Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #1339 Sitting 28 2003-07-21 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Malta Arbitration Centre — Staff

Question

Jista’ l-Onorevoli Ministru jgħid kemm hemm staff full time li jaħdmu mal-Malta Arbitration Centre, min huma u x’karigi għandhom?

Response (BORG, TONIO)

Iċ-Ċentru Malti ta` l-Arbitraġġ għandu biss żewġ impjegati full-time. Dawn huma s-Sur Godfrey de Marco, Reġistratur, u s-sinjura Rita Zammit, Segretarja.
Leg 10 PQ #1340 Sitting 28 2003-07-21 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Malta Arbitration Centre — Telf ta' flus

Question

Jista’ l-Onorevoli Ministru jikkonferma li l-Malta Arbitration Centre qed imexxi b’deficit u kemm huwa dan id-defiċit? Jista’ il-Ministru jgħid ukoll kemm tilef flus, sena sena, matul l-aħħar ħames snin dan iċ-ċentru.

Response (BORG, TONIO)

Huwa minnu skond ma jien infurmat li f`din is-sena d-deficit jammonta għal sittin elf lira (Lm60,000).
Leg 10 PQ #1341 Sitting 28 2003-07-21 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Malta Arbitration Centre — Executive Officer

Question

Jista’ l-Onorevoli Ministru jgħid min huwa l-Executive Offficer / Reġistratur li jmexxi l-Malta Arbitration Centre u x’inhuma l-kundizzjonijet tax-xogħol tiegħu u meta ġie nominat?

Response (BORG, TONIO)

Ir-Reġistratur taċ-Ċentru Malti ta` l-Arbitraġġ huwa s-Sur Godfrey de Marco. Għandu salarju totali ta` Lm8,810 fis-sena u naturalment igawdi il-benefiċċju normali skond il-liġi ta` "vacation" u "sick leave". Huwa inħatar mill-Bord taċ-Ċentru fl-1 ta` Lulju 1999.
Leg 10 PQ #1342 Sitting 28 2003-07-21 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Malta Arbitration Centre — Każi riferuti

Question

Jista’ l-Onorevoli Ministru jagħti dettalji, sena b’sena, dwar kemm il-każ gie riferut lill-Malta Arbitration Centre? Min kienu l-arbitri li ddeċidew dawn il-kawżi u kemm fil-fatt ġew deċiżi każi ta’ arbitraġġ?

Response (BORG, TONIO)

Il-każi li ġew riferuti liċ-Ċentru Malti ta` l-Arbitraġġ sa l-14 ta` Lulju ta` din is-sena kienu hekk: 2000 - 2 każi 2001 - 5 każi 2002 - 17-il każ 2003 - 17-il każ Minn dawn s`issa ġew deċiżi 16-il każ u f`żewġ każi oħra ġew imwaqqfa l-proċessi mill-partijiet stante transazzjoni. Rigward it-tieni parti tad-domanda jidhirli li l-ismijiet tagħhom ma għandhomx jiġu imxandra.
Leg 10 PQ #1343 Sitting 28 2003-07-21 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Malta Arbitration Centre — Persuni speċjalizzati

Question

Jista’ l-Onorevoli Ministru jikkonferma li l-unika persuna speċjalizzata fl-arbitraġġ u medjazzjoni u li kienet taħdem bħala konsulent mal-Malta Arbitration Centre, isimha qed nibgħatu separatament, kellha l-impieg tagħha terminat? Jista’ l-Onorevoli Ministru jgħid meta l-impieg tagħha ġie terminat u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-persuna indikata mill-Onor. Interpellant kellha kuntratt definitiv mill-10 ta` Settembru 2001 sat-30 ta` April 2003. Għalhekk ai termini ta` l-istess kif għadda ż-żmien miftiehem hija ma baqgħetx impjegata.

