul is-sena 2001 tħejja rapport mill-Consortium ECODES taħt ir-ras “Assessment of the Adoption of the Acquis Communautaire on the Tourism in Malta” li sewa 130,000 Euro. Għandi l-pjaċir ngħid li n-nefqa tħallset kollha mill-Kummissjoni Ewropea.
Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ dik il-parti tal-Mistoqsija li titkellem dwar “rapporti / studji dwar l-operat tat-tmexxija tal-Gvern” nirreferi lill-Onor Membru għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija 33476.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-Environment Impact Assessment/Statement saru minn Settembru ta' l-1998 sal-lum, fuq talba tal-ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu? Minn min saru u kemm swew?
Response (REFALO, MICHAEL)
Mill-informazzjoni li waslitli s’issa ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru kellu ħtieġa li jsir EIS dwar il-proġett tat-tiġdid tar-ramla tal-Bajja ta’ San Ġorġ. L-istudju li sewa Lm20,000 sar mill-ICOD li rebħu t-tender relattiv.
Jista' l-Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari 34220 u jgħid x'intlaħaq mill-miri ta' l-ewwel pjan strateġiku ta' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu, inkluż it-3% żieda fir-rata ta' turisti li kellhom jaslu f'pajjiżna fil-medda ta' snin li għalihom jgħodd l-ewwel pjan strateġiku?
Response (REFALO, MICHAEL)
Peress li għad m’inhix f’qagħda nwieġeb għall-Mistoqsija li għaliha qed jirreferi l-Onor. Interpellant, m’għandix x’inżid mat-tweġiba li diġa’ tajt.
B'riferenza għall-mistoqsija 34137, jista' l-Ministru jgħid x'ħidma wettqu l-persuni msemmija bħala konsulenti ma' l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, dwar il-prodott turistiku u dwar l-UE rispettivament?
Response (REFALO, MICHAEL)
Dwar is-Sur George Micallef u s-Sur Lino Borg, nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajtu fis-Seduta 182 għall-Mistoqsija tiegħu numru 11162.
Is-Sur Jean Micallef Grimaud hu konsulent mal-Ministeru dwar l-Unjoni Ewropeja f’suġġetti li jirrigwardjaw it-Turiżmu.
Id-dmirijiet ta’ dan il-konsulent huma:
Jirriċerka dwar dak kollu li jista’ jolqot it-Turiżmu, fl-Unjoni Ewropeja;
Jagħmel rapport kull xahar dwar din ir-riċerka kif ukoll jispjega kull ma jirriżulta minn din ir-riċerka;
Għandu l-obbligu li jattendi laqgħat dwar l-Unjoni Ewropeja iktar u iktar meta dawn ikunu jirrigwardjaw it-Turiżmu direttament jew indirettament.
Jista' l-Ministru jgħid x'intlaħaq mill-miri tal-ewwel pjan strateġiku tal-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu, inkluż it-3% żieda fir-rata ta' turisti li kellhom jaslu f'pajjiżna fil-medda ta' snin li għalihom jgħodd l-ewwel pjan strateġiku?
Response (REFALO, MICHAEL)
Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fil-ministeru li ġew maħtura bħala konsulenti? Min huma dawn il-persuni u x'inhu x-xogħol tagħhom? Jista' jgħid xi ħlas u x'benefiċċji oħra ġew maqbula ma' dawn il-persuni?
Response (REFALO, MICHAEL)
Fil-Ministeru tat-Turiżmu hemm tlett persuni maħtura bħala konsulenti.
Is-Sur Lino Borg li huwa konsulent ma’ l-Istitut għall-Istudji Turistiċi u għandu salarju ta’ Lm6,328 fis-sena.
Is-Sur George Micallef li huwa konsulent dwar il-Prodott Turistiku u għandu salarju ta’ Lm7,383 fis-sena.
Is-Sur Jean Micallef Grimaud huwa konsulent dwar l-Unjoni Ewropeja u jitħallas Lm2,000 fis-sena.
Jista' l-Ministru jgħid jekk din is-sena s'issa kienx hemm studenti barranin li lmentaw minħabba l-akkomodazzjoni mhux ta' livell, minħabba ikel fqir jew minħabba affarijiet oħra fil-familji li kienu qed joqogħdu magħhom? Jekk l-ilment isir fl-iskejjel fejn jitgħallmu, dawn obbligati li jirrapportaw lid-dipartiment konċernat?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li la l-Ministeru u lanqas l-
MTA
ma rċevew ilmenti fis-sens indikat mill-Onor. Interpellant.
Infakkar li skond ir-regolamenti li ġew fis-seħħ fil-31 ta’ Mejju 2002 anke persuni nkarigati mill-iskejjel għandhom dritt li jispezzjonaw djar li jakkomodaw l-istudenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet s'issa din is-sena minn uffiċjali tad-dipartiment fid-djar ta' familji li qed jospitaw studenti barranin waqt li dawn ikunu qed joqogħdu hemm? Dawn isiru għal għarrieda? Instabu xi difetti? Jekk iva, x'passi ttieħdu?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li matul din is-sena ġew investigati żewġ ilmenti dwar familji li jospitaw studenti barranin. Dawn l-ispezzjonijiet saru għal għarrieda u kienu jirrigwardaw rapporti fejn ġie allegat li familja ospitat aktar minn erba’ studenti f’ħin wieħed.
Meta saru dawn l-ispezzjonijiet irriżulta li fiż-żewġ każi kienu qed jiġu ospitati tlett studenti f’kull każ.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-rakkomandazzjonijiet ta' l-awtorita' Maltija tat-turiżmu dwar l-applikazzjonijiet PA 6059/00 u PA 3161/01? Jista' jgħid kif l-awtorita' waslet għal dawn ir-rakkomandazzjonijiet?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li n-numru ta’ riferenza ta’ l-applikazzjonijiet ikkwotati mill-Onor. Interpellant huma dawk ta’ l-Awtorita’ tal-Ippjanar. Għaldaqstant m’inhix f’pożizzjoni li niġbor l-informazzjoni mitluba mingħand l-Awtorita’ tat-Turiżmu. Jekk l-Onor. Interpellant jagħtini r-riferenzi relattivi għat-talbiet lill-
MTA
nkun nista’ nwieġbu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm familji li huma reġistrati biex jakkomodaw studenti barranin? Kemm fil-fatt kienu applikaw din is-sena iżda kien hemm xi wħud li ġew reġistrati?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li s-sena li għaddiet kien hemm 1031 familji reġistrati mal-Ministeru tat-Turiżmu biex jakkomodaw magħhom barranin, inkluż studenti.
Din is-sena, s’issa hemm 301 applikazzjonijiet li ġew reġistrati. Applikazzjonijiet qed jidħlu kuljum u nfurmat li n-numru totali mistenni jilħaq dak tas-sena li għaddiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu s-sigħat ta' overtime li saru matul is-sena li għaddiet mill-ħaddiema tekniċi, eċċ fid-dipartiment li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tad-dekasteru?
Kemm minn dawn is-sigħat tħallsu u kemm għad iridu jitħallsu?
Kemm kien in-numru ta' ħaddiema li ħadmu l-overtime u f'liema dipartiment sar dan l-overtime?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-għadd ta’ siegħat ta’ overtime li sar matul is-sena li għaddiet mill-ħaddiema tekniċi fid-dipartiment kien ta’ 232 siegħa.
Dawn is-siegħat tħallsu kollha.
L-għadd ta’ ħaddiema li ħadmu dan l-overtime kien erbgħa u dan sar fit-taqsima tal-beach cleaning fid-dipartiment tat-Turiżmu.