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin

Question

Jista' il-Minstru jgħid kemm il-persuna hemm residenti fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? F'liema lokalita' iddikjaraw li huma kienu residenti qabel? Kemm hemm nisa u kemm hemm irġiel?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fid-19 ta` Lulju 2003 in-numru ta` persuni li kienu qed jinżammu fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin kien ta` 275. Minn dawn 265 huma rġiel u 10 huma nisa. Il-lokalita` dikjarata meta ġew irreġistrati hija kif turi t-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #1370 Sitting 28 2003-07-21 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Qrati tal-Ġustizzja — Installazzjoni ta' airconditions

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux ser tiġi nstallata sistema ta' airconditioning ġdida fl-Awli kollha tal-Qrati tal-Ġustizzja? Jekk iva, jista' il-Ministru jgħid meta sejra ssir l-installazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Kif inhuwa magħruf is-sistema preżenti ilha sservi u hemm bżonn li ssir bidla tagħha. Fis-snin li għaddew ġew installati numru ta` split units jew fejn is-sistema ma kienetx taħdem iktar jew fejn il-kmamar nbidlilhom ix-xogħol li kien isir fihom. Preżentement hemm numru li jridu jsiru matul ix-xahar ta` Awissu meta l-installazzjoni jkun jista` jsir mingħajr diffikulta`. Hemm ukoll il-pjan sabiex sistema ċentralizzata ġdida tidħol bħala parti mill-Business Plan għas-snin 2004-2006 u dan biex il-bidla ssir f`fażijiet li joħolqu l-inqas inkonvenjent għax-xogħol tal-Qrati.
Leg 10 PQ #1372 Sitting 28 2003-07-21 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali

Question

Wara li fl-aħħar laqgħa għas-Sindki saret rakkomandazzjoni sabiex il-President ta' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali jibda jirċievi onorarja ekwivalenti għal dik ta' Sindku, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb, u f'każ li hemm tali ħsieb, meta huwa maħsub li jsir tibdil fl-Avviż Legali li jirregola l-Assoċjazzjoni sabiex il-President ta' l-Assoċjazzjoni jkun jista' jirċievi din l-onorarja ?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li d-diskussjonijiet dwar l-onorarja tal-President ta` l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali għadhom għaddejjin u fil-preżent il-proposti kollha qed jiġu evalwati.
Leg 10 PQ #1373 Sitting 28 2003-07-21 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Sindki — Kunsilli Lokali - Protokoll

Question

Peress li fil-laqgħat kollha msejjħa għas-Sindki sa mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali kien hemm kritika għall-fatt illi għandu jkun hemm rispett u rikonnoximent akbar lejn is-Sindki billi jigu inkluzi ukoll fil-lista tal-protokol, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu huwiex qiegħed jikkonsidra li jagħmel proposti konkreti biex din il-materja tigi indirizzata ?

Response (BORG, TONIO)

Qed nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-lista ta` Preċedenza maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. F`dak il-każ ninforma lill-Onor. Membru li kemm is-Sindki kif ukoll il-membri tal-Kunsilli Lokali huma diġa` inklużi f`din il-lista. Qiegħda tiġi kunsidrata il-pożizzjoni tas-Sindki f`dil-lista.
Leg 10 PQ #1374 Sitting 28 2003-07-21 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Dipartiment tal-Kunsilli Lokali — Kodiċi ta' Etika

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hemmx il-ħsieb li l-Kodiċi ta' Etika li kien pubblikat mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali ftit wara t-twaqqif tal-Kunsilli Lokali jiġi emendat biex jaġġorna ruħu ma' l-evoluzzjoni li seħħet fil- Kunsilli Lokali ? Jista' l-Ministru igħid jekk hemmx diskussjonijiet għaddejjin fuq dan l-istess suġġett ma' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali ?

Response (BORG, TONIO)

Għalkemm ma kienx hemm uffiċjalment dan il-ħsieb pero` s-suġġeriment tal-Onor. Membru ser jiġi kkunsidrat u dan għax huwa eżerċizzju tajjeb li wara għaxar snin ta` Kunsilli Lokali jsir eżami sabiex wieħed jara kif jista` jtejjeb dan. Il-punt in kwistjoni issemma mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Leg 10 PQ #1035 Sitting 26 2003-07-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Wied il-Għajn — Persuni li qed jiskontaw sentenza fil-CCF

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il persuni residenti f'Marsaskala qed tiskonta sentenza fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? kemm-il persuna residenti f'Marsaskala qed tinżamm arrestata fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Kemm-il persuna residenti f'Marsaskala tressqet jew qed tistenna li titressaq il-qorti mill-1995 'il hawn fuq pussess u/jew traffikar ta' drogi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin, preżentament hemm ħames priġunieri li meta ġew irreġistrati iddikjaraw li huma residenti f`Marsascala. Minn dawn, wieħed qed jiskonta sentenza, filwaqt li l-erbgħa l-oħra qegħdin taħt arrest preventiv. L-ebda wieħed minn dawn ma huwa sentenzjat jew akkużat dwar reat konness mad-droga. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi bejn Jannar 1999, minn meta t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant beda jinżamm taħt forma ta` statistika, u Ġunju 2003, kien hemm 34 persuna li kellhom ir-residenza tagħhom Wied il-Għajn, li tressqu jew ser jitressqu l-Qorti mill-Iskwadra ta` kontra d-droga tal-Pulizija fuq akkużi relatati ma` droga.
Leg 10 PQ #1165 Sitting 26 2003-07-15 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Kunsilli Lokali — Self ta' flus - Bini ta' uffiċini ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk il-Kunsilli li talbu li ssir laqgħa biex isir self ta' flus biex ikunu jistgħu jibnu uffiċini tal-Kunsilli ġodda?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta Kunsill ikun irid jieħu xi self mill-bank, il-Kunsill ikun irid jikseb l-awtorita` bil-miktub tal-Ministru responsabbli għall-Gvern Lokali bi ftehim mal-Ministru responsabbli għall-finanzi. Dan skond artikolu 3(2)(a) ta` l-Att dwar Kunsill Lokali (Kap. 363). Meta Kunsill jagħmel din it-talba hemm proċedura sħiħa xi jsegwi, fosthom li jippreżenta lid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali, Cash Flow biex juri li dan is-self ma jkunx ser jeffettwa ħażin l-operat tal-Kunsill. Bħalissa hemm applikazzjoni waħda pendenti u din hija tal-Kunsill Lokali Paola. Jiena ninsab infurmat li l-approvazzjoni għas-self għandha toħroġ fil-ġranet li ġejjien.
Leg 10 PQ #1028 Sitting 25 2003-07-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Uffiċċju Konġunt — Proprjetajiet residenzjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il unit residenzjali hemm fil-belt ta' l-Imdina? Kemm kien hemm units residenzjali fil-belt ta' l-Imdina b'ċittadini Maltin u b'persuni barranin fis-snin 1999, 2000, 2001 u 2002 sena b'sena rispettivament? Kemm minnhom kienu b'kera u kemm minnhom huma tar-residenti li joqogħdu fihom? Kemm-il proprjeta' residenzjali hemm fil-gżejjer Maltin li l-valur tagħha hi minn Lm100,000 - Lm199,999; minn Lm200,000 - Lm300,000; minn 'il fuq minn Lm300,000 sa Lm400,000; 'il fuq minn Lm400,000 inxtrat minn ċittadini Maltin; minn persuni barranin fis-snin 1999, 2000, 2001 u 2002 rispettivament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi la fir-Reġistru ta` l-Artijiet u lanqas fir-Reġistru Pubbliku ma tinżamm it-tip ta` informazzjoni mitluba. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, jista` jkun li, fil-każ ta` proprjeta` li nxtrat minn barranin biss, tali informazzjoni tista` tinkiseb mill-Ministru ikkonċernat.
Leg 10 PQ #1145 Sitting 25 2003-07-15 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Rapporti dwar attakki sesswali

Question

Jista' il-Minstru jgħid kemm kien hemm attakki sesswali fuq individwi mil-bidu tas-sena 2003 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ġunju ta` din is-sena kien hemm 31 każ ta` offiżi sesswali rrapurtati lill-Pulizija.
Leg 10 PQ #1146 Sitting 25 2003-07-15 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Kunsilli lokali — Żbilanċ finanzjarju

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 1059 u cioe' b'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 687 u 857, jista' jgħid kemm huma u liema huma l-kunsilli li jinsabu fi żbilanċ finanzjarju?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li sa l-aħħar ta` Mejju 2003, tlett (3) Kunsilli Lokali kienu jinsabu f`deficit finanzjarju. Dawn huma: Birgu Lm23,550 Rabat (Għawdex) Lm23,728 u Birkirkara Lm25,260 Id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali diġa` kiteb lill-Kunsilli konċernati biex jagħtu spjegazzjoni ta` kif ser jeliminaw dan id-deficit fl-iqsar żmien possibli.

Persuna li qed titlob permess biex taħdem f'pajjiżna

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ma ġietx milqugħa biex jaħdem hawn Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-talba li saret dwar il-persuna li tagħha ta d-dettalji l-Onor. Membru ġiet eżaminata mill-Bord li jipproċessa talbiet għall-ħruġ/tiġdid ta` liċenzji ta` impjieg. Il-Bord deherlu li hawn Maltin biżżejjed jaħdmu fil-linja tax-xogħol li għaliha ntalab dan il-permess u għalhekk ma qabilx li f`dan il-każ għandha tinħareġ liċenzja ta` impjieg.

Bormla — Triq il-Ġdida - Xiri ta' postijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-postijiet tal-gvern ta' Triq il-Ġdida, Bormla li huma mibnija fuq siti tal-privat, jistgħux jinxtraw mill-inkwlini rikonoxxuti?

Response (BORG, TONIO)

Il-postijiet tal-Gvern f`Triq il-Ġdida Bormla jinsabu mibnija fuq siti li ġew akkwistati bit-titolu ta` pussess u użu bħal ħafna siti oħra ġewwa il-Kottonera u l-Belt Valletta. Sa ftit xhur ilu kien diffiċli ħafna li l-Gvern jiġi s-sid assolut ta` siti li ġew akkwistati taħt dan it-titolu. Issa permezz tal-Att XI ta` 2002, li jemenda l-Ordinanza dwar l-Akkwist ta` l-Artijiet għal Skopijiet Pubbliċi (Kapitolu 88), il-Gvern jista` jsir is-sid assolut ta` dawn is-siti appena jippubblika Dikjarazzjoni tal-President ta` Malta billi jikkapitalizza l-kera ta` pussess u użu li titħallas għal dawn is-siti bil-1 fil-mija (1%). Peress li mad-Dikjarazzjoni tal-President ta` Malta, il-flus dovuti ikunu jridu jiġu depositati il-bank, id-Dipartiment tal-Artijiet lest li jagħmel dan meta jkollu il-fondi neċessarji.

Souvenir shops

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw il-ħwienet li huma awtorizzati li jbiegħu s-Souvenirs lit-Turisti li hawn f'Malta, Għawdex u Kemmuna? Jista' jgħid liema huma, lokalita' b'lokalita' ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-liċenzji tan-negozju msemmija, m`għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 10 PQ #1023 Sitting 24 2003-07-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Qorti tal-Familja

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tibda tiffunzjona l-Qorti tal-Familja peress li jidher li hemm numru konsiderevoli ta' kawżi mwaħħla quddiem is-sekonda awla?

Response (BORG, TONIO)

Preżentement għadu għaddej xogħol ta` kostruzzjoni u abbelliment fil-post fejn ser tiffunzjona l-Qorti tal-Familja. Kif dawn jitlestew wieħed ikun jista` jieħu deċiżjoni fuq il-ġurnata meta din tista` tibda topera.
Leg 10 PQ #1114 Sitting 24 2003-07-14 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Tribunal għall-ksur tal-liġijiet

Question

F'liema Kunsill Lokali isiru laqgħat tat-tribunal għall-ksur tal-liġijiet irrappurtati mill-wardens? Jista' f'kull każ jgħid liema bliet/irħula ikopri tribunal? Jista' jgħid ukoll min jippresiedi kull tribunal?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.